Sur President, l-ewwel nett,
minn qalbi nawgura lill-Ministru l-ġdid tal-Ġustizzja u l-Intern. Kif qal
il-kollega tiegħi l-Onor. Beppe Fenech Adami, il-Labour Party għażel li jżomm
il-ġustizzja u l-intern taħt l-istess dekasteru u dak, għalina, huwa kumpliment
indirett li jikkonferma li meta konna qegħdin immexxu dan il-ministeru f’daqqa,
l-affarijiet irnexxew u mxew ‘il quddiem.
Ministeru Mega.
M’hemmx dubju li dan huwa
Ministeru mega, aircraft carrier ta’ affarijiet fejn fih l-Armata, ir-Reġistru
Pubbliku, il-Public Broadcasting Services, l-intern kollu, il-ġustizzja u
l-immigrazzjoni. Dan huwa Ministeru li jrid ħafna attenzjoni fit-tmexxija
tiegħu u jien nawgura li l-Ministru ma jitlaqx jiġri biex jipprova jagħmel l-affarijiet
ta’ malajr mingħajr ma jkollu spjegazzjoni tajba u ċara ta’ dak kollu li kien
qed isir fis-setturi partikolari tal-istess ministeru. Wara li jisma’ u jara dak kollu li kien qed
jiġi ppreparat u dak kollu li kien għaddej, imbagħad ħalli jidħol għar-riformi
ġodda u l-affarijiet li jixtieq hu.
Gustizzja u Intern Determinanti.
Il-ġustizzja u l-intern huma
determinanti għal pajjiż, huma ankra għal pajjiż u, għalkemm fin-nomenklatura
tal-Ministeru tneħħiet il-ġustizzja u qisu l-ġustizzja m’għadhiex teżisti,
nawgura li iktar ‘il quddiem dan il-Ministeru jinbidillu ismu u jerġa’ jiġi
lura bl-isem tal-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern. Nittama wkoll li dan il-Ministeru jimxi ‘l
quddiem, jaħdem u jibni fuq dak kollu li ħallejna warajna. Nawgura wkoll li l-miżuri legali li għamilna
bħall-ittri uffiċjali eżekuttivi, bħaċ-Ċentru tal-Medjazzjoni, bħat-tisħiħ
taċ-Ċentru tal-Arbitraġġ, it-Tribunal Amministrattiv u d-diversi emendi li
għamilna għal mandati eżekuttivi u kawtelatorji kif ukoll għax-xogħol li
għamilna fil-Qorti tal-Familja ikomplu jiġu ssodati u mmexxija ‘l quddiem. Żgur
mhux forsi li f’kull settur tista’ tagħmel ħafna fine tuning, però l-linja prinċipali għandha tkun li wieħed iħares
u jiffoka lejn is-setturi varji fil-ġustizzja u jagħmel rimedji speċifiċi
għall-problemi partikolari li hemm. Ħadd m’hu se jsib rimedju wieħed li jgħodd
għas-setturi kollha fil-ġustizzja, u jkun żbaljat min jaħseb li hemm xi ħadd li
għandu bakketta maġika biex il-kawżi kollha jinqatgħu fi żmien partikolari,
biex kollox isir malajr u biex ma jkunx hemm dewmien.
Riforma fil-ligi Dwar d-Danni.
Nawgura li l-kumitat li ġie
mwaqqaf mill-Ministru Mallia u mis-Segretarju Parlamentari tiegħu l-Onor. Owen
Bonnici jiġi b’numru ta’ punti li fuqhom wieħed ikun jista’ jiddiskuti u jimxi
‘l quddiem. Dan huwa fl-istess linja li konna għamilna fl-2003 meta konna
fassalna l-White Paper “Lejn Ġustizzja Aħjar u Eħfef” li fiha konna għamilna
kwantità kbira ta’ suġġerimenti ta’ riformi li minnhom stajna nieħdu ħafna
passi ‘l quddiem. Nappella biex abbozz
ta’ liġi, li sfortunatament baqa’ mdendel fl-aħħar leġiżlatura, dak marbut
mar-riforma tal-kawżi ċivili fid-danni, iseħħ u jsir aħjar. Kien hemm nuqqas
ta’ qbil fil-Kamra, kultant ngħid li ma kienx ġustifikat biżżejjed, però rrid
niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li bejn wieħed u ieħor terz tal-kawżi li
jidħlu l-qorti huma kawżi marbuta mad-danni ċivili naxxenti minn inċidenti ta’
traffiku jew minn inċidenti industrijali.
Jekk ikun hemm sistema legali aħjar li ddaħħal id-danni morali u tagħmel
id-danni iktar preċiżi, il-kawżi jkunu jistgħu jinqatgħu ferm iktar malajr u
wkoll tneħħi l-inċertezza li kawża tinqata’ mod u kawża oħra tinqata’ mod
ieħor. B’dan il-mod ikollna riduzzjoni tajba tal-kawżi li hemm pendenti.
Il-Qorti Nbidlet ghall-Ahjar.
Irrid infakkar li l-qorti
inbidlet ta’ taħt fuq minn kif kienet meta dħalt jien bħala Segretarju
Parlamentari sakemm imbagħad dħalt bħala Ministru u saħansitra sal-lum. Għalkemm il-volum tax-xoghol baqa’ jidħol
kważi l-istess, jekk mhux żied b’mod qawwi permezz tal-ittri uffiċjali
eżekuttivi u permezz tal-arbitraġġi, il-backlog
tal-kawżi fil-qorti naqas b’iktar minn 60%. Mhux biss, imma naqas ukoll
id-dewmien li l-kawżi jieħdu. Fil-fatt, illum, il-maġġoranza tal-kawżi li hemm
pendenti fil-qorti huma ta’ inqas minn tliet snin u allura nagħmel appell b’mod
partikolari lill-Ministru u lis-Segretarju Parlamentari, li jieħdu ħsieb li
jaraw l-affarijiet fid-dettall u ma jitilqux jiġru jagħmlu miżuri li fl-aħħar
tal-ġurnata minflok jagħmlu ġid, jagħmlu ħsara. L-esperjenza politika tiegħi
wrietni li meta wieħed jiġri fis-settur tal-ġustizzja, minflok l-affarijiet
jimxu ‘l quddiem, isib li l-affarijiet jinżammu lura.
R-Riforma tal-Gustizzja Riparatrici.
L-istess appell tiegħi jmur
għar-rigward ir-riforma tal-ġustizzja riparatriċi. Il-ġustizzja riparatriċi hija waħda
miż-żwiemel tal-battalja li għamilna fl-aħħar leġiżlatura li sfortunatament
ġiet ikkritikata fil-Parlament b’mod miskin u kien hemm ħafna kritika bla sens
biex wieħed jipprova jwaqqagħha għaċ-ċajt u jipprova jkissrilha l-kredibilità
tagħha. Jiena nittama li l-Ministru responsabbli mill-intern jieħu ħsieb li
r-riforma tal-ġustizzja riparatriċi tkompli timxi ‘l quddiem u tagħmel il-passi
neċessarji tagħha. Infakkar li għamilna dipartiment ġdid tal-Probation and Parole, għamilna s-sistema
legali b’mod li kull persuna li tidħol fil-faċilità, tingħata care plan u timxi fuq dik il-care plan biex tiġi verament riformata.
L-importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità hija dejjem determinanti li
persuni li jidħlu fil-faċilità ma jerġgħux jidħlu. Dan jista’ jiġi assigurat
billi wieħed ikun jista’ joffri toroq ġodda, u dik il-liġi hija mimlija
opportunitajiet.
Rapporti dwar il-hidma li saret.
Nistieden lill-Ministru wkoll li
qabel jagħmel xi ħaġa fuq dan is-settur, jitlob id-diversi rapporti li saru tul
dawn l-aħħar ħames snin li fihom dħalna fid-dettall dwar x’għandna bżonn
fl-istituzzjonijiet, x’għandna bżonn fis-settur amministrattiv u x’għandna
bżonn nagħmlu fil-liġi sabiex inbiddlu l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Hemmhekk, żgur mhux forsi, huwa challenge
għal kull ministru u ebda ministru f’ebda pajjiż li għandu fir-responsabilità
tiegħu l-faċilitajiet korrettivi ma jista’ qatt jistrieħ, għax huwa settur li
dejjem jaħraq. Il-ġlieda kbira kontra
l-kriminalità hija li lin-nies li hemm hemm ġew tagħtihom l-opportunità biex
joħorġu minn hemm bħala persuni riformati u li jistgħu jidħlu lura
fis-soċjetà.
R-Riformi tal-Abbozz 97 ghandhom jidhlu fis-sehh.
Sur President, nixtieq ukoll
insemmi diversi punti importanti marbuta mal-intern. Nagħmel appell
lill-Ministru biex jara l-Abbozz Nru. 97 li fih kien hemm 140 punt ta’ riforma
li sfortunatament, minħabba l-ħmerijeit li saru hawnhekk, bqajna
m’għamilnihomx. Hemmhekk hemm kwantità
kbira ta’ affarijiet li hemm bżonn li jiġu mdaħħla sabiex il-pulizija jkollha
għodod ġodda sabiex tiġġieled il-kriminalità kif ukoll biex wieħed ikun jista’
jgħin persuni li missew l-ewwel darba mal-liġi.
Introduzzjoni tad-Drugs Courts.
Sur President, għalkemm għamilt
diversi affarijiet li jien ferħan bihom u li għandi s-sodisfazzjon ta’ dak
kollu li għamilt – anzi ngħid li meta spiċċajt minn ministru kelli
s-sodisfazzjon li mmur il-qorti, niltaqa’ mad-diversi nies u jagħtuni
informazzjoni fuq fejn waslu proġetti u x-xogħol u l-ġid li sar minn dik
l-aħħar leġiżlatura – nixtieq nirriferi għal proġett li ħdimt fuqu għal erba’
snin imma li sfortunatament ma kellix l-opportunità li nagħmel. Nitlob lill-Ministru responsabbli mill-intern
biex, jekk jogħġbu, ma jabbandunax id-Drugs
Court u ma jabbandunax il-mod ta’ kif għamilna l-liġi li tagħti l-fakultà
lill-Avukat Ġenerali, fid-diskrezzjoni li diġà għandu llum, li first offenders fuq drogi minflok jibgħathom il-qorti, jibgħathom
quddiem kumitat biex jassistihom ħalli jkunu jistgħu joħorġu mill-vizzju
tad-droga. Dan dejjem jekk verament ikunu għadhom kif bdew bil-vizzju
tad-droga. U ngħid dan għax jista’ jkun li jkollok tfal li pejpu darba l-ħaxixa
jew għamlu xi ħmerija darba u ma jkunux reġgħu għamlu din il-ħaġa. B’hekk
taqta’ ċertu backlog ta’ kawżi li
għandek il-qorti, tagħti l-opportunità li tikkonċentra aktar fuq it-traffikant
tad-droga u jkollok l-uffiċjali li jħarsu b’iktar saħħa lejn it-traffikar
tad-droga. Hemmhekk tagħmel differenza fil-piena bejn dak li huwa traffikant
tad-droga u dak li huwa first offender
fid-droga.
Agreed Sentences.
F’dak l-Abbozz ta’ Liġi hemm
kwantità kbira ta’ affarijiet li llum, iktar minn qatt qabel, hemm bżonn li
jsiru. Pereżempju, hemm l-agreed sentences, jiġifieri l-qorti,
anke quddiem il-maġistrati, il-prosekuzzjoni u d-difiża, jistgħu jaqblu fuq
sentenzi mogħtija. Dik tippermettilek li
toħroġ sentencing policy, taqta’
numru ta’ kawżi li ilhom pendenti żmien fil-qorti jistennew biex jinqatgħu fuq
ħaġa u fuq oħra, u tagħmel riduzzjoni konsiderevoli tal-kawżi li hemm pendenti
fil-qorti.
Hemm ukoll kwestjonijiet marbuta
mat-tfal. Irrid ngħid b’mod partikolari
li f’dak l-Abbozz ta’ Liġi konna neħħejna d-duttrina l-antika fuq il-ħażen
tat-tfal ta’ ċerta età u għollejniha ‘l fuq biex nagħtu protezzjoni ikbar
lit-tfal. Matul l-aħħar leġiżlatura kien ukoll żiemel tal-battalja tagħna li
dħalna biex nagħtu protezzjoni ikbar lit-tfal f’diversi setturi, kemm fil-kamp
ċivili kif ukoll fil-kamp kriminali. Hemm ukoll il-fruntiera ġdida
tal-internet.
Fruntiera tal-Internet.
Sur President, il-fruntiera
l-ġdida tal-internet hija fruntiera li aħna ta’ ċerta ġenerazzjoni u ta’
ġenerazzjonijiet li hawn f’din il-Kamra, qegħdin ninqatgħu minnha. Illum, tfal ta’ 15, 16 u 17-il sena qegħdin
jiltaqgħu ma’ ċerti sitwazzjonijiet fuq l-internet u allura għandhom bżonn
iktar attenzjoni u iktar protezzjoni. Infakkar li fl-Abbozz ta’ Liġi li semmejt
konna erġajna żidna ċerti pieni marbuta mal-pornografija fuq l-internet u ma’
ċertu solleċitar fuq l-internet. Dik hija ġlieda importanti li nittama li
l-Ministru responsabbli mill-intern jidħol għaliha.
Glieda kontra l-Kriminalita Trid tkompli issir.
Nafu li hemm ħafna ġlidiet li
jridu jsiru fl-intern u hemm ħafna affarijiet li jridu jsiru fis-silenzju, imma
li xorta waħda jridu jsiru, u jiena nawgura li l-Ministru responsabbli
mill-intern jagħmilhom. Il-pajjiż ma
jistax jimxi ‘l quddiem jekk kemm-il darba ma jkunx hemm din id-determinazzjoni
u l-perseveranza sabiex wieħed jagħmel il-ġlieda lill-kriminalità fil-fond u
fl-għeruq tagħha. Jekk ma nagħmluhiex,
ikollna diffikultajiet kbar iktar ‘il quddiem għax ikollna setturi fejn ma
jkunx faċli li wieħed ikun jista’ jipproteġi lit-tfal minuri.
Jiena dejjem nieħu pjaċir nara
lill-Korp tal-Pulizija jibqa’ jiġi armat. Jiena kelli s-sodisfazzjon li armajt
kemm flaħt il-Korp tal-Pulizija b’diversi apparat ġdid, karozzi ġodda,
b’affarijiet fil-forensika, bid-DNA u bil-profiling.
Għamilna ħafna xogħol importanti u dħalna wkoll fuq livell importanti
fis-settur tal-Unjoni Ewropea meta konna leaders
fil-EU Standing Committee on Internal Security (COSI)
u konna leaders ukoll fil-ġlieda
għad-droga marbuta mal-kurrenti mill-Afrika u minn pajjiżi oħrajn għar-rigward
kif l-Ewropa tista’ żżomm iċ-channels
tagħha iktar protetti fir-rigward tad-droga. Dawn huma affarijiet li nawgura li
l-Ministru l-ġdid jidħol fil-fond fihom. Nawgura li jaqra u jara l-affarijiet u
li jkollu briefing tajjeb. Jiena ċert
li n-nies li hemm huma kompetentissimi, tal-affari tagħhom, li jagħtuk parir tajjeb, tista’ tiddiskuti magħhom,
tista’ tmexxihom ‘il quddiem u li jagħmlu diversi affarijiet tajbin.
Settur difficli tal-Immigrazzjoni.
Settur importanti ħafna li semma
wkoll il-kollega tiegħi huwa l-immigrazzjoni. Aħna dejjem semmejna
immigrazzjoni irregolari. Għandi l-unur ngħid li, bħala ministru, dejjem irriferejt
għall-immigrazzjoni bħala “irregolari” u llum, il-Kummissarju Cecilia Malmström,
qed tagħmel kampanja fuq livell Ewropew biex tara li l-kelma “illegali” ma
tkomplix tiġi wżata imma l-frażi li trid tiġi użata hija “immigrazzjoni
irregolari”. Hawnhekk għamilna avvanzi
kbar ħafna u biddilna ħafna strutturi.
Malta saret leader f’dan
is-settur. Infakkar li Malta għandna l-unur ngħidu li għandna aġenzija
importanti li hija l-European Asylum Support Office. Għalija, huwa sodisfazzjon
ieħor mad-diversi sodisfazzjonijiet tiegħi bħala ministru li rnexxieli nġib dan
l-uffiċċju f’Malta jaħdem hawnhekk u qed jagħmel il-ġid. Dan għandu baġit fuq
sentejn ta’ €55 miljun b’nies ġejjin u sejrin, u Malta hija meħuda bħala hub u bħala eżempju ta’ kif għandek
tagħmel l-iscreening ta’ malajr ta’ immigranti
irregolari tal-mod tajjeb ta’ kif għamilna l-affarijiet. Meta kont għadni ministru, rajt pajjiżi
oħrajn li kellhom problemi ikbar minn tagħna jieħdu l-mudell tagħna ta’ kif
jagħmlu l-affarijiet.
Hdimna Tajjeb Hafna fl-Ewropa.
Ovvjament, kulħadd għandu l-interessi
varji tiegħu f’din l-issue; l-NGOs għandhom
l-interessi varji tagħhom u aħna għandna l-interess preċiż u dirett tagħna. Aħna nittrattaw is-suġġett bl-attenzjoni tas-sigurtà,
però b’umanità kbira u b’attenzjoni kbira għad-diffikultajiet kbar li dawn
in-nies jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum f’pajjiżna u anke meta jitilqu minn
pajjiżna. Aħna għandna l-unur li ħdimna tajjeb ħafna fuq livell tal-Unjoni
Ewropea u hawn nixtieq anke nsellem b’mod partikolari lill-Istati Uniti. Ix-xogħol
li għamilna sewa biex l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti assistew
għar-rilokazzjoni ta’ diversi familji. Fis-settur tal-immigrazzjoni irregolari,
persuni li ħaqqhom protezzjoni ta’ refuġjati fuq bażi umanitarja u sussidjarja huma
persuni vulnerabbli, però l-iktar li huma vulnerabbli m’humiex is-single males, imma l-familji, u hemmhekk
għandna s-sodisfazzjon li matul il-ħames snin li għaddew irrilokajna 2,000
persuna minn pajjiżna f’pajjiżi oħrajn fejn tajnihom futur aħjar, tajnihom post
fejn joqogħdu, edukazzjoni, saħħa u xogħol f’pajjiżi oħrajn fejn setgħu jibdew
il-ħajja ġdida tagħhom. Kelli l-unur u s-sodisfazzjon li diversi drabi nqum
kmieni filgħodu biex nara nies jitilqu minn Malta u jmorru f’pajjiżi oħrajn.
Min-naħa waħda kien ikollhom l-uġigħ fil-qalb li se jitilqu u jabbandunaw dan
il-pajiż li kien ħanin magħhom – u sew għamel u hekk għandu jkompli jagħmel – u
mill-banda l-oħra kienu jħarsu ‘l quddiem lejn il-futur tagħhom f’pajjiż
differenti. Jiena ċert li dawn in-nies huma rikonoxxenti lejn pajjiżna li ttrattajna
tajjeb magħhom.
Sur President, jien nitlob
lill-Ministru sabiex jidħol iktar fil-fond u jkollu briefing tajjeb tax-xogħol li għamilna marbut ma’ dan is-settur
partikolari matul il-ħames snin. B’mod partikolari meta ġiet il-gwerra ċivili
Libjana u meta kellna diversi affarijiet oħra fuq rasna, xorta tajna attenzjoni
partikolari għal persuni li ħarbu l-gwerra ċivili biex ġew hawnhekk u diversi
persuni li llum m’għadhomx f’Malta, li telqu minn Malta u li qegħdin f’pajjiżi differenti.
R-Rapport dwar il-Piroteknika.
Sar ħafna xogħol tajjeb u jien
nawgura lill-Ministru sabiex ikollu l-paċenzja li jdur l-affarijiet sewwa qabel
ma jitlaq jiġri għax li se nsemmi huwa wieħed mill-iktar setturi perikolużi u
diffiċli. Qed nirriferi b’mod partikolari għas-settur tal-piroteknika. Il-ħabib tiegħi tan-naħa l-oħra jaf
x’jiġifieri u nista’ ngħid li ħdimna id f’id fil-piroteknika; sirt nifhem
fil-piroteknika, bejn mertu tiegħu u bejn mertu ta’ diversi kmamar tan-nar, u nista’
ngħid li jiena kont il-ministru li l-iktar għamilt riformi f’dan is-settur. Hemm
ir-rapport magħmul mill-Prof. Alfred Vella, mill-Prof. Victor Vella, minn
Joseph Theuma u minn Servolo Delicata li qiegħed hemm jistenna biex nimxu ‘l
quddiem fuqu u hemm bżonn li ma ninjorawhx. Irridu nimxu ‘l quddiem u nagħmlu
x-xogħol partikolari għax dak huwa rapport importanti ħafna li permezz tiegħu
nistgħu nistradaw diversi affarijiet f’pajjiżna.
Sur President, għandi ferm iktar
affarijiet xi ngħid, però l-20 minuta li kelli allokati għalija llum
għaddew. Jien nawgura minn qalbi li
x-xogħol isir tajjeb. Huwa fl-interess nazzjonali li s-settur tal-intern u
tal-ġustizzja jitmexxa tajjeb. Jien nappella lill-Prim Ministru biex ma
joqgħodx jistħi u jagħmel in-nomenklatura tal-Ministeru kif suppost hi, jiġifieri
Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern, u ma jinħebiex taħt il-kelma “Sigurtà”. Grazzi, Sur President.
