20.4.18

Kumitat ta Skrutinju Parlamentari t-tieni seduta.


IĊ-CHAIRPERSON (Onor. Edward Zammit Lewis): Niġbed l-attenzjoni għall-ħin li hemm fl-aħħar linja tal-Minuti. Dan m’għandux ikun 7.40 p.m., imma 8.40 p.m. Għalhekk nitlob korrezzjoni fis-sens li l-ħin li hemm fl-aħħar sentenza jinbidel u jsir id-8.40 p.m. minflok it-7.40 p.m.  Hemm xi oġġezzjoni għall-Minuti? (Onor. Membri: Le) Neħodha li l-Minuti huma kkonfermati.

Il-Minuti tal-Laqgħa Nru 1 li saret fl-20 ta’ Marzu 2018 ġew ikkonfermati.

IĊ-CHAIRPERSON: B’referenza għall-ittra datata 22 ta’ Marzu 2018 li rċevejt mingħand is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, illum għandna quddiemna n-nomina tal-Avukat John Mamo bħala Non Executive Chairman tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji. Għaldaqstant nistieden lill-Avukat John Mamo sabiex jidher quddiem il-Kumitat biex isirulu mistoqsijiet supplimentari skont is-subartikolu 48B(4) tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, Kap 497.

Fl-10.25 a.m. l-Avukat John Mamo daħal fil-Kamra tal-Kumitat.

IĊ-CHAIRPERSON: Nirringrazzja lill-Profs. Mamo li għoġbu jiġi għal dan is-smigħ. Aħna rċevejna r-risposti tiegħek bil-miktub u allura llum il-kompitu tagħna hu li, jekk hemm bżonn, nelaboraw fuq dak li diġà għandna miktub. Ninformak li hawnhekk qegħdin f’xandira awdjoviżiva, jiġifieri din il-laqgħa tiġi trażmessa fuq l-istazzjon tal-Parlament.

Se nibda l-laqgħa tal-lum billi nagħti l-kelma lill-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici.

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Profs. Mamo, l-ewwel ħaġa nirringrazzjak tal-mod eżawrjenti li bih weġibt id-domandi. Inti persuna ta’ esperjenza kbira u varja u d-domandi koprew ħafna affarijiet. Però f’risposta li tajt għal waħda mid-domandi li sarulek - aħna staqsejniek, bejn wieħed u ieħor, l-istess ħaġa - inti għedt hekk:

“In-nomina tiegħi  bħala Designate Chairman of the Board of Directors MFSA kienet kemm xejn ta’ sorpriża. Mill-ewwel ġranet wara li saret pubblika bdejt nerġa’ nara l-liġijiet relatati biex inkun aġġornat mal-aħħar regolamenti u prattiċi, kif ukoll mal-amministrazzjoni kemm xejn komplessa tal-MFSA.”.

Illum, jiġifieri wara li għamilt dan, u wara li f’partijiet oħrajn għedt li ilek tliet xhur tagħmel dan ir-running in, biex insejħulu hekk, għandek xi ħsibijiet jew ideat dwar dan is-settur partikolari, speċjalment in vista tal-possibbiltà ta’ iktar xogħol minn Brexit?

DR JOHN MAMO: Kif għedt, meta ġejt mistieden biex immur għand is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri, naħseb li waħda mill-aħħar affarijiet li kont qed naħseb kienet li se jistednuni biex inkun Chairman tal-MFSA. Kif jidhirli li għedt fir-risposti l-oħrajn, din ma kenitx l-ewwel darba għaliex fi żmien il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami wkoll kienu staqsewni biex inkun l-ewwel Data Protection Commissioner. Jien ma kont naf xejn fuq dak il-qasam u  l-ewwel ħaġa li kont għedt kienet li teknoloġikament jiena kompletament bankrupt. Dak iż-żmien dehrilhom li dan huwa kważi vantaġġ għax riedu  bniedem legali. Jiġifieri f’ħajti, għal xi raġuni jew oħra, ġejt mistieden nagħmel ħafna affarijiet li ma stennejthomx.

Kif għedt, wara n-nomina I was taken under the wing of Professor Bannister li, kif jaf kulħadd, huwa bniedem kważi sinonimu mal-MFSA. Apparti minn hekk, kont nafu mill-Università, konna ħbieb u kien ġeneruż ħafna miegħi biex jipprova, fi żmien relattivament qasir - għaliex tliet xhur jinstemgħu ħafna, imma f’kumpless bħal dan huwa żmien qasir ħafna - ... Attendejt numru ta’ board meetings bħala observer, kont preżenti wkoll f’teleconferencing mal-IMF u mal-ECB biex inkun naf il-proċeduri, tkellimt mad-Direttur Ġenerali, jiġifieri tawni kemm jista’ ikun exposure, però dejjem fil-limiti tal-konfidenzjalità. Kien hemm ċerti red lines li ma stajtx naqsam. Tgħallimt ħafna dwar l-organizzazzjoni: kif taħdem, il-problemi li għandha u li m’għandhiex, tgħallimt ukoll fejn trid tmur fl-espansjoni. Però naturalment għad hemm gaps li rrid nimlihom jekk inkun magħżul biex nibda naħdem hemmhekk. Ma nafx irrispondejtx id-domanda.

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Irrid ngħid li ninsab sodisfatt bir-risposta tiegħek. Ovvjament aħna, Prof. Mamo, bħala Oppożizzjoni rridu nuruk il-preokkupazzjoni tagħna fuq dak li għaddej preżentement. Ovvjament dan ma jaqax taħt il-kompetenza tiegħek issa, imma iktar ’il quddiem tkun taqa’ taħtek. Qed ngħid għall-kwestjoni tal-Bank Pilatus u l-affarijiet kollha marbutin mal-mod kif isir il-kontroll u l-mod kif wieħed jista’ jiddefendi aħjar ir-reputazzjoni tagħna. Din se taqa’ squarely fuq dahrek. Jiġifieri nixtiequ nagħmluk aware minn din il-ħaġa. Aħna nifhmu li din hija xi ħaġa sub judice, però bħala kumment ġenerali rridu ngħidu li jidhrilna li l-MFSA setgħet tieħu xi passi aktar b’saħħithom rigward din il-kwestjoni, fis-sens illi tardare si, scappare no. Ċerti affarijiet dehru mill-bidu u allura aħna konna preokkupati. Jien irrid nurik din il-preokkupazzjoni partikolari tagħna. Mill-bqija m’għandix aktar ....

DR JOHN MAMO: Li nista’ ngħid hu li fuq Pilatus Bank - u ma qed nipprova naħrab minn xejn meta ngħid hekk – naf daqskemm jaf il-layman struwit għaliex segwejt il-kwestjoni mill-viċin. Sa dalgħodu stess, sfortunatament, kien hemm hemm full page fil-ġurnal Financial Times fuq din il-kwestjoni u rajtha wkoll. Naqbel li hija problema kbira ħafna, però ma nistax ngħidlek jekk l-MFSA ikkomportatx ruħha tajjeb jew setgħetx tagħmel mod ieħor sempliċement għaliex ma nafx. Però int missejt ukoll fuq aspett li jidhirli li wkoll tkellimt dwaru fir-risposti bil-miktub. Jidher li l-Communications Department tal-MFSA huwa debboli ħafna u naf li qed isir recruitment biex jiġi rinforzat. Barra minn hekk, hemm problemi enormi ta’ bilanċi ta’ fejn tista’ titkellem u fejn ma tistax, kwestjonijiet ta’ konfidenzjalità. U dawn il-linji are very difficult to draw, għaliex anke bejn il-units infushom tal-MFSA ukoll hemm affarijiet li jistgħu jingħadu u oħrajn li ma jistgħux jingħadu.  Kif għedt, nixtieq nistabbilixxu aktar bilanċ biex l-MFSA ... L-avukati hawnhekk jafu f’liema pożizzjoni jkunu l-imħallfin fuq din il-kawża famuża. Ħafna drabi l-imħallfin iridu jinkassaw mingħajr ma jistgħu jidħlu f’dibattitu fil-ġurnali. U sa ċertu punt hemm analoġija bejn l-MFSA bħala regolatur u l-imħallfin, ikollha tinkassa kritika  mhux dovuta. M’iniex qed ngħid li l-MFSA is above criticism jew li it’s not open to criticism, imma nixtieq nara li almenu jekk tkun qed taqla’ ġo fiha, kif ngħidu bil-Malti, dan ikun għal xi ħaġa li jew għamlet jew li m’għamlitx. Per eżempju, evidentement hemm konfużjoni sħiħa f’moħħ xi Maltin li jiktbu fi blogs u fil-media li jaħsbu li l-FIAU, pereżempju, hija parti mill-MFSA; ma jifhmux li hija regolata minn liġi għaliha u li taqa’ taħt ministeru differenti. Nixtieq insib mod kif I bring these problems into the open, però dejjem fil-limiti tal-konfidenzjalità li huma imposti kemm mil-liġi u kemm mill-etika.

IĊ-CHAIRPERSON: Profs., nixtieq nagħmillek domanda. Inti semmejt il-kwestjoni tal-perception tar-regolatur li ħafna drabi forsi minħabba r-regolamentazzjoni tiegħu stess u minħabba financial secrecy, bank secrecy, ovvjament ikun irid jitkellem però jkun marbut bil-liġi biex li ma jitkellimx. Din wieħed irid jaraha mhux biss mil-lat li jirribatti kritika, però anke għall-finijiet tal-perception ta’ pajjiżna barra minn xtutna. Hawnhekk qegħdin nitkellemu fuq it-tieni pilastru ekonomiku f’pajjiżna. Li xtaqt mingħandek huma reazzjonijiet fil-qosor għal tliet affarijiet li qegħdin jiġru u li se jaffettwaw lill-MFSA, lill-industrija u lil pajjiżna.

Fil-qosor ħafna, kif taħseb li nistgħu nilqgħu għall-Brexit jew anke, f’dan is-settur partikolari, indawruha f’opportunità għalina?  Hemm ukoll il-kwestjoni tal-isforzi li għaddejjin f’ċerti pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għal iktar integrazzjoni u tax harmonization fejn tidħol is-sistema fiskali tal-Unjoni Ewropea. It-tielet punt li xi kultant nissottovalutawh ukoll huwa li iktar ma s-settur ikun tajjeb u jkun sejjer tajjeb, iktar għandna kompetizzjoni minn other financial jurisdictions of repute li ovvjament jarawna bħala kompetituri serji għalihom. Kif tara li l-MFSA tista’ tilqa’ għal dawn l-isfidi li għandha quddiemha?

DR JOHN MAMO: L-ewwel suġġett li semmejt huwa l-Brexit. Kif għedt fir-risposta bil-miktub tiegħi, Brexit is a very fluid situation,  lanqas l-Ingliżi jew l-Ewropa ma jafu eżattament x’se jiġri. Però hemm ċerti movimenti ċari u hemm banek u istituzzjonijiet importanti li diġà qegħdin jantiċipaw x’jista’ jiġri u qegħdin jieħdu passi in the light of Brexit. Li naħseb li huwa żgur u aċċettat minn kulħadd huwa li Londra se tibqa’ ċentru finanzjarju importanti. Manhattan huwa importanti. Probabbilment Londra huwa l-iżjed importanti. Jiġifieri b’xi  mod jew ieħor irridu nżommu kuntatti importanti ħafna ma’ Londra. F’dan il-każ naturalment se nitilfu ċerti vantaġġi li kellna meta l-Ingilterra kienet fl-Ewropa. Dawn il-vantaġġi nitilfuhom mal-pajjiżi l-oħrajn tal-Ewropa għax inkunu kollha in the same boat. Apparti bħala bloc, kull pajjiż tal-Ewropa jibda jara kif jista’ jagħmel kuntatti privati ma’ Londra biex kemm jista’ ikun iżomm il-vantaġġi li kellu. F’dan is-sens naħseb li Malta diġà bdiet; kien hemm diskussjoni bejn il-mexxejja tal-pajjiżi u huwa importanti li dan inkompluh.

L-aspett l-ieħor huwa li one man’s meat is another man’s poison, fis-sens li se jkun hemm ċertu exodus mill-Ingilterra, speċjalment f’ċerti setturi, u l-importanti hu li naqbdu kemm jista’ jkun minnhom.  Jidher li hemm setturi partikolari li likely li jiġu Malta. Donnu li banek kbar ma tantx se jiċċaqilqu, waqt li kumpaniji tal-assigurazzjoni jidhru li ġejjin. L-iktar li jidher li għandna fejn nixxamplaw huwa fis-settur tal-gaming, minħabba l-pożizzjoni ta’ Ġibiltà. Għax jekk Ġibiltà tiġi ttrattata bħala parti mill-Ingilterra, naturalment titlef ħafna minn dawk il-vantaġġi. Aħna diġà b’saħħitna fil-gaming. Għalkemm dejjem nitkellmu fuq tax advantages, jidher - almenu mill-ftit li tgħallimt fl-MFSA - li t-tax advantages mhumiex top priority. Il-prijoritajiet huma prinċipalment il-klima, il-lingwa Ingliża, il-kultura Ingliża u l-istituzzjonijiet bankarji u ġudizzjarji – mingħajr ma nitkellem b’mod politiku – li ħallew l-Ingliżi meta telqu mill-kolonja. Naturalment imbagħad hemm it-tax advantage. Jekk il-UBO jkun ġej mill-British Virgin Islands, it-tax advantage jittieħed kollu. Però jekk ikun hemm distribution of dividend f’pajjiż tal-Ewropa, imbagħad jerġa’ jiġi intaxxat hemmhekk u ma jibqax dan il-famuż 5%. Naħseb li din hija s-sitwazzjoni dwar Brexit: li nipprovaw nieħdu kemm jista’ jkun, u nipprovaw nitilfu mill-inqas.

IĊ-CHAIRPERSON: Staqsejtek ukoll dwar tax harmonisation measures.

DR JOHN MAMO: Fuq tax harmonisation nista’ ngħid li din hija kwestjoni li ilha għaddejja. Naturalment jekk l-Ingliżi, li magħna huma wieħed mill-ikbar opponenti għaliex ilhom żmien twil tax haven, jitilqu mill-Unjoni Ewropea, allura nitilfu pajjiż kbir li kien qed jopponi! Fejn jidħlu affarijiet fiskali suppost li jkun hemm unanimità fid-deċiżjonijiet u allura sa ċert punt dik hija defence. Jekk, però, pajjiżi individwali jibdew jieħdu azzjonijiet, bħalma jidhirli li qed thedded li se tieħu xi azzjonijiet l-Iżvezja, kif ukoll il-Ġermanja ... Madankollu, wieħed irid jikkonsidra wkoll li dawn il-pajjiżi, speċjalment il-Ġermanja, li hija l-iktar li qed tagħmel la voce grossa, m’għandhiex storja nadifa għal kollox fil-banek tagħha, għaliex id-Deutsche Bank, pereżempju, huwa wieħed miċ-channels ta’ ħasil ta’ flus mill-iktar magħrufa. Londra wkoll hija ċentru tal-ħasil tal-flus, imma dik imbagħad tkun barra mill-kwestjoni kollha. Però żgur li se jsiru sforzi. Imma mbagħad aħna lanqas irridu nimbxuhom. Kemm jista’ jkun irridu nagħmluha ċara li we are keeping a clean house. Però lanqas ma rridu nkunu mażokisti, fis-sens li ma rridux immorru oltre dawk li qed jattakkawna. F’ċerti każijiet naħseb li retreat is the best form of defence. Jekk timponilek xi ħaġa l-Amerika, kulħadd jopponi, għaliex kulħadd jobgħod li jkun hemm bullying tactics, imma mbagħad l-Amerika għandha l-possibilità li tagħlaq il-correspondent banks. Jiġifieri hemmhekk issir kwestjoni strateġika fejn tara x’jaqbillek u x’ma jaqbillekx at that moment in time.

IĊ-CHAIRPERSON: It-tielet punt huwa li kompetituri bħal-Lussemburgu se jibqgħu fl-EU.

DR JOHN MAMO: Naħseb li rridu nimmassimizzaw il-kwalità. Mill-ftit li sirt naf fl-MFSA, nista’ ngħid li hemm talent Malti enormi! It’s a very big authority. Hemm 360 ruħ u qed jirreklutaw xi 100 oħra. Fil-fatt lanqas qed isibu Maltin biżżejjed għal dawn il-jobs, u qed iġibu ħafna nies minn barra. L-importanti huwa li jkollna aktar Maltinfl-istituzzjonijiet tagħna. Din mhijiex xi ħaġa li ssir fl-immedjat, imma kemm jista’ jkun medium term: li s-sistema edukattiva f’Malta tipproduċi iktar nies li jistgħu jokkupaw it-top jobs. Hemm ukoll kwestjonijiet ta’ pagi, il-cost of labour. Il-kwestjoni hija kumplessa. Però naħseb li, summing it up, huma l-kwalità, ir-reputazzjoni u s-serjetà li nistgħu nikkompetu bihom, speċjalment jekk l-intenzjoni hija li nidħlu għal cryptocurrencies, blockchain u active fund management; li huma very highly specialised sectors, għad hemm dibattitu fuqhom u għadhom qed jevolvu. Nifhem li tajjeb li nkunu minn tal-ewwel li nirregolaw, però mbagħad kemm se nippermettu minn dik l-industrija li topera minn Malta, naħseb li wieħed għad irid jarah.

IĊ-CHAIRPERSON: Wieħed irid jara kif se tevolvi. L-aħħar domanda hija dwar is-settur privat tas-servizzi finanzjarji. Kif tara l-interface tar-regolatur, li jirregola u jeżerċita ċerta dixxiplina mas-settur privat, li ovvjament irridu ngħinuh għaliex għandna interess, mhux biss ta’ regolamentazzjoni, però li nkabbru dan is-settur? Kif tara l-interface tal-MFSA ma’, pereżempju, IFSP u entitajiet oħra?

DR JOHN MAMO: Mill-esperjenza limitata li kelli, nista’ ngħid li r-rapporti tal-MFSA ... Qabel, għal ħafna raġunijiet marbuta ma’ kif evolviet l-MFSA, kien iċ-chairman biss, issa l-funzjonijiet se jkunu maqsumin bejn il-bord, iċ-chairman tal-bord u s-CEO li huwa wkoll membru tal-bord u għandu rappreżentanza legali u ġudizzjarja. Dan huwa format pjuttost ġdid. Fir-risposta miktuba pprovajt nagħmel l-analoġija tas-CEO li jpoġġi fil-bord mal-managing director. Naħseb li din hija l-eqreb li stajt nara, imma lanqas hija l-aħjar anoloġija, għax jista’ jkun hemm differenzi wkoll. Għedt ukoll li, kemm meta kont Chairman, u kemm meta kont Commissioner jew f’xi kariga oħra, dejjem addottajt an open door policy. Fil-fatt diġà kitbuli u bagħtuli emails mill-Association of Insurance, bankers ... Probabbilment nixtieq li nibda mill-ewwel ġurnata narahom wieħed wieħed, bħalma nixtieq nara lid-diretturi tal-lum wieħed wieħed. Kif għedt, I would like to be on top of the situation. Fl-aħħar mill-aħħar, tgħajjatlu x’tgħajjatlu, legalment jew le, il-perċezzjoni se tibqa’ li the buck stops with the chairman. Fl-esperjenza tiegħi fil-kummerċ privat, dejjem kont inkun naf eżattament x’qed jiġri, naturalment mingħajr ma numilja lis-CEO. Uffiċjalment mhux magħruf min huwa s-CEO, però l-idea tiegħi hija li in kwantu għandu ċertu portata fil-liġi, forsi iktar minn CEO normali, inżomm kuntatt miegħu u jekk inkun se nistieden xi organizzazzjoni biex jitkellmu miegħi, nistaqsih isibx xi oġġezzjoni li nitkellem magħhom. Però I would like to keep my ears to the ground, biex inkun naf eżattament xi jkun għaddej. Ma jistax ikun li bħala bord, l-input ikun ġej biss mingħand is-CEO – hu min hu, mhux qed nitkellem fuq persuna partikolari – għax dik tkun sitwazzjoni perikoluża ħafna! Jekk ma jkollokx input 360 degrees, it can backfire in a big way.

IĊ-CHAIRPERSON: Grazzi ħafna. Nixtieq nosserva li f’waħda mid-domandi li għamilnielek serraħtilna rasna wkoll li se jkun hemm żvestiment personali minn interessi kummerċjali oħra. Dik, għal dan il-Kumitat, hija importanti wkoll, biex naraw li ovvjament tkun at arm’s length minn kull business.

DR JOHN MAMO: Għidtilkom li se ngħaddi iktar żmien man-neputijiet!

IĊ-CHAIRPERSON: Hija pożittiva ħafna wkoll, għax forsi ġġiegħlek taħseb 360 degrees, kif għidt. Nirringrazzjawk li kont magħna u li aċċettajt li tidħol għal din il-kariga ta’ sfida f’mument partikolari. Grazzi ħafna u nitolbok biex ġentilment tirtira mill-Kumitat.

DR JOHN MAMO: Nirringrazzja lilkom kollha.

Fl-10.43 a.m. l-Avukat John Mamo rtira mill-Kamra tal-Kumitat.

IĊ-CHAIRPERSON: Hawn qbil li għandu jkun hemm rakkomandazzjoni pożittiva?  (Onor. Membri: Iva) Il-Kumitat jaqbel li għandu jingħata parir favur il-ħatra tal-Avukat John Mamo bħala Non Executive Chairman tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji skont kif provdut fis-subartiklu 48B(5) u fit-Tielet Taqsima tal-Ħames Skeda tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, Kap. 497. Il-parir tal-Kumitat, flimkien mal-interventi li għamilna, se jintbagħtu lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Nirringrazzjakom. Il-Kumitat issa huwa aġġornat għal data li tiġi kkomunikata ’l quddiem.

Fl‑10.45 a.m. il‑Kumitat aġġorna għal data li kellha tiġi kkomunikata ’l quddiem.



No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...