25.2.18

Il-politika l-ġdida llum




1.     Għaddejjin minn proċess politiku interessanti ġewwa dawn il-gżejjer.  Wieħed li effettivament imur kontra r-regoli li ġew stabbiliti maż-żminijiet ta’ x’inhija l-politika t-tajba.  Fejn jinġabru numru ta’ elementi essenzjali sabiex is-soċjetà timxi ‘l quddiem.  It-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, ta’ dak li huwa l-Istat u ta’ dak li għandu jservi lill-poplu.  It-tieni, it-tweġiba diretta lejn il-problemi soċjali li kull Stat ikollu u li, kif nafu, għandna.  Minflok għaddejjin minn żmien fejn il-fiduċja hija mogħtija fuq x’kapaċi jmexxi u jiġbed is-suq kummerċjali.



Immexxija mis-suq



2.     Nafu li kull kritika li qegħda ssir mill-Oppożizzjoni u mis-soċjetà qegħda titwarrab fil-ġenb, għax l-ekonomija sejra tajjeb.  Għalhekk, skont il-Gvern, jekk l-ekonomija sejra tajjeb, dan ifisser li anke s-soċjetà.  Però, dawk bħalna li jgħixu mal-bnedmin jafu li dan mhuwiex minnu.  Is-suq ma jsolvix il-problemi soċjali.  Jassigura biss li wħud jaqilgħu iktar, fejn l-interessi tagħhom jiġu konsolidati.  Hemm linja li trid tinġibed, li preżentement mhix.  Kollox jgħaddi f’isem kollox, barra dak li huwa l-ġid komuni tagħna.  Jidher ċar li l-aġenda nazzjonali qegħda tiġi mmexxija proprju minn dak li jridu wħud.



Programm soċjali



3.     Hemm f’dan ċar għal xi wħud li l-Gvern preżenti tilef mill-ħeġġa u l-impetu neċessarju sabiex jaħdem fuq programm soċjali.  Anzi, jekk tippermettuli, dħalna f’politika li m’għandhiex direzzjoni.  Fejn dak li huwa inġust sar issa ġust, u dak li huwa żbaljat sar issa aċċettabbli.  Hawn, evidentement, ksur sistematiku u deċiż sabiex ma jkunx hemm regoli.  Mhux biss.  Hawn fażi ta’ diżorjentament fejn hemm kuntrasti.  L-ewwel: ma kull jum irid jiġi assigurat li jikbar aktar il-bżonn tal-kult tal-personalità.  It-tieni: jingħad diversi drabi li l-Prim Ministru mhux beħsiebu jkompli fil-leġislatura kollha.



Min jiddeċiedi li jiċċaqlaq



4.     Hemm f’dan, u fil-ħajja politika, il-mument meta mexxej ta’ partit jagħżel li jiċċaqlaq.  Ċertament mhux deċiżjonijiet faċli.  U, jingħad x’jingħad dwar ir-raġunijiet li jwassluh f’dan il-punt, dawn ħafna drabi jibqgħu magħluqa ġewwa fih.  Biss, f’dan ix-xenarju politiku ser jiġi b’xi mod mibdul.  Dan, bħala Oppożizzjoni, irridu nifhmuh.  L-ewwel: billi waqt li nieħdu atteġġjament aktar pożittiv taż-żminijiet, u fl-istess ħin, naturalment kritiku billi nħarsu lejn kif inhija s-soċjetà llum u l-passi ta’ riforma li rridu ndaħħlu.  Fit-tieni: fit-twettiq u l-bini ta’ partit politiku li huwa aktar attent biex jibni programm ta’ ħidma.  Li fix-xhur li ġejjin nerġgħu niltaqgħu lura mal-pajjiż fi proċess ta’ diskussjoni u dibattitu biex nibnu programm elettorali.



Il-politika trid timxi



5.     Il-politika mhix statika.  Tinbidel il-ħin kollu.  F’dan, għalhekk, hemm bżonn bidliet iktar qawwija li jridu jintrebħu.  Għarfien ta’ din il-pożizzjoni barra mis-soltu li qed jieħu l-Gvern, u fl-istess ħin, preparazzjoni.  Preparazzjoni sabiex, l-ewwel: l-eventi ma jiġux fuqna; u t-tieni: sabiex inkunu interlokuturi u protagonisti ta’ dak li ġej.  Hemm min jista’, f’dan, joqgħod lura u jistenna.  Biss, dan ikun definittivament żbaljat.  Partit huwa, u jkun rilevanti skont l-ideat politiċi li jħaddan u l-programm elettorali li jrid iwettaq.



Il-vuċi tagħna



6.     Proprju fuq dan huwa, iktar minn qatt qabel essenzjali li l-mezzi tal-partit jiġu ssudati.  Dawn ekonomiċi u fl-istess ħin l-istrumenti li permezz tagħhom inwasslu l-messaġġ tagħna ċar u preċiż.  Iktar ma nifhmu malajr li, fil-verità, niddependu fuq il-gazzetti tagħna, fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħna, tant aħjar.  Ma hemmx dubju li tul dawn ix-xhur, f’din il-linja mxejna ‘l quddiem.  Però hemm iktar li jista’, u li għandu jsir.  L-iktar minn dawk li jsostnuna, li japprezzaw li x-xiri tal-gazzetti u li wieħed jisma’ dak li ngħidu jissudana ferm aktar.  F’dan il-mument, il-politika l-ġdida tagħna llum tiddependi minn dan.








No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...