7.2.18

Tagħlim mingħand il-Franċiżi.






1.     Ftit ilu mort it-Teatru Manoel għall-produzzjoni verament tajba tad-dramm ‘Antigone’ ta’ Jean Anouilh (1910-87), miktub lejn l-aħħar tal-Gwerra (1943-44).  Anouilh ipprova jadatta għaż-żmien modern id-dramm antik tal-Grieg Sofokle, li huwa l-ewwel opra letterarja li tqiegħed id-drittijiet ta’ dejjem, u fundamentali, tal-bniedem kontra l-interessi, temporanji, tal-Istat.



2.     Fil-korsijiet tal-Filosofija tad-Dritt, fl-universitajiet kollha tad-dinja, id-dramm ‘Antigone’ ta’ Sofokle jissemma’ ħafna.  Fuq dan, laqtitni proprju battuta ta’ Anouilh: “Min għandu l-poter f’idejh, jinteressah li jżommu, u jkollu t-tentazzjoni li jwarrab l-għażla bejn dak li hu sewwa u dak li mhux, u jagħmel biss dak li jaħseb li ser iżommu fis-setgħa”.  Nifraħ lill-atturi u lil min iddiriġihom, kif ukoll lil kull min kien responsabbli għal din il-produzzjoni fil-Manoel.  Kienet, għal diversi bħali, serata interessanti ħafna.



3.     Anouilh probabilment kien qiegħed jalludi għall-gvern ta’ Vichy, immexxi mill-Marixxall Petain, li biex jikkonserva l-biċċiet tas-setgħa li ħallielu Hitler, kien jikkollabora man-Nażisti anke fejn ma kienx, assolutament, moralment sewwa, l-iktar dak tal-persekuzzjoni tal-Lhud.  Iżda l-frażi baqgħet tidwi f’rasi.  Bdejt naħseb f’din it-tentazzjoni li ma saritx biss lil Petain u lil sieħbu, Laval.



4.     Hija tentazzjoni li jrid jibża’ minnha kull min għandu mqar biċċa setgħa, jiġifieri mhux biss id-dittatur li jaħseb li ma jista’ għalih ħadd, iżda wkoll min tela’ b’elezzjoni u għandu biss terminu ta’ żmien.  Il-poter huwa bħal-loppju.  U kif nafu tajjeb, ġeneralment, l-iktar li jistordi bih dan il-loppju mhuwiex il-Kap innifsu, iżda dawk ta’ madwaru.  Li jgawdu mingħajr l-uġigħ ta’ ras li ġġib magħha s-setgħa.



5.     Bdejt naħseb: x’inhi din il-ferneżija li għandu dan il-Gvern tallum, li jrid isarraf kollox fi flus?  Ibigħ il-passaporti biex ikollu l-flus f’idejh; issa qiegħed ibigħ l-isptarijiet, biex ma jonqsulu qatt il-mezzi.  Ma jżommuhx lura s-suspetti u l-insinwazzjonijiet dwar interessi ta’ dak u l-ieħor.  Gvern li jiddikjara ruħu “business friendly” jispiċċa biex jirraġuna bħallikieku l-Gvern għandu jinnegozja anke d-dota li rċieva mill-gvernijiet Maltin kollha ta’ qablu.



6.     Xi wħud forsi nsew li biex pajjiżna wasal li kellu sptar bħal dak ta’ San Luqa fi Gwardamangia dam jibnih, biċċa biċċa, mill-1929 sal-1950.  Oħrajn setgħu nsew, jew iridu jinsew, xi sforz sar biex inbenda l-Isptar ta’ Għawdex, li huwa wkoll ħa l-ħin u l-enerġija ta’ missirijietna biex isir.



7.     Is-sewwa huwa li l-gvern għaqli li jrid jagħti servizz tajjeb ta’ saħħa għaċ-ċittadini tiegħu kollha ma jistax jafda l-isptarijiet f’idejn kumpanniji privati barranin, li jitmexxew għall-iskop tal-profitt tagħhom.  Ċerti servizzi essenzjali m’għandhom qatt jiġu privatizzati; u ċertament qatt m’għandhom jitħallew esklussivament f’idejn in-negozjant barrani.  Dan huwa żgur wieħed minnhom.



8.     Nibda naħseb: Mintoff raha bi kbira li jkun hawn sptar privat għal kollox f’idejn is-Sorijiet, li m’humiex kumpannija kummerċjali, u ried li jikkontrolla xi sodod mill-Blue Sisters.  U issa, dan il-Gvern li jgħid li huwa tal-Partit li kien ta’ Mintoff, lest biex iħalli l-isptarjiet mhux f’idejn ta’ nies ispirati mill-karità, iżda f’idejn ta’ kumpanniji barranin li terġa’, kif qed naraw, jgħadduhom minn id għal oħra kif jaqblilhom.



9.     Qrajt fil-Le Monde, dan l-aħħar, dwar ktieb ta’ filosfa Franċiża, Corine Pelluchon, li jġib l-isem ta’ ‘Éthique de la considération’, u li jittratta fuq il-Morali fil-Politika (għal min nesa jew irid jinsa li anke fil-Politika teżisti l-morali).  Id-domandi li tagħmel hemm huma ċari.



10.   X’suppost li għandu jammira għalih il-politiku?  Kull politiku, meta jkun fil-Gvern u meta jkun għadu fl-Oppożizzjoni għandu jipprova jagħmel mid-dinja, u jibda l-ewwel minn pajjiżu, post aħjar fejn jgħixu l-ħlejjaq kollha, ibda mill-bnedmin ħutu.  Il-poter m’għandux siwi fih innifsu: is-siwi qiegħed f’dak li tista’ tagħmel meta jkollok il-poter f’idejk.  Soċjetà ġusta li fiha tirrenja l-paċi, il-libertà u l-ugwaljanza.



11.   Il-politiku li jimmira biex f’pajjiżu s-servizz tas-saħħa jkun aħjar għall-Maltin kollha, biex is-servizz tat-tagħlim ikun aħjar għall-Maltin kollha, biex it-taqsim tal-ġid ikun iktar ġust, biex il-Maltin kollha jkunu mistrieħa dwar is-sigurtà tagħhom, biex l-ambjent naturali ikun protett, u l-wirt kulturali u artistiku jiġi miżmum tajjeb u gawdut, ma jistax ibigħ (taħt l-isem ta’ ‘jipprivatizza’) l-isptarijiet, l-iskejjel (anki l-universitajiet), il-ħabsijiet, il-pulizija, l-armata, it-taqsim tal-ħlas tal-pensjonijiet.



12.   Ħalli jkun hawn skemi ta’ pensjonijiet privati, skejjel privati, sptarijiet privati, anke universitajiet privati.  Iżda politika li tneħħi minn idejn il-gvern ta’ kulħadd il-mezzi li bihom jista’ jwieġeb direttament hu għall-bżonnijiet tal-komunità tkun qed tinsa l-iskop li għalih fittxet il-mandat li tiggverna.



13.   Xogħol il-Gvern mhux il-business, u xogħol il-Gvern m’għandux jitħalla għan-negozju.  Min irid jagħmel in-negozju m’għandux jittanta jieħu l-poter, u min għandu l-poter f’idejh jeħtieġ li jużah għall-ġid tal-komunità.  U jeħtieġ ikollu konsiderazzjoni għall-bżonn ta’ kulħadd.  Is-suq jikkmanda n-negozju, u fin-negozju wieħed jimmira għall-qligħ.



14.   Allaħares ma jkunx hemm il-Gvern li jirrimedja għan-nuqqasijiet tas-swieq.  Is-suq imħolli waħdu, fil-kompetizzjoni, jara lil min jimxi ‘l quddiem u lil min (kultant il-kontra) li tibqa’ lura.  Ħażin li gvern jirrinunzja għall-mezzi li bihom jista’ jilqa’ għall-bżonnijiet, anke ta’ dawk li b’diżgrazzja jew b’nuqqas jibqgħu lura u jinżlu taħt il-mewġ.



15.   Imma, kif qal tant tajjeb Anouilh: “Min għandu l-poter f’idejh, jinteressaħ li jżommu, u jkollu t-tentazzjoni li jwarrab l-għażla bejn dak li huwa sewwa u dak li mhux, u jagħmel biss dak li jaħseb ser iżommu fis-setgħa”.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...