22.5.18

Wara l-Kunsill.

 
1.      Dan l-aħħar Kunsill Ġenerali mmarka mument partikolari fit-triq li l-partit tagħna diġà qabad.  Ittieħdu deċiżjonijiet importanti.  Il-bżonn li wieħed jifhem aħjar dak li aħna u dawk li nirrappreżentaw ma setax isir aqwa mill-mod li bih sar.  Kull partit politiku jrid iżomm kuntatt mal-opinjonijiet ta’ dawk li jiffurmawh.  Jisma’ u jħeġġeġ lil min huwa fih jitkellem.  F’kull jum, il-Kap tal-Parit, Dr Adrian Delia, ħa ħsieb li jmur fil-każini, jiftaħ, jiddiskuti, jiddibatti, jiddjaloga mad-diversi li ġew u pparteċipaw attivament.

Suċċess

2.      Kif tista’ tmexxi partit, magħmul minn bnedmin li ġejjin minn setturi u klassijiet varji, jekk ma tismax?  Imma dan tista’ twettqu jekk jiġu l-membri, il-partitarji u jieħdu sehem.  F’dawn il-jiem li għaddew, dawn il-proċess demokratiku ħa l-ħajja.  Kien suċċess u fetaħ il-bieb sabiex appuntamenti futuri jsiru fuq l-istess mudell.  Għax nafu li l-partit għandu l-passat u l-preżent tiegħu f’idejh, imma l-futur tagħna jista’ jaħdmu tajjeb ma’ min irid jara pajjiż immexxi differentement.  Il-klima politika li nbniet f’dawn ix-xhur sabiex dan beda jseħħ minn issa.  Hemm eżempji passati li nistgħu nqisu mill-ġdid, imma dak li qiegħed iseħħ issa huwa ġdid u differenti.

Konsolidar

3.      Dawn il-laqgħat verament iservu mhux biss biex wieħed jesprimi opinjoni, imma wkoll biex jagħraf li hemm punti li jiġbru fuqhom il-qbil.  Persuni li jidħlu jaħsbu li għandhom ideat differenti u inkonċiljabili minn ma’ ta’ oħrajn isibu li huma iktar viċin milli jaħsbu lejn xulxin.  Dawk li jitilqu, jew jaħsbu li telgħu min-naħa jsibu ruħhom iktar qrib.  Ġudizzji u preġudizzji jintilfu fil-verità tal-opinjonijiet espressi.  F’dan ma hemmx dubju li dan il-Kunsill Ġenerali rnexxielu jżid fl-issudat tal-istrutturi interni.  Kif ukoll fl-għarfien evidenti li ma hemmx alternattiva oħra għall-partit fil-Gvern ħlief il-Partit Nazzjonalista.

Riħ fuq u lejn il-bidla

5.      L-effett Adrian Delia beda jasal f’iktar irkejjen tas-soċjetà tagħna.  Il-bniedem ġieb miegħu, sa mill-bidu, żiffa soda, tqanqila ħelwa tar-riħ politiku li llum qegħdin narawha tirranka u tikber.  Għax jista’ jkun li kien ġej minn barra l-klassi politika, biss illum huwa parti sħiħa minnha.  Bħal ma jista’ jkun li ma kellux l-esperjenza li ħafna setgħu ppretendew, imma issa qiegħed bid-determinazzjoni tiegħu jirbaħha.  Jista jkun ukoll li kien hemm min għadu ma fehmux, jew min ġie mimli kontra tiegħu, imma kif jixhdu l-fatti, dan qiegħed jinbidel.  Ma kellux eżordju fit-tajjar.  Mess l-iebes mill-ewwel.  Imma dan għalina huwa konfort kbir.

Jitbaskat

6.      L-istorja tal-ħajja u ta’ kull ċiviltà għandha fiha l-prova li mexxej ikun denju iktar li jirrappreżenta ‘l-poplu jekk ikun ġarrab direttament hu.  Min ibati biex jitla’ ‘l fuq jibni fih pedamenti sodi.  Japprezza iktar il-ħajja, il-bniedem, il-valuri tiegħu, dak kollu li jagħmlu.  Jifhem iktar il-valuri tal-ħniena u tal-ġustizzja.  F’dawn ix-xhur rajnih jirnexxi pass pass ‘il fuq.  Bid-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet kollha, anki kontra l-kurrent li ra ma’ wiċċu, ma hemmx dubju li qiegħed jissoda iktar il-partit u t-tmexxija tiegħu.  Il-problemi li qiegħed imiss u jaffronta hemm min jista’ jarahom żejda, imma fil-fatt huma bank ta’ prova.  Qiegħed jiġi mbaskat mill-ħajja għal dak li ġej.

Abbiltà politika

7.      Wieħed jifhem li hemm proċess li jrid jgħaddi minnu kull partit, tagħna wkoll meta jkun għadda minn erba’ telfiet elettorali infila.  Wieħed li huwa marbut u bażat fuq dak ta’ għarfien, ta’ aċċettazzjoni, ta’ ammissjoni tal-fatti f’moħħ min, bħali, ikkumbatta fl-arena politika f’dawn l-appuntamenti.  L-abbiltà tal-politiku t-tajjeb naħseb li għandha tkun dik li jassorbi r-realtà politika u jmexxi ruħu ‘l quddiem.  Biss, dan ma jseħħx bl-istess veloċità f’kull persuna.  Għax il-politika tgħallem lijekk ma ġejtx magħżul biex tkun fil-poter, l-elettorat ikun ifforma l-opinjoni li xi ħaġa żbaljata tkun wettaqt.  Hemm, għalhekk, lezzjonijiet li rridu nieħdu.  Dejjem jekk m’aħniex ma’ dawk li jippreferu jibqgħu għal dejjem fl-Oppożizzjoni.

It-triq it-tajba

8.         Dan l-appuntament, maħdum f’viżjoni diretta lejn il-futur bl-esperjenza politika tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, ġieb għalhekk il-pożizzjoni ċara quddiem min qiegħed fil-partit.  Dak li konna, dak li aħna u dak li rridu nħarsu lejh tqiegħed għad-diskussjoni.  Tqiegħed hekk għax irridu nkunu lura partit li jiġbor iktar kunsens elettorali.  Li nkunu lura parti minn strument politiku li jibni programm politiku mibni fis-sewwa, fl-onestà, fl-irġulija.  Nibnu biex inwettqu l-ġid u  nwettqu dak li l-poplu Malti, fil-maġġoranza tiegħu, jrid.  F’dan, għalhekk, dan il-Kunsill Ġenerali mmarka pass ieħor ‘il quddiem lejn it-tibdil li hemm bżonn ikompli jsir tul din it-triq it-tajba li qbadna.       

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...