2.4.18

Fid-direzzjoni l-ġusta.




1.     Għaddew diġà sitt xhur minn meta l-Partit beda għaddej minn mument neċessarju ta’ bidla.  Wara r-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali ma kienx hemm ħlief alternattiva waħda: dik li permezz tagħha l-linji marbuta mal-istrateġija u t-tattika politika tagħna jinbidlu.  Li kieku ma konniex kapaċi nifhmu li kien hemm dan il-bżonn li nivvintaw lilna nfusna, konna nibqgħu mwaħħlin fl-istorja tal-iżvilupp tagħna.  Il-ġudizzju li kien għadda mill-poplu fil-konfront tagħna kien jibqa’ iebes għall-futur tagħna li kieku ma ċċaqlaqniex minn fejn konna.  Din hija r-realtà politika li rridu nagħrfu u niffaċċjaw.  Għax għalkemm nistgħu nibqgħu nsibu lil dawk li jaħsbu li min għandu d-dritt tal-vot ma kienx jaf x’inhuwa jagħmel, ir-realtà hija għalina lkoll li moħħna jaħdem tajjeb, li l-verità hija definittivament oħra.



Doża qawwija ta’ kuraġġ



2.     F’dawn il-ftit xhur kien hemm riħ ta’ bidla lejn id-direzzjoni t-tajba u ġusta.  L-elezzjoni demokratika tal-Kap il-ġdid, Dr Adrian Delia, ġiebet magħha formazzjoni politika interessanti.  Il-ħatra ta’ żewġ Viċi Kapijiet ġodda, Robert Arrigo u David Agius, u s-Segretarju Ġenerali politiku Clyde Puli, li t-tlieta jikkumplimentaw lil xulxin, għaqqdu iktar il-forzi u ġiebu ħeġġa, ħidma u ideat li qabel ma konniex rajna.  Għalkemm jafu li l-mument politiku huwa diffiċli, xorta daħlu għal din ir-responsabbiltà qawwija.  Għax għandna nammettu li jrid ikollok doża qawwija ta’ kuraġġ, determinazzjoni u perseveranza biex wara numru ta’ telfiet elettorali, tmexxi u tiġbor lura partit li fl-eventi tfarrak organizzattivament u finanzjarjament.



Proċess ta’ bidla



3.     Il-proċess tal-bidla interna u neċessarja bdiet deċiżament issir.  Biss, għandha kuntest li trid titqiegħed fih.  Hemm min jifhimha, u japprezza l-kumplikazzjonijiet varji ġejjin: l-ewwel mill-proċess politiku “naturali”; it-tieni, mir-reazzjonijiet għal dak li għaddejna minnu mill-karattri varji ta’ min jifforma l-Partit; u t-tielet, għal dak li fil-politika tal-jum, il-Gvern irid, fl-aġenda żbaljata tiegħu, jressaq.  Qegħdin f’ambjent stramb ta’, fuq naħa populiżmu apparenti u ta’ psewdo-politika diżapprovata fejn wieħed jinnota reazzjonijiet varji.  Ta’ dawk miġbura u mhux dejjem separabbli li jiddikjaraw li huma biss il-vuċi tal-poplu li jgħodd, u dawk li jħarsu lejn l-oħrajn bħala l-immorali, il-korrotti u dawk li jridu jippresumu li huma dawk perfettament puri, dritti u li huma dejjem, infallibilment korrettissimi f’ħidmiethom.



Psewdo-Puritaniżmu



4.     F’dan kollu hemm, kif għidt, proċess li huwa għaddej jiżviluppa, għalkemm mhux neċessarjament apprezzat.  Għax dan qiegħed isir kontra numru ta’ kurrenti, kulturi politiċi antikwati u retrogradi.  Rajt ħafna f’din id-dinja, u missejt ma’ forom imħallta ta’ psewdo-puritaniżmu, ta’ preġudizzji primarjament żbaljati.  Fejn il-ġudizzji fuq l-oħrajn isiru malajr u l-kundanni jingħataw minn dawk li forsi aħjar iduru l-ewwel fuqhom infushom, biex jifhmu sehemhom.  Għax min irid jimxi fid-direzzjoni t-tajba jaf li l-politika titlob doża qawwija ta’ umiltà.  Titlob li wieħed jisma’, jipprova jifhem, ma jiġrix, janalizza fid-dettall, ma jitkessaħx u joqgħod pass lura qabel ma jiċċaqlaq, sod sod, ‘il quddiem.



Doża ta’ sens komun



5.     F’dawn ix-xhur, Adrian Delia rnexxielu jġib lura fil-Partit kurrent differenti u ġdid, li bih daħlet lura doża qawija tas-sens komun li l-elettorat tagħna jrid.  Il-linja politika li fiha miexi qed iġġib lura popolarità, umanità, mibnija fuq il-ħniena u l-kumpassjoni.  Għalkemm mhuwiex iben il-politika, jew ġej b’esperjenza twila fiha, għandu l-kwalitajiet neċessarji biex jifhimha, kif taħdem u xi jridu l-bnedmin tad-dinja minnha.  Din hija r-realtà tal-affarijiet għalija u diversi oħra li ilna dawn ix-xhur nosservawh, nifhmuh, ngħarbluh u napprezzawh.  Huwa għandu taħlita ta’ kwalitajiet politiċi li konna ilna ma naraw, li però qed isiru dejjem iktar rilevanti u ser ikunu ferm iktar determinanti.



Għaddej b’umiltà



6.     Minkejja l-preġudizzji li wħud iressqu kontrih u t-telgħat li jsib quddiemu, dawn qed isarrfu biex ikunu biss ċirkostanzi determinanti li qed ibasktuh sew.  Il-politika għandha r-realtà tagħha, ir-regoli strambi tagħha; biss, il-proċess intern fiha jiddistingwik.  Tista’ tibqa’ għaddej u tista’ le.  Tista’ taqta’ qalbek u tista’ le.  Tista’ ssib ħafna min dawl li japprovawk u jiktbu favur tiegħek u tista’ kompletament le.  Tista’ wkoll tħoss li ma tista’ tagħmel xejn tajjeb għal ċerti karattri.  Biss, il-politiku t-tajjeb jagħraf li jrid jibqa’ għaddej b’umiltà, b’ras baxxuta wkoll.  Irid jikkoreġi lilu nnifsu, jibdel, jinbidel u jifforma ruħu.  Il-kultura politika titlob attenzjoni u kultivazzjoni.



Il-Primula



7.     Fiż-żmien ir-rebbiegħa li dħalna għaliha, nafu li tikber f’ambjent diffiċli u avvers, fil-blat, fjura magħrufa bħala ‘primula’, fi fjuretti żgħar mill-isbaħ, li jiftħu qishom tazza.  Hija sinja tal-ħajja li nagħrfu, dawk bħali li jħobbu jimxu fil-kampanja li għad fadlilna.  F’dawn ix-xhur tax-xitwa politika, il-Partit sab ruħu fost ħafna rjiħat.  Fihom, kull darba li ġeja quddiem numru ta’ appuntamenti, il-Partit irnexxilu jirbaħ il-battalji morali.  Biżżejjed, fost oħrajn, li wieħed isemmi l-kwistjoni tal-abort u tat-tneħħija tal-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf fil-liġi tal-vjolenza domestika.  Pożizzjonijiet li ġiebu għarfien ġdid tagħna.  Għad fadal ferm xi jsir, u l-ħidma tagħna hija diretta fuq din il-linja.  Għax, ċertament, il-proċess politiku li permezz tiegħu niġu lura fuq id-direzzjoni l-ġusta beda, u ma jistax jinżamm lura.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...