15.2.18

Partit xi ftit eżiġenti.





1. L-istorja tal-Partit Nazzjonalista turina kemm il-partitarji  jistennew mingħand dawk li jiġu proposti jew anki mtella’ bil-vot tal-maġġoranza biex imexxuhom u jiddireġuhom.  Inmorru lura fil-bidu tas-seklu ta’ qabel, u nsibu lil Nerik Mizzi jikkumbatti lil dawk li ppreferew lil Francesco Azzopardi.  Insibu ukoll lil Sir Ugo Mifsud imqiegħed fil-ġenb jistenna, waqt li l-ewwel Monsinjur Panzavecchia, imbgħad Ġużè Howard u mbgħad Dr.Francesco Buhagiar, tqiegħdu Prim Ministri. Iż-żmien però biddel l-opinjoni ta’ ħafna kompletament.

Nerik Mizzi

2. Wieħed jsib fl-istorja li meta Nerik Mizzi, li kif nafu kien internat fl-Uganda, ġie lura Malta, kien hemm moviment fost xi partitarji biex jitwarrab, għaliex skont huma kellu dell fuqu. Allura dawn kienu marru jgħajtu lill-Professur Hyzler, bniedem rispettat li kien deputat Nazzjonalista fl-1932-33, u waqqfu Partit ieħor bl-isem ta’ Democratic Action Party u ġabrulu madwaru Nazzjonalisti u anki ex-Striklandjani. Iżda mal-ewwel elezzjoni, dik ta’ Ottubru 1947, deher ċar illi l-Partit kellu avvjament sod li jkeċċi d-dellijiet, tant li Nerik Mizzi sar Kap tal-Oppożizzjoni b’sitt deputati miegħu, waqt li d-D.A.P tella’  erba’ deputati. Mhux biss, imma wara l-elezzjoni tal-1950, Nerik Mizzi sar Prim Ministru ta’ Gvern ta’ minoranza, waqt li d-D.A.P. spiċċa b’deputat wieħed biss. Iż-żmien reġa’ ta’ parir. 

Ġorġ Borg Olivier

3. Meta miet Nerik Mizzi, Ġorġ Borg Olivier li kellu biss tmienja u tletin sena, iżda kien l-id leminja tal-Prim Ministru li ġie nieqes, ġie inkarigat li jkompli l-Gvern u sar Kap tal-Partit.  L-istess elementi eżiġenti bdew igergru li Borg Olivier kien żgħir wisq fl-età (allavolja kien serva fil-Kunsill tal-Gvern fil-Gwerra, meta s-sitwazzjoni kienet tant diffiċli, u kien ra lil Sir Ugo jħossu ħażin u mbgħad imut jiddefendi lil Nerik Mizzi u sħabu). Kif juru l-eventi passati, bdew jissuġġerixxu li jintalab li Sir Philip Pullicino jidħol imexxi l-Partit hu.  Borg Olivier ġustament irreżista u baqa Prim Ministru, f’koalizzjoni sal-1955. Iktar tard kellu  s-sodisfazzjoni uniku li jassigura l-Indipendenza għal pajjiżna. Wettaq il-ħolma tan-Nazzjonalisti kollha u tal-Maltin li fehmu din il-ħtieġa ewlenija. Iż-żmien tah raġun.

Eddie Fenech Adami

4. Iktar qrib lejna, kien hemm min dam biex aċċetta l-għażla ta’ Eddie Fenech Adami - il-bniedem li din il-ġimgħa ċċelebrajna miegħu f’għeluq l-erbgħa u tmenin sena tiegħu. Għalkemm Guido DeMarco kien, kif turi l-istorja, lealment aċċetta din l-għażla, li saret b’mod l-iktar trasparenti u demokratiku, kien hemm xi wħud li baqgħu jistennew li xi darba EFA jiżbalja, ħalli jsir dak li xtaqu huma.  Eddie mexxa l-Partit b’għaqal, b’demokrazja u intelligenza għar-rebħiet tal-maġġoranza fl-1981, tal-maġġoranza u l-gvern fl-1987, 1992, 1998 u 2003. L-għażla tal-kunsillieri tal-partit meta nħatar l-ewwel kap-suċċessur, mbgħad Kap u ġiet kif nafu konfermata mill-maġġoranza tal-poplu. Il-milja taż-zmien mexxietu fl-għażla  tajba li kienet saret fih.

Partit Demokratiku Kristjan

5. Il-Partit Nazzjonalista qatt ma kien partit ta’ bniedem wieħed u dejjem għażel il-kapijiet tiegħu b’demokrazija.  Qatt ma konna partit monarkiku imma dejjem wieħed popolari u sħih. Biss, irridu naċċettaw li l-unanimità dejjem ġiet wara l-għażla. Billi l-Partit huwa demokratiku minn għanqudu, u billi fih kien hemm u għad hemm nies ta’ tendenzi u temperamenti differenti, huwa diffiċli jkun hemm unanimità mill-ewwel fuq l-għażla tal-persuni li jmexxuh. Biss il-prinċipji u l-valuri nsara tiegħu servewh biex dan il-kunsens generali jintlaħaq u jsir il-pedament ta’ ħidma għall-ġid veru ta’ dan l-poplu.

Ta’ qabel jinfluenzaw tal-lum

6. Issa nafu wkoll kemm hemm ukoll Nazzjonalisti li jippretendu mill-Kap kwalitajiet uniżi u ta’ perfezzjoni kważi assoluta. L-ewwel li jkollu l-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-bżulija ta’ Fenech Adami. It-tieni id-dehen, il-prudenza u l-lunġimiranza ta’ Borg Olivier. It-tielet id-dedikazzjoni idealista u s-sens ta’ sagrifiċċju ta’ Nerik Mizzi. Ir-raba’ l-elokwenza, l-għerf u l-manjanimità ta Sir Ugo Mifsud. Il-ħames id-determinazzjoni u l-perseveranza ta’ Lawrence Gonzi. Dawn jriduhom kollha magħġuna fih. Anki mingħand is-Segretarju Ġenerali jistennew mhux biss id-doti ta’ Louis Galea, iżda wkoll ta’ dawk li servew fil-kariga fis-snin ta’ qabel, fosthom l-għerf , l-kultura  u l-popolarita ta’  nannuwi, l-Gross.

Mifruxa sew.

7. Il-firmament tal-Partit huwa mifrux sew. Dan l-aħħar Max Farrugia ppublika ktieb mill-aqwa dwar Enrico Dandria, li kien Ministru tal-Edukazzjoni Nazzjonalista ta’ żminijiet oħra. Kien stilla maġġuri  li spirat lill-Ministri tal-Edukazzjoni taż-żminijiet ta’ wara, fosthom lil missieri. Għax kif nafu l-istorja tal-Partit iġġegħel lill-partitarji li jistennew mingħand il-Kap, il-viċijiet, is-Segretarju Ġenerali u kull min minnhom jokkupa karigi oħra li dejjem jimmira lejn l-istilel, u li jasal għall-ogħla livelli. Konna u dejjem nibqgħu il-partit li jħares ‘l fuq u jrid dejjem l-aħjar u l-aqwa.

Esperjenzi uniċi

8. Ħadd ma għandu jieħu għalih li hemm din l-istennija minnu jew jiskanta kif hawn dawn l-ambizzjonijiet. Ħadd m’għandu jagħmel il-bsaten fir-roti, lil dawk li qed jagħmlu l-almu tagħhom.  ‘Jistenna’ tfisser mhux biss li wieħed iħalli ċertu żmien jgħaddi, iżda wkoll li jeżiġi. Il-partit għandu l-avvjament tiegħu, barra mill-persuni li jmexxuh. L-arma, l-innu, iżda fuq kollox l-istorja mimlija esperjenzi uniżi għalina li jibqgħu jispirawna. 

Adrian Delia

9. X’jista’ jistenna l-Kap tal-Partit tagħna illum Dr Adrian Delia? X’jistgħa jistenna f’partit, li l-ewwel ħadem għall-awtonomija, imbgħad għall-Indipendenza, imbgħad biex żviluppa l-ekonomija u biex bena l-istrutturi tal-edukazzjoni u s-saħħa, biex kabbar is-servizzi soċjali, u biex pajjiżna jitmexxa b’demokrazija u rispett lejn id-drittijiet ta’ kulħadd garantiti fil-Kostituzzjoni? Li rnexxilu jgħaqqadna mal-Unjoni Ewropea? Il-Partitarju, bl-ittra kaptali nafu li jistenna bil-paċenzja , iżda wkoll bil-qalb u l-fiduċja kollha w kbira li dejjem kellu. Ma hemmx dubju li nafu li f’kull żmien aħna partit xi ftit eżiġenti però għandna dejjem l-konfort li mertu ta’ dan, ħarġu minnu mexxeja kbar.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...