20.2.18

Sejf u Tarka



1.      Pajjjiżna ma kellux ħajja faċli.  Kull min jaqra l-istorja jagħraf li batejna sew sabiex wasalna fejn aħna llum.  Il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna kitbu u għaddew bil-fomm l-esperjenzi iebsa ta’ umiljazzjonijiet, faqar u disprezz li ħassew u rċevew.  Diversi jinsabu jistrieħu meritatament fil-ħajja ta’ dejjem, waħda fl-eternità.  Bnedmin li jixirqilhom ir-rispett tagħna.  Ma jistennewx li ninsewhom, wisq inqas li narmu dak li għaddew minnu biex wassluna fejn aħna.  Proprju għalhekk li għandna nifhmu li għandna dmir nipproteġu dak li għandna.  Għandna dmir morali u legali li nassiguraw li ma narmux dak li tawna, u għalhekk lilna nfusna u dak kollu li jagħmilna.

Inżidu fit-tajjeb

2.      Mhux biss, imma għandna wkoll id-dmir li nżidu fit-tajjeb.  Inżidu sabiex nibqgħu nħarsu lejn il-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna.  Il-preżent jibqa’ dak li huwa, però l-futur jitlob ħsieb, investiment u viżjoni fit-tul.  Proprju fuq dan, jekk huwa permess taqbil u kuntrast bejn l-aħħar żewġ amministrazzjonijiet taż-żewġ partiti l-kbar, nistgħu ngħidu li waħda, dik Nazzjonalista, kienet wisq moħħha fil-futur, mentri din Laburista attwali tħares biss lejn illum.  Waħda tħares il-bogħod; l-oħra, ħafna drabi, lejn iż-żokra.  Il-ħidma, anki jekk kritikata u oskurata ta’ dak l-aħħar gvern tal-Partit tagħna, qegħdet pedament għal dak li qed jitgawda fil-mument.

Responsabilità politika

3.      Jingħad x’jingħad, f’dan kull gvern irid jieħu r-responsabbiltà politika ta’ dak li jkun qed iseħħ taħtu u fi żmienu.  Ħadd ma jista’ f’dan imeri li f’dawn l-aħħar snin, ir-reputazzjoni tajba tagħna bdiet tieħu daqqiet lura.  Triq tkun maqtugħ mir-realtà politika biex taħseb jew timmaġina li mexjin verament ‘il quddiem.  Hemm kullana ta’ eventi li seħħew u għadhom għaddejjin li ma ġiebuniex fid-dawl tajjeb li missirijietna kienu jieħdu ħsieb jarawna fih.  Mhux biss, imma l-iktar kumplikat u diffiċli huwa l-fatt li l-Gvern attwali m’huwiex jirnexxilu jibni programm li jikkumbatti lura għas-sewwa.  Qiegħed, fil-verità, f’nixfa sterili ta’ ideat li jżommuh wieqaf jersaq lura.  Dan kien mill-iktar evidenti fl-aħħar intervista twila li saret lill-Prim Ministru ta’ pajjiżna.

 Il-liġijiet ma twieldux fix-xejn

4.      Ngħid dan, għax tul dawn l-aħħar snin smajna ħafna diskors dwar kemm suppost hija ħażina l-Kostituzzjoni tagħna u kemm hemm bżonn riformi fiha.  Ftit kienu l-proposti veru u sodi li fuqhom wieħed jista’ jibda jiddiskuti jekk hux daqshekk bżonn li dak li huwa tajjeb legalment u li ħadem fil-passat għandux jiġi mibdul.  Il-liġijiet li writna minn ta’ qabilna ma twildux mix-xejn, imma f’kuntest storiku li kien jirrifletti l-esperjenzi li għaddejna minnhom.  Dak li hemm fid-dokument li ngħarfu bħala l-Kostituzzjoni u l-liġijiet l-oħra ta’ natura kostituzzjonali waslu għandna fil-proċess taż-żmien.  F’dak li numru ta’ filosfi u kittieba jirreferu għaliha bħala l-prodott finali ta’ prassi.

Proposti konkreti

5.      Jekk hemm xi ħadd li huwa verament konvint li l-Kostituzzjoni għandha bżonn tibdiliet, għandu jersaq bi proposti konkreti.  Jekk hemm min huwa konvint li hemm partijiet li m’humiex jaħdmu, irid jersaq ‘il quddiem u jelenka.  Biss, kif nafu, hemm min ma jarax ċar bejn l-abbiltajiet tal-bnedmin li jmexxu poplu u l-kwalità tal-liġijiet tiegħu.  Jista’ jkollok kostituzzjoni miktuba b’inqas perfezzjoni imma li tiġi mmexxija minn persuni li għandhom kwalitajiet demokratiċi u li jħarsu fit-tul.  Il-problemi, kif nafu tajjeb, iqumu meta l-liġijiet ikunu miktuba tajjeb, imma min imexxi ma jkunx qiegħed jirrispetta l-ispirtu tagħhom, anzi jinjorahom.

Nuqqas ta’ osservanza demokratika

6.      Fil-verità, preżentement, din hija l-problema prinċipali.  In-nuqqas ta’ korrettezza, ta’ osservanza demokratika tal-istituzzjonjiiet wassluna fejn qegħdin.  Din ma tiġix, però, solvuta billi tmur għal bidliet kostituzzjonali li ma jmexxuniex ‘il quddiem fuq it-triq lura lejn it-trasparenza u l-meritokrazija.  Li wieħed jgħid li l-pajjiż ser jagħmel qabżiet ‘il quddiem għax ineħħi partijiet mill-ewwel artikolu, fejn niddikjaraw ruħna poplu newtrali, jew mit-tieni wieħed fejn niddikjaraw li aħna Nsara, ħafna m’humiex proprju jifhmu.

Għażilna aħna li jkollna

7.      Dawn il-pożizzjonijiet m’humiex hemm għax imposti, imma għax ġew aċċettati minn ta’ qabilna.  Huma parti integrali mill-identità nazzjonali u l-patrijottiżmu tagħna.  Dan għax irridu aħna.  Żgur mhux forsi, bidla hawn mhix ser tagħmel differenza lill-oħrajn.  Is-sitwazzjoni ġeo-politika internazzjonali mhix ser tmur ‘il quddiem jew lura bil-fatt li ma nibqgħux iktar newtrali.  Il-pajjiżi li jiggarantixxu stabilità jew instabilità mhux ser nolqtuhom.  Kif anqas m’aħna ser inbiddlu l-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika.  Hija tibqa’ għaddejja bil-missjoni li xxerred, tippriedka u tevanġelizza.  Ħajjitha ma tiddependix minn jekk tissemmiex fil-Kostituzzjoni jew le.  Li tneħħi, għalhekk, dawn it-tastieri mill-identità nazzjonali li tinħass mill-maġġoranza tal-bnedmin fuq din il-gżira, ma tmexxiniex ‘il quddiem.  Mhux ser iżżid fil-piż tas-sewwa, imma ċċekkinna fl-inabilità li niddikjaraw dak li aħna u dak li jagħmilna.

Sejf u tarka

8.         Proprju għalhekk, għax naraw li m’aħna ser nieħdu xejn b’dak li ġie propost, li kif sewwa ddikjara l-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Adrian Delia, li ser inkunu sejf u tarka tal-Kostituzzjoni.  Il-pajjiż miżuri li jmexxuh ‘il quddiem, li jġibulu lura r-reputazzjoni t-tajba li kellu u mhux dawk li jkomplu jċekknuh.  Diġà għandna n-nomina li qed inbiegħu l-identità tagħna permezz tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, u li hawn saret art fejn il-korruzzjoni teżisti sew.  Ma nkomplux aktar, imma nimxu lura għas-sewwa.  Pajjiżna jixraqlu l-aħjar, u għalhekk ser inkunu iktar id-difensuri tal-valuri t-tajba għax dak huwa dmirna lejn dawk li għexu u dak li qed jgħixu fuq dawn il-gżejjer.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...