17.4.18

Kurżità, sindikar jew informazzjoni!.

 
1.   Ħafna raw, u b’xi mod fehmu, li kien qed jiġri xi ħaġa serja dwar għodda soċjali li jużaw kważi kull ġurnata.  Biss, mhux kulħadd fehem, fid-diskors, fl-immaġini u fl-eċċitament ta’ diversi stazzjonijiet barranin x’kien seħħ sewwasew fuq Facebook, u għala Mark Zuckerberg spiċċa jwieġeb għad-domandi quddiem il-Kungress Amerikan.  Kollox, f’dan, qiegħed idur mal-fatt li Facebook ippermetta trasferiment ta’ data u informazzjoni personali lis-soċjetà Cambridge Analytica, mingħajr il-kunsens tal-persuni interessati u dan, terġa’, b’tibdil tar-raġuni u skop li kienu ngħataw oriġinarjament.  U dan għar-raġunijiet ta’ propaganda elettorali.

Big Brother 1.

2.   Dan huwa attakk mill-iktar gravi u li jmiss direttament punt sensittiv ħafna fid-diskussjonijiet u dibattiti li ilhom, għal dawn l-aħħar snin isiru dwar kemm iċ-ċittadin huwa protett.  Kemm il-bniedem li jagħmel użu minn kwantità ta’ apparati, ta’ apps elettroniċi li huma mimlija b’informazzjoni personali u sensittiva qiegħed isib ruħu, jum wara jum, taħt forom varji ta’ dellijiet li ma qabel ma kellux.  Hemm linji li jiġu mmarkati bejn dak li huwa kurżità dwar ħaddieħor, jew informazzjoni li tidħol f’idejn min m’għandhiex tidħol, jew għodda sabiex min qiegħed jinvestiga l-ksur tal-liġi, reat, jista’ jingħata.  Linji xejn faċli biex tiddeċiedi fuqhom.

Big Brother 2.

3.   Biss, tul dawn l-aħħar jiem kien hemm qbil ġenerali li l-bejgħ ta’ informazzjoni dwar terzi persuni li hija f’idejk, mingħajr il-kunsens ta’ dawk il-bnedmin, huwa kontra d-drittijiet tagħhom.  M’għandux jiġi permess li dan iseħħ, f’ebda soċjetà demokratika.  Dan mhuwiex favur xi kunċett imġebbed ta’ sigurtà, imma invażjoni u manipulazzjoni mill-iktar gravi li jfakkruna f’dak li awturi varji kitbu, u għadhom jiktbu, dwaru.  Hemm l-Istat li qiegħed jidħol permezz ta’ dawn il-mezzi elettroniċi fil-ħajja normali, ordinarja u innoċenti tal-poplu.  U hawn qed naraw min xtara dan baxx baxx biex jgħaddih għas-servizz ta’ min m’għandux.

Indipendenza politika

4.   Għalhekk, wieħed jifhem iktar u iktar għala kien hemm bżonn reazzjonijiet pubbliċi varji għal dan.  Uħud forsi viċin ħafna dożi tajba ta’ ipokrezija, meta wieħed jikkunsidra li proprju l-politika trid tersaq biex tikkundanna dak li attwalment tgħix bih.  Għax ma hemmx wisq dubji li dan l-istrument ippermetta, u sa issa għadu, lil diversi politiċi li jimxu ‘l quddiem independentement.  Ma jiddependux minn fuq il-mezzi tradizzjonali tax-xandir.  Anqas fuq jekk il-partit tagħhom huwiex sejjr jagħtihom l-ispazju biex jidhru, jitkellmu jew bis-sens jew bla sens.  Qegħdin iktar għal rashom sabiex ifendu u jmexxu l-popolarità tagħhom.  Għalkemm, kjarament, hemm mekkaniżmi ta’ manipulazzjoni li qed jissuġġettaw iktar u iktar lejn dipendenza, u li din trid bilfors il-ħlasijiet varji u l-messaġġi politiċi li wieħed ikun irid jagħti.

Reazzjonijiet varji

5.   Id-dinja tidher li marret għal żewġ linji ta’ tweġiba biex wieħed ikun jaf x’ġara, jassigura li ma jerġax jiġri u jkun hemm sanzjoni u penali għal dak li seħħ.  Fl-Istati Uniti tal-Amerika, il-proċess mar lejn laqgħa pubblika quddiem il-Kungress, fejn id-dinja waqfet tisma’ d-domandi u r-risposti, ħafn drabi fil-kuntest ta’ senaturi anzjani jistaqsu żagħżugħ intelliġenti.  Fl-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri jafu li fil-25 ta’ Mejju ser jidħlu fis-seħħ regolamenti ġodda, li permezz tagħhom ser ikun hemm ħlasijiet li jistgħu jiġu mposti.  Mhux biss, imma l-Kummissarji tal-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data tal-Istati Membri ltaqgħu tul il-ġimgħa li għaddiet biex jaraw l-impatt fuq iċ-ċittadin Ewropew.

Interess ekonomiku

6.   Dawn huma passi tajbin, però wieħed irid iħares iktar ‘il quddiem sabiex jassigura li għodda soċjali, bħal Facebook, ikunu miżmuma milli jgħaddu l-informazzjoni privata lil persuni oħra.  Il-biża’ ta’ ħafna hija li anzi ser ikun hemm xenarju l-kontra.  Diskors issa mingħajr ma jkun hemm passi ‘l quddiem.  Dan għax wieħed jifhem li, kif ingħad tajjeb f’The Economist ftit ilu: “Facebook’s business relies on three elements: 1) keeping users glued to their screens, 2) collecting data about their behaviour, and 3) convincing advertisers to pay billions of dollars to reach them with tarteted adds.”  Hemm f’dan, evidentement, wisq interess ekonomiku f’dak li qed isir.  Anki l-istess The Economist tiddikjara li hija stess marret għand Cambridge Analytica biex issir riċerka dwar is-suq, bażata wkoll fuq l-informazzjoni li daħlet hawn.

Qafas legali iktar b’saħħtu

7.   Dak li ġara f’dawn l-aħħar jiem għandu jiftħilna iktar għajnejna.  Hemm bżonn iktar passi biex iċ-ċittadin jiġi protett verament.  Hemm bżonn passi iktar sodi u dikjarazzjonijiet iktar legali u ċari dwar il-limiti u sanzjonijiet.  Iktar u iktar meta din l-informazzjoni tiġi użata minn partit politiku fil-kampanja elettorali.  M’għandna xejn x’juri li dan ma seħħx f’dawn il-gżejjer diġà, iktar u iktar meta nafu l-manipulazzjonijiet medjatiċi li kien hemm, kif ukoll fl-assenza ta’ xi forma ta’ ċaħda.  Ma hemmx dubju li Facebook ma qagħdux attenti, imxew bil-mod u bi traskuraġni.  Proprju għalhekk li għandna nibnu qafas legali iktar b’saħħtu f’pajjiżna, u fuq livell Ewropew, biex dak li ġara jiġi miżmum milli jirrepeti ruħu.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...