25.4.18

Il-Populiżmu u l-Unjoni Ewropea

 
1.   Għalkemm aħna favur, però huwa tajjeb li wieħed jara għaliex l-Unjoni Ewropea għad għandha tant avversarji.  Kieku ma tkunx tgħix fid-dinja, meta taħseb f’dak li wettqet u qed tipprova twettaq, kont tissoponi li messu kulħadd ikun favur.  Ngħid dan għal numru ta’ raġunijiet.

2.   L-ewwelnett, ġiebet il-paċi fil-kontinent.  Il-kotba tal-istorja jfakkruna mhux biss fl-aħħar żewġ Gwerer Mondjali, li bdew fl-Ewropa, u l-iktar li farrku l-Ewropa, mhux l-inqas lil Malta, kif ukoll imbagħad partijiet oħra mid-dinja.  L-aqwa ġid huwa żgur il-paċi; l-ikbar deni ġie mill-gwerra.  Ġiebet ukoll żvilupp ekonomiku kbir.  Suq wiesgħa ta’ tant miljuni, kabbret l-ekonomiji tal-pajjiżi kollha li ħadu sehem.  L-Unjoni xerrdet ukoll l-ideali tad-Drittijiet tal-Bniedem, tad-Demokrazija u tas-Supremazija tad-Dritt.  Dan ħoloq spazju kbir ta’ sigurtà u drittijiet.  Għamlet minn dan it-tripied, il-kundizzjoni biex tidħol tieħu mill-benefiċċju tal-Unjoni.

3.   B’danakollu, l-Unjoni bħalissa għandha min jixtieq jeqridha: minn ġewwa u minn barra.  F’Malta u Għawdex, l-Unjoni kellha avversarji qabel dħalna nieħdu sehem.  Minn mindu sirna membri, il-biċċa l-kbira ta’ dawk li kienu kontra, mhux biss ikkonvertew, iżda saru paladini tagħha.  Il-Partit Laburista ma jridx jiftakar, jew jitfakkar, li darba oppona li nsiru membri, għaliex fehem l-iżball li kellu, u llum qed jisfrutta kemm jista’ din l-isħubija li għaliha ħadem il-Partit Nazzjonalista.  Bħalma fl-imgħoddi l-ewwel għajjar Jum l-Indipendenza bħala Jum il-Għajb.  Dawn kienu gabirjoli tajbin.  Allaħares dak il-partit baqa’ għal dejjem iffissat fl-Integration, jew irrifjuta li jieħu sehem fl-Unjoni, u saħansitra li jippresjediha, meta jmissu t-turn.  Bla dubju, għal Malta, l-isħubija fl-Unjoni hi ta’ ġid kbir, bħalma, u ħafna iktar minn hekk, kienet l-Indipendenza.  Tajjeb li saret il-konverżjoni.

4.   Fid-dinja, minkejja dan, għad hawn min baqa’ bix-xewqa li jaraha tisfaxxa.  Kif hawn ukoll min fehem li hi ta’ fejda, u mhux biss għall-Ewropej.  Hekk, iċ-Ċina, għalkemm m’għandhiex l-istess struttura u ideat, mill-ewwel, fl-għaqal politiku tagħha fehmet li l-għaqda Ewropea hija ta’ ġid għall-paċi fid-dinja kollha.  Diġà fis-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor, iċ-Ċina Komunista ffavoriet l-Unjoni, li kienu ġustament iqisu li tista’ tkun ta’ bilanċ bejn iż-żewġ superpotenzi, li dak iż-żmien kienu jaqsmu lid-dinja.  Ħafna nazzjonijiet ukoll, kemm fid-dinja Għarbija u kemm fl-Amerika ta’ Isfel, bdew iħarsu lejn l-Unjoni Ewropea bħala pass ‘il quddiem fil-bini ta’ dinja iktar żgura u inqas polarizzata bejn iż-żewġ superpotenzi.

5.   Iżda l-kumpanniji supranazzjonali xejn m’għoġbithom li titwaqqaf u tissaħħaħ Unjoni li ma tkunx dgħajfa meta tittratta magħhom.  Ċerti kumpanniji kbar li setgħu jagħmlu l-arja mal-pajjiżi Ewropej, meħuda separatament, sabu ma’ wiċċhom potenza ekonomika li setgħet timmultahom meta jiksru r-regoli tagħha.  Kif nafu, il-Kummissjoni imponiet biljuni ta’ multi fuq kumpanniji kbar li kisru r-regoli.  Fis-sena 2016 biss, tlett elef, seba’ mija u sitta u għoxrin (3,726) biljun ewro ġew imposti.  Dan l-aħħar, multa ta’ elfejn u erba’ mitt (2,400) biljun ewro ġiet imposta fuq il-kumpannija Alfabet, li tippossjedi l-Google.  L-Unjoni Ewropea llum tirrappreżenta wkoll kontroll fuq il-kapitaliżmu bla rażan.  B’kollox, mill-1990 sas-sena l-oħra, il-multi fuq dawn in-negozji l-kbar ammontaw għal iktar minn sitta u għoxrin (26) biljun ewro.  L-Unjoni Ewropea daħħlet regoli tajba.  Biss, min hu b’saħħtu fin-negozju jixtieq li jsarraf is-saħħa tiegħu f’iktar qligħ u inqas kontroll.

6.   Fir-Renju Unit, dawk li kienu qegħdin jaħdmu għall-Brexit, irnexxielhom jipperswadu maġġoranza li dak ir-rażan fuq il-kumpanniji multilaterali huwa ta’ umiljazzjoni għan-nazzjon tagħhom.  Fil-gazzetti ta’ Murdoch, l-Unjoni ġiet impinġija bħala li qed issoff flus li jistgħu jmorru għall-isptarijiet u l-iskejjel.  Il-konsumatur komuni, li jibbenefika mir-rażan tħajjar u spiċċa, kif nafu, ivvota kontra l-interessi tiegħu stess.

7.   Dan l-aħħar għandna iktar politiċi li saru jitkellmu fuq il-populiżmu, dak li ta’ qabilna kienu jsejħulu demagoġija.  Huwa parti mill-proċess ta’ qerq li kandidat jirnexxilu juri li jaqbel għall-poplu, dak li huwa kontra l-interess tal-poplu.  Mhux biss, imma li huwa, fl-aħħar tal-jum, favur klikka jew grupp interessat.  Fl-Italja u f’pajjiżi oħra Ewropej, qed issir propaganda kontra l-Unjoni, li tiġi mpinġija bħala li qed taħqar lil min ma jistax ilaħħaq mal-ħajja.  Lil min qiegħed ibati faċli li tgħidlu li hemm xi ħadd fi Brussell responsabbli għat-tbatija tiegħu.  Din il-propaganda qarrieqa jista’ jkollha wkoll suċċess ma’ min ma tantx huwa infurmat.  Speċjalment meta jkun hemm min iwaħħal fl-ewro, il-munita komuni, li bbenefikat lil kulħadd, u mhux l-inqas lilna, kif ukoll lit-Taljani.

8.   Is-sewwa hija li l-burokrazija tal-Unjoni mhix nieqsa mill-iżbalji, bħall-burokraziji kollha.  Meta kont Ministru, stajt nagħżel: il-burokrati tal-Unjoni li huma kompetenti, li jagħmlu dmirhom bir-reqqa u fil-ħin, minn oħrajn li kienu arroganti jew inkompetenti.  L-Unjoni mhux dejjem tagħti każ għall-mod kif jintagħżlu, fil-mod ta’ kif jaħdmu l-bnedmin.  Iżda d-difetti tal-burokrazija ma jeklissawx il-merti tal-Unjoni u l-ġid li wettqet għall-bnedmin komuni, iċ-ċittadini tal-pajjiżi membri.  Lanqas dan ma għandu jagħlqilna għajnejna għall-benefiċċji ġenerali tagħha.

9.   S’issa, id-demagogi Maltin ma waħħlux fl-Unjoni għan-nuqqasijiet li jsofri l-poplu.  Noqogħdu attenti li ma nidħlux fil-linja li nwaħħlu fl-Unjoni għall-iżbalji tal-gvernijiet nazzjonali.  Il-kontroll ta’ kif jimxi s-suq fuq skala Ewropea hi materja tal-Unjoni.  Il-kontroll tal-korruzzjoni jrid isir fuq skala nazzjonali.  U f’dan qegħda tagħmel il-parti tagħha l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.  Meta l-Oppożizzjoni tagħmel dmirha, tqanqal ukoll il-kuxjenza tal-Unjoni: dan mhux sostitut.  Dan huwa, jew jista’ jkun, valur miżjud.  Il-kontroll tal-korruzzjoni mhux biss huwa fid-dmir tad-deputati Nazzjonalisti.  Huwa wkoll deċiżament parti mid-dmir ta’ dawk id-deputati Laburisti li huma ndaf u ma jixtiqux li jiċċappsu bil-korruzzjoni, li jassiguraw li tiġi kontrollata kif tmiss mill-Gvern li huma jappoġġjaw.





No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...