15.2.18

Partit Xi Ftit Eżiġenti.


1.      L-istorja tal-Partit Nazzjonalista turina kemm il-partitarji jistennew mingħand dawk li jiġu proposti jew anki mtellgħa bil-vot tal-maġġoranza biex imexxuhom u jiddiriġuhom.  Immorru lura fil-bidu tas-seklu ta’ qabel, u nsibu lil Nerik Mizzi jikkumbatti lil dawk li ppreferew lil Francesco Azzopardi.  Insibu wkoll lil Sir Ugo Mifsud imqiegħed fil-ġenb jistenna waqt li, l-ewwel, Monsinjur Panzavecchia, imbagħad Ġużè Howard u mbagħad Dr Francesco Buhagiar tqegħdu Prim Ministri.  Iż-żmien, però, biddel l-opinjoni ta’ ħafna kompletament.

Nerik Mizzi

2.      Wieħed isib fl-istorja li meta Nerik Mizzi, li kif nafu kien internat fl-Uganda, ġie lura Malta, kien hemm moviment fost xi partitarji biex jitwarrab għaliex, skont huma, kellu dell fuqu.  Allura dawn kienu marru jgħajtu lill-Professur Hyzler, bniedem rispettat li kien deputat Nazzjonalista fl-1932-33, u waqqfu partit ieħor bl-isem ta’ ‘Democratic Action Party’ u ġabrulu madwaru Nazzjonalisti u anki ex-Stricklandjani.  Iżda mal-ewwel elezzjoni, dik ta’ Ottubru 1947, deher ċar illi l-Partit kellu avvjament sod li jkeċċi d-dellijiet, tant li Nerik Mizzi sar Kap tal-Oppożizzjoni b’sitt deputati miegħu, waqt li l-DAP tellgħu erba’ deputati.  Mhux biss, imma wara l-elezzjoni tal-1950, Nerik Mizzi sar Prim Ministru ta’ Gvern ta’ minoranza, waqt li d-DAP spiċċa b’deputat wieħed biss.  Iż-żmien reġa’ ta parir.

Ġorġ Borg Olivier

3.      Meta miet Nerik Mizzi, Ġorġ Borg Olivier, li kellu biss tmienja u tletin sena, iżda li kien l-id il-leminija tal-Prim Ministru li ġie nieqes, ġie nkarigat li jkompli l-Gvern u sar Kap tal-Partit.  L-istess elementi eżiġenti bdew igergru li Borg Olivier kien żgħir wisq fl-età (allavolja kien serva fil-Kunsill tal-Gvern fil-Gwerra, meta s-sitwazzjoni kienet tant diffiċli, u kien ra lil Sir Ugo jħossu ħażin u mbagħad imut jiddefendi lil Nerik Mizzi u sħabu).  Kif juru l-eventi passati, bdew jissuġġerixxu li jintalab li Sir Philip Pullicino jidħol imexxi l-Partit hu.  Borg Olivier, ġustament, irreżista, u baqa’ Prim Ministru f’koalizzjoni sal-1955.  Iktar tard kellu s-sodisfazzjon uniku li jassigura l-Indipendenza għal pajjiżna.  Wettaq il-ħolma tan-Nazzjonalisti kollha u tal-Maltin li fehmu din il-ħtieġa ewlenija.  Iż-żmient tah raġun.

Eddie Fenech Adami

4.      Iktar qrib lejna, kien hemm min dam biex aċċetta l-għażla ta’ Eddie Fenech Adami.  Il-bniedem li din il-ġimgħa ċċelebrajna miegħu f’egħluq l-erbgħa u tmenin sena tiegħu.  Għalkemm Guido de Marco kien, kif turi l-istorja, lejalment aċċetta din l-għażla, li saret b’mod mill-iktar trasparenti u demokratiku, kien hemm xi wħud li baqgħu jistennew li xi darba Eddie Fenech Adami jiżbalja, ħalli jsir dak li xtaqu huma.  Eddie mexxa l-Partit b’għaqal, b’demokrazija u intelliġenza għar-rebħiet tal-maġġoranza fl-1981, tal-maġġoranza u l-Gvern fl-1987, 1992, 1998 u 2003.  L-għażla tal-Kunsillieri tal-Partit meta nħatar, l-ewwel bħala Kap-Suċċessur, imbagħad bħala Kap ġiet, kif nafu, konfermata mill-maġġoranza tal-poplu.  It-trapass taż-żmien mexxih fl-għażla tajba li kienet saret fih.

Partit Demokratiku Kristjan

5.      Il-Partit Nazzjonalista qatt ma kien partit ta’ bniedem wieħed, u dejjem għażel il-kapijiet tiegħu b’demokrazija.  Qatt ma konna partit monarkiku, imma dejjem wieħed popolari u sħiħ.  Biss, irridu naċċettaw li l-unanimità dejjem ġiet wara l-għażla.  Billi l-Partit huwa demokratiku minn għanqudu, u billi fih kien hemm u għad hemm nies ta’ tendenzi u temperamenti differenti, huwa diffiċli li jkun hemm unanimità mill-ewwel fuq l-għażla tal-persuni li jmexxuh.  Biss, il-prinċipji u l-valuri Nsara tiegħu servewh biex dan il-kunsens ġenerali jintlaħaq u jsir il-pedament ta’ ħidma għall-ġid veru ta’ dan il-poplu.

Ta’ qabel jinfluwenzaw lil tallum

6.      Issa nfau wkoll kemm hemm ukoll Nazzjonalisti li jippretendu mill-Kap kwalitajiet uniċi u ta’ perfezzjoni kważi assoluta.  L-ewwel: li jkollu l-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-bżulija ta’ Fenech Adami.  It-tieni: id-dehen, il-prudenza u l-lungimiranza ta’ Borg Olivier.  It-tielet: id-dedikazzjoni idealista u s-sens ta’ sagrifiċċju ta’ Nerik Mizzi.  Ir-raba’: l-elokwenza, l-għerf u l-manjanimità ta’ Sir Ugo Mifsud.  Il-ħames: id-determinazzjoni u l-perseveranza ta’ Lawrence Gonzi.  Dawn iriduhom kollha magħġuna fih.  Anke mingħand is-Segretarju Ġenerali jistennew, mhux biss id-doti ta’ Louis Galea, iżda wkoll ta’ dawk li servew fil-kariga fis-snin ta’ qabel, fosthom l-għerf, il-kultura u l-popolarità ta’ nannuwi, Il-Gross.

Mifruxa sew

7.      Il-firmament tal-Partit huwa mifrux sew.  Dan l-aħħar, Max Farrugia ppubblika ktieb mill-aqwa dwar Monsinjur Enrico Dandria, li kien Ministru tal-Edukazzjoni Nazzjonalista ta’ żminijiet oħra.  Kien stilla maġġuri li spirat lill-Ministri tal-Edukazzjoni taż-żminijiet ta’ wara, fosthom lil missieri.  Għax kif nafu, l-istorja tal-Partit iġġiegħel lill-partitarji li jistennew mingħand il-Kap, il-Viċijiet, is-Segretarju Ġenerali u kull min minnhom jokkupa karigi oħra, li dejjem jimmiraw lejn l-istilel, u li jaslu għall-ogħla livelli.  Konna, u dejjem nibqgħu l-Partit li jħares ‘il fuq u jrid dejjem l-aħjar u l-aqwa.

Esperjenzi uniċi

8.      Ħadd m’għandu jieħu għalih li hemm din l-istennija minnu, jew jiskanta kif hawn dawn l-ambizzjonijiet.  Ħadd m’għandu jagħmel il-bsaten fir-roti lil dawk li qed jagħmlu l-almu tagħhom.  ‘Jistenna’ tfisser mhux biss li wieħed iħalli ċertu żmien jgħaddi, iżda wkoll li jeżiġi.  Il-Partit għandu l-avvjament tiegħu, barra mill-persuni li jmexxuh.  L-arma, l-innu, iżda fuq kollox l-istorja mimlija esperjenzi uniċi għalina li jibqgħu jispirawna.

Adrian Delia

9.      X’jista’ jistenna l-Kap tal-Partit tagħna llum, Dr Adrian Delia?  X’jista’ jistenna f’partit li, l-ewwel ħadem għall-awtonomija, imbagħad għall-Indipendenza, imbagħad biex tiżviluppa l-ekonomija u biex bena l-istrutturi tal-edukazzjoni u s-saħħa, biex kabbar is-servizzi soċjali, u biex pajjiżna jitmexxa b’demokrazija u rispett lejn id-drittijiet ta’ kulħadd garantiti fil-Kostituzzjoni?  Li rnexxielu jgħaqqadna mal-Unjoni Ewropea?  Il-Partitarju, bl-ittra kapitali, nafu li jistenna bil-paċenzja, iżda wkoll bil-qalb u l-fiduċja kollha u kbira li dejjem kellu.  Ma hemmx dubju li nafu li, f’kull żmien, aħna Partit xi ftit eżiġenti.  Però għandna dejjem il-konfort li, mertu ta’ dan, ħarġu minnu mexxejja kbar.






No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...