8.4.18

F’San Girgor Imbragati





1.     Huwa minnu li l-Gvern għandu l-kontroll komplut tal-magni tax-xandir f’dawn il-gżejjer, li permezz tagħhom il-messaġġi tiegħu joħorġu biex jipperswadu, b’kull mezz possibbli, lil min jismagħhom.  Ma hemmx dubju, anqas, li meta wieħed jisma’ l-aħbarijiet, jew jara dak li jitressaq lill-poplu f’dawn il-mezzi tax-xandir tal-Istat, wieħed jifhem iktar kemm kollox huwa immirat intenzjonalment biex jagħti raġun u jiġġustifika lil min qiegħed imexxi lil dan il-pajjiż preżentement.  Qed naraw is-sitwazzjoni tiddeterjora, fejn il-vuċijiet kontra jiġu marġinati, rappurtati ħażin jew imqegħda lejn l-aħħar nett.  Kollox qiegħed jitqiegħed fil-kuntest fejn kull vuċi trid tagħti raġun, anke fejn ma jkunx hemm, jew tibdel dak li huwa żbaljat f’wieħed ġust, u fuq  kollox, dak li huwa ħażin f’tajjeb.  Għaddejjin minnu sew.  Mumenti li jfakkruna fil-passat li ġieb Xandir Malta.



Il-kuntest storiku



2.     Tul din il-ġimgħa deher fil-gazzetta ‘Maltatoday’ stħarriġ, proprju f’jum San Girgor, dwar fejn nidentifikaw rwieħna.  Għall-kuntrarju ta’ dak li ilna nisimgħu f’dawn is-snin, il-bnedmin f’dawn il-gżejjer għadhom, fil-maġġoranza tagħhom, jiddikjaraw li huma Nsara.  Għalina li niltaqgħu man-nies nafu, b’dan, li sija l-Laburisti (98.2%) u n-Nazzjonalisti (93.4%) huma hekk.  Mhux biss, imma hija minoranza, sija fost il-Laburisti (6.5%) jew in-Nazzjonalisti (7.6%) li jaqblu li titneħħa mill-Kostituzzjoni l-identità Kattolika tagħna.  Minoranza li tiżdied fiċ-ċokon ta’ dawk li jaqblu li jitneħħa l-Kurċifiss mill-postijiet pubbliċi, bil-Laburisti (2.5%) u n-Nazzjonalisti (4.9%).  Nifhem dan, u nidentifika ruħi miegħu.  M’jinix f’minoranza; anzi, nifhem il-maġġoranza.



L-identità fil-ġid komuni



3.     Dak kollu li ilna nisimgħu b’bumbardament ta’ kemm irridu nkunu sekulari u mmorru kontra dak li jsawwarna, hawn insibu l-linja ċ-ċara tal-verità.  Mhuwiex minnu li aħna sirna differenti milli aħna, jew li nbdilna.  Il-valuri etiċi tagħna hemm għadhom u bl-aġir li għaddej jidher evidenti li, anzi, dawn iridu jissudaw iktar ruħhom.  Biss id-domandi, għalkemm jikxfu dak li aħna u dak li rridu nkunu, fl-istess ħin juruna li fuq kwistjonijiet iktar kumplikati, ħafna mill-poplu mhuwiex preparat.  Għax ma hemmx dubju li l-poplu jħares lejn li jimbraga l-ġid komuni.  Jħares lejn li jkollu politika ta’ stabilità f’rabta taż-żwieġ, ta’ protezzjoni tad-dinjità umana, lejn li jkollna linja li mill-konċepiment sal-aħħar tal-ħajja ma nħarsux lejn il-bniedem bħala oġġett, f’dimensjonijiet materjalisti.  M’aħniex favur l-abort jew l-ewtanasja.



Iktar imperu, ferm inqas demokrazija



4.     Imma f’dan kollu, wieħed ma jistax jaħrab dak li għaddej preżentement fi ħdan il-partit li qiegħed fil-Gvern, dak Laburista.  L-esperjenza politika ta’ dawn l-aħħar snin qed turi li hemm tibdil intern fit-tessut ideoloġiku tiegħu.  Hemm ċentralità ikbar, mhux biss fl-organizzazzjoni statali u tal-partit, imma wkoll f’dak li l-Membri Parlamentari jaħsbu u jesprimu ruħhom dwaru.  Hemm iktar imperu, ferm inqas demokrazija.  Nagħrfu dan aktar fiż-żgur għax huwa ċar li n-numru ta’ politiċi li kellhom l-esperjenza u l-formazzjoni politika li jmorru kontra u jirreżistu dan il-proċess naqsu, u llum m’għadhomx preżenti.  Proprju għalhekk li fil-kuntest politiku attwali rridu nifhmu li f’dak il-partit wieħed jista’ jidentifika żewġ punti li qed imexxuh iktar ma jikbru.  L-ewwel: hemm tibdil fl-ideat politiċi li jimmarkawh biss iktar bħala partit ta’ ideat, imma bħala dak tal-poter li qed isir aktar “assolut”.  It-tieni: nuqqas qawwi ta’ tolleranza, ta’ spazju politiku għal min ma jaqbilx mal-partit.



Ċentralizzazzjoni tal-poter



5.     Għalkemm, fil-prinċipju, is-sistema elettorali tagħna tippermetti lill-elettorat li jagħżel minn fost il-kandidati tal-partit, u għalhekk m’għandux fuqu l-impożizzjoni ċentrali tal-partit kif hemm f’pajjiżi oħra, hawn qiegħed jiżviluppa dak li, fir-realtà, huwa xenarju simili.  Mhuwiex relevanti jew attwali li kull kandidat jiġi mistoqsi minn qabel x’jaħseb u x’inhija l-linja tiegħu.  Anqas f’dan il-kuntest, ovvjament, li wieħed jaħseb li m’għandux bżonn jistaqsi.  Dan għax, fi żminijiet oħra, kull politiku kien jaqbel ma’ diversi pożizzjonijiet.  Dawk li konna nagħrfu bħala dawk li mhumiex, la fid-dubju, u wisq anqas neqsin mill-qbil dwar il-proċess tal-għarfien ta’ dak li hu sewwa u dan kollu għax, mas-snin, kien diġà stabbilit bid-diskussjoni.  Iċ-ċentralizzazzjoni tal-poter fil-Partit Laburista, però, u din hija r-realtà politika għalina, hija tant b’saħħitha li tiddetta direttament lil min għandu jiġi elett, għax huwa soġġett għall-kundizzjoni ċara li ser jiġbed il-linja tal-imperu, jingħad x’jingħad minnha.



Attakki lis-Suttana



6.     Hemm f’dan, għalhekk, l-isfida politika li l-Partit Nazzjonalista għandu jagħraf f’din is-sitwazzjoni.  Jifhem iktar x’inhuma, illum, l-elementi ewlenin tal-eżistenza tal-partit fil-poter.  Jifhem li jrid jibda programm nazzjonali u popolari ta’ għarfien, informazzjoni korretta tal-isfidi li ġejjin, biex il-pajjiż ikun iktar kapaċi jifhem l-attakk li qiegħed isir lill-kultura u lill-identità nazzjonali tagħna.  Hemm, f’dan, l-Ilsien Nazzjonali, li  nġbarna flimkien biex insostnu.  Hemm ċertament ukoll u iktar il-valuri Nsara li sostnewna, u l-ġid li rajna minnhom.  Għalhekk nifhmu iktar, f’din il-ġlieda għas-sewwa u għall-ħsieb liberu, għala f’dan hemm min qiegħed imexxi, bil-kunsens tal-imperu, attakk premeditat u “kastiljan” fuq is-Suttana.



Lejn l-onestà u l-ġustizzja



7.     Għal dawk li jaħsbu li l-politika hija biss ekonomija, u li n-nies moħħhom biss fil-but, dak li jirriżulta mill-istħarriġ li semmejt jindika li hemm fatturi oħra.  Il-valuri, fil-politika, huma importanti f’dan u f’kull elettorat.  Proprju għalhekk li huwa iktar indikat li wieħed jibni l-politika tiegħu lura fuq dan il-pedamenti.  Li jħares lejn programm elettorali li jmiss direttament il-bżonnijiet sħaħ tan-nies.  Li jibni lura mill-ġdid il-bżonn tal-kultura politika, tal-formazzjoni ta’ ideat li jagħmlu minna politiċi preparati u motivati għat-twettiq tas-sewwa, l-onestà u l-ġustizzja.  Dan għax għandna nżommu quddiemna, u nagħtu piż ukoll ta’ dak li San Girgor kien qal: “L-univers ma huwiex sinjur biżżejjed biex jixtri l-vot tal-bnedmin onesti”.








No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...