7.11.11

Tibdil fil-liġi

1.    Il-proċess li permezz tiegħu nbidlu l-liġijiet, tul din l-amministrazzjoni, kien u għadu wieħed kontinwu.  Kull ministeru ħa, u għadu qiegħed jieħu ħsieb, iressaq fil-Parlament tagħna liġijiet li permezz tagħhom jiġu mibdula u riformati diversi setturi.  Anke dak li jien immexxi preżentement żamm ritmu li, biċċa biċċa, qiegħed ikompli jaħdem sabiex jagħmel il-bidliet li jħoss neċessarji.  Żammejna quddiemna l-bżonn li naħdmu b’għaqal u naraw l-esperjenzi varji biex kemm jista’ jkun dak li jkun qiegħed isir imexxi l-progress soċjali u ekonomiku tal-pajjiż fil-valur tal-ġustizzja.

2.    Ċerti tibdiliet jistgħu jidhru faċli, oħrajn insensittivi u oħrajn impossibbli, però r-realtà hija li saru b’paċenzja u attenzjoni għad-dettall.  B’dan il-proċess, li jibqa’ dejjem iħares lejn l-uman, f’dawn l-aħħar snin inbidlu diversi setturi.  Uħud wasslu għal riżultati immedjati, oħrajn ħadu l-ħin tagħhom.  L-iktar importanti hu dejjem li wieħed ma jaqtax qalbu u jibqa’ jipprova jasal biex isib soluzzjoni.  B’dan l-għan ukoll, f’dawn il-jiem ser jiġi pubblikat abbozz ta’ liġi ieħor li permezz tiegħu ser jiġu introdotti numru ta’ emendi fil-Kodiċi Ċivili.

3.    Settur li numru ta’ drabi jsib lilu nnifsu fil-gazzetti huwa dak marbut ma’ kawżi ċivili li jsiru fil-Qorti tal-Familja biex jiġu identifikati jew dikjarati legalment persuni bħala l-missirijiet bioloġiċi tal-ulied.  F’din il-Qorti jiġu ppreżentati varjetà ta’ każijiet.  Xi drabi jsiru mill-ġenituri – daqqa mill-mara, daqqa mir-raġel fiż-żwieġ, daqqa mill-missier bioloġiku u xi drabi mill-istess ulied.  Fil-passat, il-prova f’dawn il-kawżi kienet tiddependi fuq fatti esterni, xhieda u provi diretti u indiretti li mhux dejjem kienu jippermettu ġudizzju ċar.  Fil-fatt kien magħruf li anke jekk kien hemm xi indikazzjoni, ħafna drabi l-każijiet fil-Qorti kienu jibqgħu ma jsirux.

4.    F’dawn l-aħħar snin, ix-xjenza moderna avvanzat ħafna.  Permezz tat-teħid ta’ kampjuni tad-DNA, fix-xjenza deoxyribionucleic-acid, dan is-settur inbidel ta’ taħt fuq.  Filwaqt li l-iktar viċin li kellna kien it-teħid ta’ kampjuni tad-demm, li kienu għenu, biss kien magħruf li ma kellhomx ċertezza ħlief f’każijiet uniċi.  Illum, b’dan il-proċess hemm b’mod mill-iktar ċert li l-prova tar-rabta tad-demm bejn il-ġenitur bioloġiku u l-ulied.  Mhux biss dan, imma l-pendlu tal-importanza ta’ dak li s-soċjetà trid tikseb permezz tal-liġi nbidel ukoll.  Għamilna żmien li fih kien hemm iktar interess li titħares il-familja u l-preferenza kienet li, kemm jista’ jkun, ulied imwielda fiż-żwieġ jibqgħu hemm.  Dan illum inbidel ukoll – l-interess inqaleb għal fuq id-dritt li l-ulied ikunu jafu min huma l-ġenituri tagħhom.

5.    F’dawn l-aħħar ħames snin, fil-Qorti tal-Familja daħlu madwar 365 każ ġdid marbuta ma’ dawn it-talbiet.  Ovvjament, l-użu tal-eżamijiet xjentifiċi tad-DNA għamlu differenza, speċjalment fejn il-partijiet jaqblu li jgħaddu kampjuni mingħajr diffikultà.  Hemm il-kawża tintrabat u ssib mod iktar espedjenti biex tiġi magħluqa billi tiġi stabbilita b’mod ċar min huwa min.  Is-sena li għaddiet għamilna numru ta’ emendi fil-Kodiċi li permezz tagħhom estendejna ż-żmien li fih tista’ tiġi talba fuq dan is-suġġett, kif ukoll li tajna l-possibilità li l-proċeduri jsiru minn kull min għandu interess u neħħejna artikolu li kien jistabbilixxi li dak li tgħid il-mara m’għandux piż fil-prova f’kawża.

6.    Bqajna lura sabiex nistudjaw aktar fit-tul artikolu partikolari.  Illum il-Qorti għandha, f’dawn il-kawżi, sitwazzjoni fejn ma tistax iġġiegħel lill-partijiet li jagħtu kampjuni.  Il-Qorti tista’ tistieden u wara tasal għall-konklużjonijiet tagħha u għalhekk, fil-każ ta’ min ma jagħtihx, il-Qorti jkollha diffikultà biex tasal għal konklużjoni.  Fil-Ġermanja, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni hija differenti.  Hemmhekk il-qorti għandha d-dritt li tordna li kampjuni jiġu meħuda.  Dan ifisser li dawn il-każijiet jistgħu jiġu deċiżi iktar malajr u dan fl-interess tal-ulied involuti.  Bis-sistema tagħna għandna numru ta’ persuni li jibqgħu mdendlin fin-nofs.  Jafu li huma ulied ta’ persuna imma m’għandhomx dan f’ċertifikat tat-twelid.  Għalhekk, f’dan l-abbozz ta’ liġi ser nipproponu fil-Parlament li s-sitwazzjoni tiġi mibdula u l-Qorti tingħata l-fakultà li tordna.  Dan għandu jġib tibdil ieħor fis-soċjetà.  Ċert li ser ikun hemm dibattitu sod u b’saħħtu fuq dan il-punt.

5.11.11

Responsabbiltà, prudenza u esperjenza

 Dan l-artikolu kien deher fil-ġurnal Il-Mument nhar il-Ħadd 26 t'Awwissu 2011. 

1.    Ix-xenarju fil-Libja f’din l-aħħar ġimgħa biddel totalment dak li kien ilu għaddej mis-17 ta’ Frar.  Il-pajjiż verament viċin għalina ħiereġ minn kapitolu li kien ilu fih tnejn u erbgħin sena u dieħel f’ieħor kompletament differenti.  Hemm ħafna xogħol li jrid isir minn dan il-poplu Libjan.  Il-pajjiż huwa sinjur, biss minn din l-esperjenza qiegħed joħroġ imfarrak, b’diffikultajiet u kumplikazzjonijiet xejn faċli.  Biss ir-riħ tal-libertà, il-kuraġġ li tqum kontra t-tirannija, il-bżonn tal-ġustizzja u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, ladarba jkollhom l-ispazju, jimirħu u jirbħu.

2.    Il-gwerra ċivili fi ħdan dan il-poplu qed tħalli warajha mewt, distruzzjoni u instabilità kbira.  Il-feriti li nfetħu mhux ser jingħalqu malajr.  Hemm snin quddiemna fejn l-armi li nxterdu faċilment min-nies, ser jibqgħu jiġu użati sabiex jingħalqu l-“kontijiet”.  Żgur mhux forsi, dawk kollha li ilhom is-snin jissaportu, jibqgħu lura, jsofru, jiġu arrestati, jaraw lil nieshom jiġu msakkra jew jinqatlu, issa ser joħorġu.  Dak li ser jiġri mhux faċli li tipprevedih.  Hemm ħafna sfidi li jridu jiġu kkonfrontati u ssuperati.  Kollox jiddependi mill-abbiltajiet tal-mexxejja preżenti u futuri.

3.    F’dan kollu għad fadal il-kapitolu tal-persuna li ddomina u mexxa lil dan il-pajjiż.  Jekk jinqabad, jekk jaħrab, jekk jipprova jmut fil-kamp tal-battalja għad irridu naraw.  Li hu żgur hu li l-poter ħareġ minn idejh darba għal dejjem u ma jistax jieħdu lura.  Il-bidla hija inevitabbli, però jista’ jkompli jħabbathom.  Il-mexxejja tal-Kunsill Nazzjonali Transitorju għandhom x’ikomplu jaffrontaw f’dan.  Il-kapaċitajiet tagħhom, l-użu tat-talenti hawn iridu jkomplu joħorġu.  Kull pass li qiegħed jiġi meħud huwa, f’ħafna sens, determinanti għall-futur tagħhom ilkoll.  Hemm diffikultajiet interni, ta’ fiduċja, ta’ viżjoni u ta’ appoġġ popolari.  Biss, f’dan il-mument huma l-persuni li ħarġu għonqhom u affrontaw il-kumplikazzjonijiet kollha ta’ bnedmin armati li m’humiex dixxiplinati f’armata.

4.    Pajjiżna, tul dawn ix-xhur twal segwa, sofra u ra kif jista’ jassisti fid-direzzjoni t-tajba.  Aħna, li aħna l-iktar pajjiż Ewropew viċin, irnexxielna nieħdu l-passi neċessarji sabiex issir is-sewwa.  Konna proattivi b’ħidma kuraġġuża u kompletament umanitarja.  L-evakwazzjoni ta’ diversi ċittadini mid-dinja kollha ġiet kollha kordinata mill-uffiċjali tagħna.  Dan bid-diffikultajiet loġistiċi, diplomatiċi u umani.  Pajjiżna ħadem bil-għaqal sabiex nissudaw ir-relazzjonijiet tagħna ma’ dan il-poplu viċin ħafna tagħna.  Kull jum ġieb miegħu deċiżjonijiet diffiċli ħafna f’ħoġor il-Prim Ministru u dawn ikkonfrontahom b’responsabbiltà, bi prudenza u bl-esperjenza.

5.    Il-pajjiż għandu għalxiex ikun kburi bil-Prim Ministru li għandna.  Tul dawn l-aħħar xhur sibtni diversi mumenti viċin tiegħu, flimkien mal-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg u stajt nara direttament il-prudenza, il-kuraġġ u l-viżjoni li mexxewh biex jieħu d-deċiżjonijiet li f’ebda stadju ma kienu faċli.  Fl-istorja ta’ dan il-poplu indipendenti, ebda mexxej ieħor ma sab lilu nnifsu jrid jaffronta din il-kobba tant imħabbla.  L-interessi ta’ pajjiżna nżammu b’mod ċar quddiemu, mingħajr ma tilef il-prinċipji tas-solidarjetà u rispett lejn dan il-poplu viċin tagħna.  Il-paċi interna u s-serenità ggwidawh kontinwament fid-diversi  mumenti iebsa li ra ma’ wiċċu.

6.    L-esperjenza politika, il-karriera tiegħu fid-diversi pożizzjonijiet li okkupa minn Speaker tal-Kamra tad-Deputati, għal Segretarju Ġenerali, għal Viċi Prim Ministru u mbagħad Prim Ministru ġew kollha għall-vantaġġ ta’ dan il-poplu f’sitwazzjoni taħraq nar.  Jekk hemm xi ħadd li qed jaqrani u jaħseb li t-tmexxija ta’ dan il-pajjiż tista’ ssir minn kulħadd għax hija xi ħaġa faċli qiegħed iqarraq bih innifsu.  Il-pajjiż m’għadux fil-bidu imma ‘l quddiem b’sehem determinanti fix-xenarju Ewropew u internazzjonali.  Biss l-isfidi li għandna quddiemna kif qed naraw ma spiċċawx anżi komplew kibru fil-komplikazzjonijiet.  Il-pajjiż qiegħed jitmexxa tajjeb, iħares ‘il quddiem u jagħraf jiddistingwi bejnis-sewwa u dak li mhuwiex.  Il-kapitolu Libja huwa miftuħ beraħ.  Hemm ħafna potenzjal għall-ġid tar-rapporti soċjali u kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi u dan mertu ta’ Lawrence Gonzi, li ma żgarrax waħda bir-responsabbiltà, bil-prudenza u l-esperjenza li huwa mżejjen bihom.


4.11.11

Kwistjoni ta’ identità

1.         F’din is-soċjetà preżentement qegħda tidħol il-kultura li persuni fil-politika m’għandhomx ikollhom ideat tagħhom.  Anzi, huwa mistenni minnhom li jinsew dak li jħossu jew jaħsbu li huma u jassumu lbiesi ta’ dawk li mdorrija jlibbsu lill-pupi.  Kull min iqiegħed lilu nnifsu għas-servizz tal-poplu jrid dejjem, skont din il-mentalità, jkun dak li huma jriduh ikun u mhux x’attwalment huwa.  Forsi ilna navvanzaw f’din it-triq, fejn l-“arti tal-politika” qegħda tikkonċentra hija stess li tipprova tidher dak li mhix.  Dawn l-artikoli, għalija jservuni sabiex nibqa’ fil-proċess li nkun dak li naħseb li jien, forsi xi forma ta’ konfessjoni tat-tip ta’ Albert Camus f’“The Fall” (La Chute).


2.         Il-politiku jirrappreżenta lil dawk li jiddeċiedu li jivvutawlu, però l-identità tiegħu jżommha.  Il-kultura, il-formazzjoni, il-prinċipji tiegħu, l-impenn lejn is-soċjetà, l-enerġija, id-determinazzjoni – valuri li huwa jħaddan jibqgħu direttament miegħu.  Ma jitilquhx u anzi jkun għal kollox żbaljat jekk kemm-il darba jipprova juri lilu nnifsu fil-kontra ta’ dak li hu.  Jista’ jifforma ruħu iktar, għandu jimmatura iktar bl-esperjenza li l-ħajja tagħtih però, meta jmur lura, jitlef.  Jitlef minnu nnifsu, jitlef mill-valur li jirrappreżenta u li għandu jagħti lis-soċjetà.  Illum il-poplu jrid, iktar minn qatt qabel, li jkun jaf.  Jifhem aħjar lil min qed jiġi mogħti l-kunsens tar-rappreżentazzjoni u f’dan għandu għodda ġdida, iktar ċara u diretta li toħroġ lil dak li jkun f’dak li hu.


3.         Il-politika hija servizz u responsabbiltà kbira.  Mhux dejjem tagħrafha fid-dimensjonijiet tagħha, biss iż-żmien, iċ-ċirkostanzi u l-kuntatt dirett mal-ħajja jgħabbuk iktar b’dak li hija attwalment.  Il-bnedmin, kull wieħed f’kull ċirkostanza tal-eżistenza tiegħu, jiċċaqlaq f’direzzjoni jew oħra skont dak li jkollu ġewwa fih.  Għalija, mill-esperjenza diretta f’din il-linja tiegħi u minn dak li nara f’ħaddieħor madwari, dak li joħroġ minn fommna jew minn kitbietna jiddependi fuq kemm aħna ffurmati f’kultura politika ta’ ideat ċari u sodi.  Anke jekk diversi drabi ma taqbilx ma’ argument imressaq minn politiku ieħor, meta dan ikun loġiku, ċar u bbażat fuq linja ta’ ħsieb imsejjes fuq twemmin u ideoloġija, ma tistax ma taċċettax li tressqu b’onestà u konvinzjoni interna.


4.         Nammira u nqis f’livell ogħla lil dawk li fil-politika jaħdmu, jaġixxu u jaħsbu għax għandhom il-konvinzjonijiet interni distinti tagħhom.  Konvinzjonijiet li huma marbuta u bażati mhux fuq x’qal ħaddieħor, x’ingħad fil-gazzetti, imma għax ħaseb u irrifletta fuqhom.  M’huwiex pappagall politiku li jirrepeti biss, volontarjament jew involontarjament, ideat ta’ ħaddieħor mingħajr ma jkun rahom jaħdmu jew jiġu applikati.  Għax hemm din id-distinzjoni li għalija hija importanti.  Dawk li jirrepetu u jafu li qegħdin sempliċement jgħidu dak li ngħad u li però mhux konvinti minnu narahom f’livell iktar gravi minn dawk li ġew influwenzati u ma ndunawx li dak li qed jingħad huwa bla bażi.


5.         L-identità, il-kultura, l-għeruq personali huma vitali f’soċjetà demokratika fejn min jirrappreżenta jrid jagħmel dan sewwa - kif kien qal tant tajjeb Christopher Lasch fil-ktieb tiegħu “The Revolt of Elites and the Betrayal of Democracy”, li jimmerita attenzjoni u qari dettaljat.  Meta l-kuntatt mal-art li wieħed jirrappreżenta jinqata’, intellettwalment imur lura.  Mhux qiegħed b’xi mod nirreferi għall-kuntatt uman, fiżiku, imma dak li jitwieled minn riflessjonijiet fuq dak li aħna u li jaħdem għalina.  Soluzzjonijiet politiċi ta’ dawk li jiġu minn esperimenti jew suġġerimenti f’pajjiżi oħra jridu kull darba jitqegħdu lura fil-proporzjon u skont din l-art.  L-ideat, l-azzjonijiet jagħtu frott fl-ambjent u l-ħamrija li tilqagħhom, mhux li ma taċċettahomx.  Minflok ġid, ħsara titwieled.  Hemm ġlieda ta’ identità ta’ ideat li jridu jsiru.


6.         Reċentement qrajt dak li awtriċi mill-Ghana, Nana Ayebia Clarke ġiet irrappurtata li qalet, u laqtuni żewġ punti.  L-ewwel: “Ayebia insists that African children who are being constantly fed with a western diet of books, will grow up neglecting or rejecting their own culture.”  Kemm għandha raġun f’dan, li jgħodd għal kull komunità, soċjetà, nazzjon u poplu.  Ma naċċettax din id-dominanza ta’ kulturi li tant huma marbuta f’moħħhom li ma jistgħux jaċċettaw oħrajn.  Għalihom, soċjetà hija aċċettabbli biss jekk tikkonforma preċiżament ma’ dak li għandha hi.  Għalhekk, flok hemm rispett reċiproku u għarfien tal-wirt tad-diversità li tant vjaġġaturi, ibda minn Marco Polo, tant kienu jibqgħu mmeraviljati bihom, għandhom forom ta’ tiranniji li joqtlu l-identitajiet.


7.         Laqtuni wkoll fit-tieni punt dawn il-kliem: “Because knowledge is power, and the control of knowledge has always been a political question that makes the arena for cultural production a site of struggle for dominance and a site of struggle for the power to define, legitimise and consecrate ideas, produces and products.  Those with power will dictate the manner in which our institutions are structured and instructed for their benefit not ours.”  Jekk qabel id-dominanza kolonjali kienet iġġib magħha fatturi ta’ dan il-livell, illum bil-midja internazzjonali għandek dominanzi oħra.  Ċerti drabi, pajjiżi tarahom jaċċettaw dak li meta kienu kolonji irrifjutaw, u dan għax għandna kawżali ġodda li aħna stess ma narawx u ma nagħrfux.  Meta ma hemmx identità jkun hemm serviliżmu għall-ideat ta’ ħaddieħor.  In-nuqqas ta’ formazzjoni kulturali, soċjali, fl-għeruq tal-art iġibu dak li m’aħniex.  Il-politika hija kwistjoni ta’ identità – waħda li tagħmel differenza.

Dan l-artikolu deher fil-ħarġa tal-ġurnal Illum tal-10 ta' Lulju 2011.

Għażel triqtu?


1.                  F’dawn il-jiem wara t-tmiem tal-ħajja tal-Kurunell Muammar Ghaddafi u ta’ erbgħin sena tar-renju tiegħu, erġajt mort lura f’numru ta’ eventi mill-passat.  Ftakart f’xi konversazzjonijiet li kelli mal-Ġeneral Abdel Fatah Younis, li kien jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Intern fl-aħħar “gvern” ta’ Ghaddafi.  Kien dirett lejn il-punt.  Ebda forma ta’ diplomazija, anzi persuna tal-armata li kellu f’rasu li jrid jibqa’ fil-poter mhux bl-użu sempliċi jew normali tal-politika.  Kull meta rajtu laqagħni ta’ persuna li kien jikkonsidra ħabib.

 
2.         Fi Frar ta’ din is-sena kien ċar li kienet ġejja r-rivoluzzjoni.  Niftakar f’dak li rajt u ħassejt meta f’Diċembru tal-2010 kont lura Tripli.  Fl-aħħar ta’ Jannar, fil-kurituri tal-Parlament tagħna ltqajt ma’ membru tal-Oppożizzjoni u għidtlu li kien jidher ċar li ċaqlieq kien ser ikun hemm u li kien differenti ħafna minn dak tas-soltu.  Ngħid li Ghaddafi stess kien ħass dan, għax diskorsu f’dawk il-jiem kien, biex ngħid, l-inqas interessanti.  Ftakart li f’mument, ma’ dan il-Ġeneral Younis, jien u nkellmu bl-Ingliż u jweġibni lura bl-interpretu għamilt żball.  Għidtlu li kont nippreżumi li stajt nitkellem bit-Taljan ladarba rajtu li qisu l-Ingliż ma jippossjedihx.  Ħabta u sabta dar fuqi u qalli, issa bl-Ingliż, li huwa kien min-naħa ta’ Benghazi, mhux Tripli, u għalhekk it-Taljan ma jħaddmux.  Rajtha iktar tard stramba din ir-reazzjoni, kważi nazzjonalista ta’ parti mil-Libja minn xi ħadd li ħarġet bħala molla f’poplu li suppost ilu magħqud mill-1952.

 
3.         Anke f’Diċembru, meta mort għal laqgħa ta’ jumejn, li f’daqqa waħda nbidlet f’waħda ta’ nofs ta’ nhar.  Fejn is-soltu kien ikolli s-sigurtà bħala Ministru tal-Intern, f’daqqa waħda sibt ultra-sigurtà.  Immur fejn immur kelli purċissjoni ta’ karozzi u muturi li xejn ma kien iżommhom lura.  L-atmosfera bejn il-ministri l-oħra kienet hi wkoll interessanti.  Dawk li kienu ġejjin mit-Tuneżija, l-Alġerija, l-Marokk u l-Mawretanja qisu kienu qed iħossu li xi ħaġa kienet qegħda tbaqbaq minn taħt.  Fejn is-soltu ħafna ferħ, diskors u trasmissjoni ta’ ħsieb li xejn ma jwaqqafhom, kien hemm attenzjoni.  Fatah Younis biss rajtu li għad għandu kontroll fuq ta’ madwaru.

 
4.         Kif sibtni b’daqshekk ħin fuq idejja u li ma stajtx naqbad u niġi lura, talbthom li f’jum jeħduni Leptis Magna u l-għada Sabrata.  Fejn is-soltu ma kienx ikun hemm problemi jew ostakli għal dawn ix-xewqat, ressquli ħafna skużi fuq Leptis Magna u Sabrata ħaduni kmieni filgħodu, mas-sebgħa u nofs.  Dan il-komportament ukoll kien stramb.  Il-Ministru tal-Intern, fejn is-soltu kien ikollu l-ħin, sparixxa – kif għamlu l-ministri l-oħrajn li qisu riedu jagħtu l-messaġġ li kienu skansawha.

 
5.         Għalhekk ma rajt xejn stramb jew ta’ barra minn hawn meta ġejt infurmat li wara s-17 ta’ Frar kien hu, dan il-Ministru tal-Intern li telaq lil Ghaddafi l-ewwel.  Żamm ruħu ‘l bogħod minn mal-poplu proprju għax kien jaf kemm hu sogru kbir li dar kontra minn ħatru.  Ma hemmx dubju li kien lura mal-poplu tiegħu deċiż li jikkumbatti bl-aħjar abbiltajiet tiegħu sabiex ineħħi dan ir-reġim.  Żgur li mexxa l-moviment militari sabiex jaqleb billi kien jaf ma’ min qed jagħmilha.  Kif nafu, spiċċa maqtul huwa wkoll tul il-gwerra f’ċirkostanzi misterjużi f’mument mill-iktar delikat.  Uħud jgħidu li qatluh naħa, oħrajn oħra.

 
6.         Li però baqa’ impress f’moħħi kienet intervista li saritlu fil-bidunett tal-konflitt.  Ġie mistoqsi kif Ghaddafi ser jispiċċa.  Ma kellux illużjonijiet u kien jaf sew il-persuna li kien qiegħed jitkellem dwarha.  Iddikjara li ma kienx ser jaħrab jew iċedi l-poter, anqas li jneħħi ħajtu, imma li jagħżel li jinqatel bl-armi f’idu bħal martri.  Dawn il-kliem baqgħu jidwu fil-kurituri ta’ moħħi f’dawn ix-xhur, biss fl-aħħar xahrejn tlaqthom.

 
7.         Reġgħu ġew lura quddiemi fl-aħħar xeni tal-qtil tal-Kurunell Ghaddafi.  Għalkemm rajt u qrajt dikjarazzjonijiet ta’ stmerrija mill-pajjiżi bħal tagħna li jħaddnu prinċipji demokratiċi li jesiġu li kull pesuna għandha tiġi proċessata u ħadd ma jista’ jieħu l-liġi f’idejh, reġgħu ġew f’widinti kliem Younis.  Kien mill-iktar stramb kif Ghaddafi, li seta’ jaħrab qabel, seta’ jsib kenn f’pajjiż ieħor, għażel li jibqa’ hemm.  Iktar diffiċli li għażel li jinstab waħdu, abbandunat ġewwa post li ma naħsibx li kien qiegħed jittama li ma jarawhx.  Wara tant nies miegħu, possibbli ħallewh waħdu f’dik it-toqba?  Mingħajr ma ridt, tajjeb jew ħażin staqsejt: “Għażilha hu?”.  Kienet din it-triq li għażel?  Ried jinżel fil-moħħ tiegħu bħala martri?  Domandi li għalihom m’għandix tweġiba.

3.11.11

Il-vittmi tar-reat

1.    Għadni nemmen li l-proċess legali li jsir ġewwa l-qorti ta’ ġurisdizzjoni kriminali għandu jkompli jissoda l-pożizzjoni tal-persuna li tkun sofriet minn delitt.  Tul dawn is-snin saru numru ta’ emendi li permezz tagħhom il-vittma tar-reat ingħatat iktar sehem importanti.  Sehem determinanti kif denjament jixirqilha.  Forsi fi żminijiet oħra il-ħsieb kien li l-vittma kienet tkun biss xhud li mhux neċessarjament hemm bżonnha, speċjalment meta l-akkużat jammetti fil-bidu.  Illum il-vittma għandha dritt li tkun preżenti, flimkien mal-avukat tal-fiduċja tagħha ssegwi, tistaqsi u tressaq il-każ tagħha direttament.  Dan biddel il-kunċett tal-proċess minn kif kien mitt sena ilu.

2.    Illum il-pożizzjoni komplejna mmexxuha ‘l quddiem u l-persuna li sofriet ħsara f’reat għandha issa d-dritt li titlob li l-qorti, fis-sentenza tagħha, tiddeċiedi kemm għandha tiġi mħallsa mill-persuna li nstabet ħatja.  Daħħalna fil-Kodiċi Kriminali li f’ġudizzju wieħed ikun hemm deċiż il-ħtija u l-ħlas tad-danni lill-vittma tar-reat.  Dan sar sabiex titnaqqas it-tbatija u titneħħa kemm jista’ jkun id-diffikultà li wara li jkun hemm ir-reat, il-vittma trid tiftaħ hi għal rasha kawża ċivili oħra.  Naf b’diversi persuni li spċċaw abbandunaw kollox għax ma ridux jerġgħu jitilgħu l-qorti ma’ min sawwathom u għamlilhom il-ħsara.

3.    Hemm żewġ effetti iebsa li jmissu lill-vittmi tar-reat: l-ewwel u ovvjament, id-dwejjaq, atrit u xi drabi wkoll id-dipressjoni, li joħorġu mir-reat innifsu; it-tieni (mhux dejjem ovvju għal min jipprattika fil-qrati) id-diffikultajiet, it-taqtiegħ il-qalb u t-tensjoni li jiġu mal-fatt li l-vittmi jridu jerġgħu jgħidu x’ġara, jerġgħu jgħixu l-mument u jsibu lilhom infushom mistoqsija hekk li xi drabi jsiru qisu kienu huma l-persuni li wettqu r-reat.  Il-vittimizzazzjoni sekondarja hija fejn nistgħu naħdmu aktar sabiex innaqqsu minn dik is-sofferenza li l-vittmi jgħaddu minnha speċjalment meta ma jkunx hemm attenzjoni u sensittività għalihom.  F’din il-linja, tul dawn l-aħħar tlett snin ħdimna fuq żewġ livelli sabiex nimxu aktar maż-żminijiet u nagħtu ferm iktar strumenti u mekkaniżmi legali sabiex nissudaw lill-vittmi.

4.    Din il-ħidma saret fuq livell nazzjonali u fuq dak tal-Unjoni Ewropea.  F’pajjiżna għamilna passi kbar ‘il quddiem fl-abbozz ta’ liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.  Dan il-pass legali sar b’kawtela u attenzjoni sabiex nassiguraw kemm jista’ jkun li aktar persuni jagħtu sehemhom u jkunu ppreparati għall-impatt tagħha.  Bidliet fil-kultura fil-mekkaniżmi legali u fl-aspetti amministrattivi huma mistennija li jidħlu u għalhekk dan irid ikollu xogħol preparatorju li diġà dħalna għalih u ser inkompluh.  L-iktar parti importanti għalina hija dik marbuta mal-attenzjoni li għandna nagħtu lill-vittmi tar-reat issa, mhux fil-kwistjoni biss ta’ tul il-proċess kriminali, imma wara, meta l-imputat ikun instab ħati u kkundannat għall-ħabs.

5.    Jekk kollox jibqa’ sejjer kif għandu, lejn l-aħħar tas-sena nkunu nistgħu nippubblikaw ukoll il-lista tas-servizzi u drittijiet li l-vittma tar-reat għandha tistenna mill-Istat Malti.  Hawn qed indaħħlu kunċetti ġodda bħal drittijiet ta’ informazzjoni, ta’ medjazzjoni u ta’ assistenza li qabel ma kienx hemm.  Dan huwa pass importanti li nittama li nistgħu nkomplu nibnu fuqu.  Biss, dan m’huwiex biżżejjed għalina, speċjalment meta wieħed iħares lejn dak li ntlaħaq minn pajjiżi oħra.

6.    Kien għalhekk li diversi drabi ressaqt ‘il quddiem il-bżonn, speċjalment fil-Kunsilli Informali ta’ kull Presidenza Ewropea, li jkollna dokument tal-Unjoni Ewropea li jopera u jaħdem mas-sebgħa u għoxrin Stat Membru.  Fortunatament din is-sena, fit-18 ta’ Mejju 2011, tressqet għall-ewwel darba proposta għal Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill biex jiġu stabbiliti “minimum standards on the rights, support and protection of victims of crime”.  Din il-proposta ħadet passi kbar oħra li għandhom ikomplu jżidu fil-kontenut.  Diġà mxejna ‘l quddiem, però għad fadal x’jiġi diskuss u l-proċess legali Ewropew jieħu ż-żmien tiegħu.  Aħna naraw dan il-pass bħala wieħed determinanti għax permess tiegħu għandna nkomplu nwieġbu għar-realtà tal-lum li tħares li tagħti dinjità u assistenza ikbar lil min jgħaddi minn din l-esperjenza negattiva.  Determinanti li s-sena li ġejja l-Parlament ikollu quddiemu abbozz ta’ liġi fuq dan.

2.11.11

Il-kapitolu l-ġdid

1.    Hemm tibdiliet politiċi li jsiru f’daqqa minn jum għal ieħor, bħal sajjetta.  Hemm oħrajn li jseħħu f’perjodu itwal ta’ żmien.  Hemm dawk li jsiru b’mod paċifiku, fil-kors u perkors naturali tal-bniedem jew taħt termini legali.  Hemm dawk li jsiru bid-demm, bil-ġlied, bil-qtil, bit-tkissir u t-tifrik.  Hi kif inhi, il-bidla ssir imma t-triq wara ma tkunx l-istess.  Dawk paċifiċi jistgħu jkomplu jibnu malajr fuq dawk li ħallew ta’ warajhom, mentri l-imdemmija jridu jitilqu mill-ġdid.

2.    Il-mewt, li saret inevitabbli, tal-Kurunell Muammar Ghaddafi tul l-aħħar ġimgħa trid tinqara’ fid-dawl ta’ din il-perspettiva.  Ladarba tibda r-rivoluzzjoni, diffiċli żżommha lura billi tipprova tifga’ fid-demm.  Hekk ġara.  Ma hemmx dubju li dak il-poplu Libjan iħossu liberat fl-istess ħin minn żewġ sitwazzjonijiet li żviluppaw.  L-ewwel: il-ħelsien minn reġim awtoritarju li uħud gawdew miegħu mentri oħrajn taħtu sofrew bl-ikrah.  It-tieni: il-liberazzjoni mill-ġlied imdemmi li kien iġib il-mewt mhux lill-ħżiena biss, imma lil kulħadd.  Il-balal u l-sparar ma jirraġunawx – jolqtu u joqtlu.

3.    Dan il-poplu Libjan għandu ħafna quddiemu għalxiex jaħdem.  Ser ikollu l-appoġġ sħiħ tagħna, però hu jrid jipprepara, jaqdef u jaħdem sabiex jibdel dak li wiret illum.  Ma hemmx dubju li l-ġlieda prinċipali tiegħu ser tkun waħda kulturali.  Kif tibdel ir-rapport mal-poter minn wieħed ta’ dipendenza u serviliżmu għal soċjetà demokratika.  Il-bini tal-istituzzjonijiet demokratiċi mhux ser isir mil-lejl għan-nar.  Ma jistax u ma għandux anqas jiġi impost, imma assistit.  L-istrutturi preżenti għandhom toroq twal biex jinbidlu għax fl-aħħar erbgħin sena baqgħu mwaħħlin, weqfin.

4.    Pajjiżna ilu jagħraf ir-realtà Libjana f’sitwazzjonijiet varji.  Mexxa min mexxa, hawn u hemm kien hemm rabtiet, rapporti diplomatiċi u kummerċjali skont kif u kemm il-persuni direttament involuti riedu.  Minn mumenti ta’ normalità kellna dawk strambi.  Bħal meta rajna d–dħul tal-lingwa Għarbija fl-iskejjel tagħna bilfors jew meta kellna mblukkar għat-tfittxija taż-żejt.  Pajjiżna però, żamm l-indipendenza sħiħa tiegħu, anke meta kien ikun hemm messaġġi ċari minn dak ir-reġim li m’huwiex jieħu gost b’dak li qed nagħmlu aħna.  Xorta saru da parti tagħna, anke jekk kellna mewġ ta’ bnedmin mibgħuta lejna biex jipprovaw iġibuna f’xi forma ta’ kriżi.  Illum aħna nafu li kif ried juża din l-arma mat-Taljani, użaha magħna wkoll.  Aġir mill-iktar kundannabbli fuq il-livell uman u fir-rapporti politiċi magħna.

5.    L-aġir tar-reġim ta’ Ghaddafi sawwar diffikultajiet kbar, però llum għandna quddiemna xenarju kompletament differenti.  Il-Partit Nazzjonalista kien ferm iktar progressiv u kuraġġuż fil-ġlieda li seħħet din is-sena.  Il-Partit Laburista kien fuq in-naħa l-oħra, ferm u ferm iktar kawt u lura.  Ma ħassx jew ma għarafx biżżejjed li l-poplu kien xeba’ mir-reġim.  Forsi deherna li konna qed nissugraw, biss fir-realtà konna qed inkunu veritieri mal-prinċipji li għandna mnaqqxa f’qalba: l-libertà, il-ġustizzja u d-demokrazija.  Ma stajniex immorru lura minn dak li dejjem sostnejna: “Is-sewwa (verament idum imma) jirbaħ żgur”.

6.    Ma jiddispjaċini xejn mill-kontribut li tajna sabiex ikun hemm futur differenti.  Pajjiżna mexa kif kellu.  Ma ħasilx idejh imma ħa ħsieb li jibda jibni l-pedament ta’ kapitolu ġdid.  Ir-rapporti mal-memorja preżenti ta’ dak il-pajjiż bnejnihom mertu tal-kuraġġ, id-determinazzjoni u viżjoni tal-Prim Ministru.  Hemm rabtiet personali bażati fuq il-prinċipji tad-demokrazija, mhux tad-dittatura.  Fix-xhur li ġejjin, pajjiżna jrid ikun ippreparat biex jieħu l-opportunitajiet il-ġodda sew.  Dawn jistgħu jsiru ferm aħjar minna li bnejna din ir-rabta.  Kapitolu ġdid infetaħ beraħ.  Nagħmlu ħilitna sabiex nibnuh tajjeb.

L-impatt fuq is-sistema

1.    Fil-bidu ta’ Ottubru, wara li l-Parlament f’Lulju kien approvah, daħal fis-sistema legali tagħna l-kunċett tad-divorzju.  Mhux ser nidħol fil-merti jew fid-demerti ta’ dan.  Dak sar qabel u wara r-referendum.  Illum il-poplu ddeċieda u l-maġġoranza tal-membri tal-Kamra ttrasformaw dan f’liġi.  Liġi li bdiet tiġi applikata fl-ewwel xahar tagħha, fil-Qrati tagħna, minn diversi persuni.  Diġà hemm ukoll każijiet li ġew preżentati u oħrajn li ġew jew waslu biex jiġu deċiżi.  Is-sistema bdiet taħdem u minn hawn ser naraw il-vantaġġi u l-iżvantaġġi legali tagħha.

2.    Fil-liġi li ġiet approvata hemm, mingħajr ma nkun dettaljat, bażikament erba’ toroq li fihom jidħol fin-nofs id-divorzju.  Hemm, l-ewwel, talba li ssir minn parti waħda, fejn jingħad li l-partijiet ilhom mifruda erba’ snin; it-tieni, talba li ssir miż-żewġ partijiet fiż-żwieġ fejn jaqblu li ilhom mifruda; it-tielet talba ssir billi f’kawża ta’ separazzjoni li hija diġà preżentata u pendenti quddiem il-Qorti tiżdied magħha t-talba għal divorzju u r-raba’, meta parti jew oħra tkun trid tibda l-proċess tad-divorzju billi jmorru l-ewwel fil-medjazzjoni u wara f’kawża.  Għalhekk quddiem il-Qorti daħlu każijiet varji f’dawn it-toroq legali.

3.    Fil-preżent, il-volum tax-xogħol m’huwiex wieħed għoli u dan għal żewġ raġunijiet.  L-ewwel il-kwantità, in-numri għadhom baxxi u t-tieni, l-konċentrazzjoni tal-każijiet huma marbuta ma’ jew talbiet fejn parti trid tiddivorzja u l-oħra le u dawk fejn jaqblu t-tnejn fiż-żewġ każijiet għax għamlu erba’ snin separati.  Dawn il-każijiet, fil-maġġoranza tagħhom m’għandhomx ikunu daqshekk ikkumplikati u għalhekk m’għandhomx l-istess sitwazzjoni bħal dik  f’kawża normali ta’ separazzjoni.  Apparti dan daħlu wkoll numru li rikbu fuq kawża ta’ separazzjoni li hija diġà pendenti u dawn ukoll mhux ser iżidu fil-volum tax-xogħol legali billi l-kawża hija mibnija.  Huma dawk li jmorru għall-medjazzjoni li wieħed jista’ jara li jista’ jkollhom impatt fit-tul.

4.    Issa, matul ix-xhur tas-sajf kien hemm min ħaseb li fl-ewwel perjodu kien ser ikun hemm kwantità kbira ta’ każijiet.  Saret kritika u kien hemm min ipprova jmaqdar is-sistema tal-Qorti tal-Familja u fl-istess ħin ipprova jargumenta li l-kawżi ser idumu għax ma hemmx min jieħu ħsiebhom.  F’dan il-perjodu ma ħassejtx li għandi nikkummenta pubblikament proprju għax hu diffiċli li wieħed jipprevedi x’ser jiġri fil-futur.  Ħadt ħsieb li l-amministrazzjoni tkun ippreparata, issegwi jum b’jum sabiex tieħu l-miżuri li jkun hemm bżonn.  Dan għax ir-riżorsi tal-Istat iridu jiġu użati tajjeb u b’mod bilanċjat.  Id-divorzju huwa ġdid, huwa parti mis-sistema u allura jrid jitħaddem però daqshekk ieħor il-każijiet l-oħra jridu jiġu ttrattati bl-istess sforz.

5.    Żammejt din il-pożizzjoni wkoll għax kelli min jiġbidli l-attenzjoni għall-istatistika li wriet li l-kawżi tal-annullament, li huma kkumplikati u jridu aktar il-ħin tal-Qorti, naqsu.  Mis-soltu mitejn, daħlu madwar sebgħin.  Mhux biss, imma anke l-każijiet li ssoltu jmorru quddiem il-medjaturi raw ukoll tnaqqis, prinċipalment fil-każijiet fejn il-partijiet jippreżentaw abbozz ta’ kuntratt ta’ nutar.  Dawn, minn bejn wieħed u ieħor 450 każ niżlu għal 200 każ.  Apparti dan, fuq in-naħa l-oħra rajt li hemm ukoll il-kwantità ta’ kawżi li ġew terminati f’kemm ilha li daħlet fis-seħħ il-Qorti tal-Familja, sija dawk ta’ annullament, kif ukoll ta’ separazzjoni u ma’ dawn id-diversi każijiet ta’ medjazzjoni li ngħalqu tul is-snin, b’din is-sena 1,117 ġew konklużi sal-aħħar ta’ Settembru.  Ma’ dawn baqgħu jiġu deċiżi b’ritmu kostanti l-kwantità kbira ta’ rikorsi li jidħlu l-ħin kollu fuq kwistjonijiet ta’ manteniment, kura u kustodja u aċċess għall-minuri.  Għalhekk għalkemm id-diskors seta’ juri mod, il-fatti kienu u preżentement huma differenti.

6.    Il-pożizzjoni llum hija waħda li tindika li l-biżgħat li ntwerew u l-kritika li saret matul is-sajf fuq ħidmitna ma seħħewx.  Il-kawtela sarrfet sabiex ma niġrux u nagħmlu passi li flok jgħinu, jfixklu.  Daqstant ieħor bl-attenzjoni u l-kawtela neċessarja, s-settur partikolari jibqa’ taħt għajnejna sabiex naraw x’qiegħed jiġri.  Nemmnu li kull ġudizzju huwa prematur u rridu nħallu almenu iktar żmien biex nifhmu.  Dan aktar u aktar meta għandek, l-ewwel, il-fattur tal-impatt attwali fuq kif dak li sar fil-liġi ser attwalment jaħdem u jitħaddem; u t-tieni, sabiex wieħed jara l-Kumitat imwaqqaf fil-liġi, li għandu fuqu d-dmir li jibdel, x’emendi ġodda sejjer jagħmel.  Hu x’inhu, għall-ġid tas-sistema legali kollha kemm hi, wieħed għandu jara l-impatt tagħha u jaħrab milli jipprova jġibha ballun politiku.





ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...