1.5.18

Il-kalma hija neċessarja






1.    Hemm elementi li jifirdu tmexxija demokratika minn waħda dittatorjali.  Fosthom hemm dik tal-użu tar-raġuni fid-dibattiti u fid-diskorsi pubbliċi.  Raġuni, fuq kollox, ‘il-bogħod mill-proċess anti-demokratiku li jwassal mexxejja varji sabiex jaqbdu l-linja tad-demagoġija. Anzi, proprju fuq l-esperjenzi varji u qarsa ta’ demagogi li ġiebu fil-poter in-Nażiżmu u l-Faxxiżmu li ħafna rabtu ruħhom li ma jersqux lejn dik il-linja.  Ma jmissux biex ma jaqgħux għal dik it-tentazzjoni, u dan bi prinċipju.  Id-diskors isir u jintrabat bil-fatti u l-loġika mhux sempliċement biex iqajjem il-passjoni f’ħaddieħor.



Imitazzjonijiet żbaljati



2.    Hemm min, però, għadu jaħseb li biex tkun rikonoxxut bħala mexxej kbir u indiskuss trid taqbad it-triq li twasslet lejn imitazzjonijiet żbaljati.  Hemm min jinsa li dmiru huwa li jkun demokratiku f’soċjetà bħal tagħna u ma jaqbiżx din il-linja perikoluża ħafna.  Perikoluża għal diversi raġunijiet.  L-ewwel: tibda tbaqbaq demm il-poplu u jqumu sentimenti u tqanqil tal-qalb li jressqu lejn l-intolleranza u qasma f’żewġ kurrenti kontra xulxin.  It-tieni: tibda tqajjem il-kult tal-personalità tal-mexxej, fejn it-tmexxija tal-pajjiż tiġi tiddependi mhux fuq ir-regoli legali u etiċi li l-Istat huwa mwaqqaf fuqhom, imma dik tal-volontà esklussiva tiegħu.



Aljenazzjoni qawwija



3.    It-tielet: tmexxi ‘l quddiem proċess ta’ aljenazzjoni qawwija mill-eventi u ċ-ċirkostanzi li fihom il-pajjiż ikun għaddej.  Flok wieħed iħares lejn dak li hemm bżonn jiġi konfrontat, insibu biss miżuri ta’ konfort fejn jiġu miċħuda l-fatti.  Hemm eżempji ħżiena varji fuq dan.  L-istorja turi li Hitler u Mussolini, wara xi telfa jew bumbardament tajjeb kontrihom, flok kienu jaċċettaw ir-realtà kienu magħrufa li minflok ilaqqgħu ‘l-poplu u jintilfu f’diskors demagoġiku.  Biss, id-diskors jibqa’ diskors u l-fatti jibqgħu fatti.  Id-demagoġija, imma, tintuża u flok taffronta l-verità tipprova toħloq, mill-gidba, verità.  Il-politiċi fid-dinja u f’pajjiżna għandhom lezzjonijiet x’jieħdu fuq dan, mill-iżbalji li saru fil-passat.



Mument politiku



4.    Ngħid iktar dan fil-mument politiku attwali fuq dawn il-gżejjer.  Dakl i għaddejjin minnu jitlob attenzjoni u soluzzjoni.  Is-sitwazzjoni qegħda taggrava ruħha, imma min qiegħed imexxi ma jridx jaċċetta dan.  Ma jridx jifhem li jrid jiddefendi l-interessi nazzjonali l-ewwel, u wara, dawk tal-partit politiku li ġej minnu.  Għax wieħed irid jgħid li ma nistgħux nibqgħu naħsbu u nemmnu fit-teoriji l-kbar tal-komplotti li qed isiru barra minn xtutna kontra tagħna, mingħajr ma jieħu fuqu r-responsabbiltà tiegħu.  Jekk il-gazzetti barranin u Ewropej huma mimlija b’ferm iktar artikoli dwar pajjiżna li jqegħduna f’dawl mill-iktar ikrah, dawn iridu, fihom infushom jiġu konfrontati u mhux mistura.



Le Monde



5.    Għax tweġġa’, u titnikket sew bħala Malti u patrijott li tara gazzetta ta’ saħħa u reputazzjoni kbira bħall-Franċiża “Le Monde” li tiftaħ, fl-ewwel paġna tagħha fuq erba’ kolonni, fuq nett fil-ħarġa tal-Ġimgħa 20 ta’ April 2018 bit-titolu “Malte Vend ses passeports et sa nationalitè” (Malta tbigħ il-passaporti u n-nazzjonalità tagħha).  Mhux biss, imma biex tkompli tassigura dan il-punt, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames paġni tagħha huma kollha mimlija b’artikoli li bihom nidħlu ferm iktar fid-dell.  M’aħniex fid-dawl tas-sewwa, fuq triq id-demokrazija u r-rettitudni, imma qegħdin klassifikati ma’ dawk li m’għandekx tagħmilha magħhom.  Fejn fost l-oħrajn insibu “Malte, porte d’entrée de l’Azerbaidjan en Europe” (Malta: il-bieb tad-dħul tal-Ażerbajġan fl-Ewropa).  Qed nitqegħdu bħala ħbieb u għas-servizz mhux ta’ demokraziji, imma ta’ dittaturi.



Jaħrab mir-realtà



6.    Il-Gvern Malti, flok qiegħed iwieġeb għal dawn l-artikoli, qiegħed isib li hemm rifuġju wieħed għalih: dak li jaħrab minnhom.  Iħallihom għaddejjin qisu ma hemmx effett negattiv, meta gazzetta tant moqrija u prestiġjuża tgħid dan fuqna.  Minflok, kif hemm min qalli tul il-ġimgħa, qed naraw min qiegħed isib paraventu billi jimita eżempji ħżiena ta’ oħrajn.  Għax huwa minnu li hemm xebħ fil-fatt li ħafna drabi, min ikun qiegħed jersaq lejn id-dittatorjati jew jimmaġina li jista’ jilgħab mingħajr ma jinqabad, li fis-sitwazzjonijiet li qegħdin fihom jersaq lej il-laqgħat u jsejjaħ il-mass meetings.  Il-folol jinġabru u jistgħu jiġu mimlija kontra l-“għedewwa”.  Imma b’dan, l-għada, il-problemi ma jiġux solvuti.  Ma hemmx leġittimità.  Hemm, anzi, irregolarità.



Kalma u raġuni



7.      F’dawn il-mumenti fl-istorja, huma biss il-kalma u r-raġuni li għandhom joħorġuna minn dak li qegħdin fih, u li nappella għalihom.  Hemm għażliet li jridu jsiru minn dan il-Gvern.  Għażliet li ma jiħduniex lejn iċ-ċaħda tar-realtà, imma lejn dak li hija.  Biex tiġi konfrontata, passi jridu jittieħdu, biex dak li hemm tant kritika għalih, jitneħħa.  Deċiżjonijiet li hemm bżonn li jsiru.  Dawk, li tant huma determinanti, li ż-żmien qiegħed juri li, għax ma ttiħdux qabel, qed jaggravaw ruħhom.  Din il-ġimgħa niċċelebraw ilkoll l-1 ta’ Mejju.  Jum importanti għall-poplu kollu.  Jum li għandu jservi għall-għaqda, u mhux għal firdiet ġodda.  Il-ħaddiema huma ta’ kull kulur politiku, u jixirqilhom li jkollhom mexxejja li jifhmu li d-diskorsi kalmi bażati fuq il-fatti u l-argumenti jsolvu, u mhux id-demagoġija.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...