10.5.18

AMBAXXATA F’RUMA – ĦIDMA U INIZJATTIVI

 
5425. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizjattivi ttieħdu mill-ambaxxata tagħna f’Ruma fl-Italja tul dawn l-aħħar tletin xahar?

24/04/2018

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ambaxxata taqdi funzjoni bilaterali u multilaterali billi hija akkreditata għar-Repubblika tal-Italja u għar-Repubblika ta’ San Marino kif ukoll għal numru ta’ organizzazzjoniet internazzjonali li jinsabu Ruma. Dawn jinkludu l-Food and Agricultural Organisation (FAO), l-World Food Programme (WFP), l-International Fund for Agricultural Development (IFAD), l-International Development Law Organization (IDLO), l-International Centre for the Study of the Preservation and Restoration of Cultural Property (ICCROM), u l- International Institute for the Unification of Private Law (UNIDROIT).

L-Ambaxxata hija mmexxija mill-Ambaxxatur Vanessa Frazier u żewġ diplomatiċi bis-support ta’ għaxar impjegati li wieħed minnhom huwa ukoll uffiċjal kummerċjali ingaġġat minn Malta Enterprise. Id-direttur tal-uffiċju tal-Awtorità tat-Turiżmu Maltija f’Ruma huwa ukoll rikonoxxut bħala uffiċjal diplomatiku.

Il-Bilaterali
Primarjament, l-Ambaxxata tippromwovi r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Italja u Malta u San Marino.
L-Ambaxxata twettaq ukoll attivitajiet konsulari, kummerċjali u kulturali. L-Amministrazzjoni tal-Ambaxxata hija kompitu ieħor li tirrekjedi bosta impenn u attenzjoni. Rwol ieħor fundamentali, li xi kultant m’huwiex apprezzat biżżejjed huwa l-fatt li iktar minn tmenin pajjiż huwa akkreditati għal Malta proprju minn Ruma. Għaldaqstant, dan iffiser li l-Ambaxxata tintuża biex ukoll tippromwovi r-relazzjonijet ma’ dawn il-pajjiżi minkejja li Malta mhux akkreditata għall-istess pajjiżi minn Ruma. Infatti, fost ix-xogħol li jsir, insibu l-assistenza għal preparazzjoni ta’ delegazzjonijiet lejn u anke minn Malta, reġistrazzjoni t’uffiċjali f’konferenzi f’Malta u f’dawn il-pajjiżi, it-trasmissjoni ta’ noti verbali, abbozzi ta’ ftehim u imejls ta’ kull xorta lejn Malta u l-Ambaxxati ta’ dawn il-pajjiżi, l-assistenza konsulari lill-Maltin li jkunu jinsabu f’xi wieħed minn dawn il-pajjiżi u anke assistenza lill-Ambaxxaturi li jkunu ħa jippreżentaw il-kredenzjali bħala Ambaxxaturi ta’ pajjiżhom għal Malta.

Il-Multilaterali
Kif intqal iktar kmieni, l-Ambaxxata hija akkreditata għal numru ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-parti l-kbira tal-laqgħat li tkopri l-Ambaxxata huma dawk li jsiru fil-FAO fid-diversi konfigurazzjonijiet fosthom is-CFS (Committee for Food Security) u l-ERG (European Regional Group). B’rabta mal-FAO, isiru diversi laqgħat ta’ kooridinazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE. Apparti l-FAO, insibu ukoll il-WFP, l-IFAD, l-IDLO, l-ICCROM u l-UNIDROIT.

Tramite l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Ambaxxata tikkonsulta lill-Ministeri responsabbli għall-organizzazzjonjiet imsemmija hawn hekk  sabiex tirrapreżenta l-pożizzjoni u/jew l-interessi kif indikat mill-Ministeru konċernat.

Matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ix-xogħol konness mal-FAO żdied b’mod konsiderevoli tant li ġew impjegati żewġ interns u espert biex ikopru l-laqgħat u l-volum tax-xogħol li ġab miegħu l-impenn tal-Presidenza.

Il-Konsulari
In-Netwerk Konsulari huwa ffurmat mill-Ambaxxata kif ukoll minn tlettax-il Konslu Onorarju mifruxin fuq it-territorju Taljan u anke wieħed f’San Marino li flimkien jiffurmaw in-Netwerk Konsulari. Dawn jipprovdu servizzi konsulari lill-komunità Maltija fl-Italja u San Marino kif ukoll lil turisti Maltin li jsibu ruħhom f’xi problema jew diffikultà. Fl-aħħar tletin xahar, l-Ambaxxata assistiet bosta Maltin li tilfu d-dokumenti t’identità waqt il-mawra tagħhom, Maltin li ġew misruqa, Maltin li kellhom bżonn assistenza medika, ripatrijazzoni ta’ iġsma ta’ Matlin li traġikament jitilfu ħajjithom fl-Italja jew San Marino kif ukoll assistenza lil Maltin li jiżżewġu ċittadini Taljani. Il-Konsulat ħareġ 88 passaport, 23 ċertifikat ta’ ċittadinanza u 3 visas lil persuni terzi li jkunu jixtiequ jżuru Malta.

Il-Konsulat jgħin lil dawk l-istudenti Maltin, li jkunu qed jistudjaw taħt il-programm Erasmus, ifittxu l-akkomodazzjoni għal perjodu li jqattgħu l-Italja u San Marino. Il-Konsulat ipproċessa 394 kwittanza lill-baħħara li jaħdmu fuq vapuri li jtajru l-bandiera Maltija.

Matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Malta kienet l-uniku pajjiż li organizza pranzu għall-Konsli f’Ambaxxati ta’ pajjiżi tal-UE f’Ruma.  F’dan il pranzu l-Kap tal-Protezzjoni Ċivili Taljan indirizza lill-Konsli. Fl-isfond ta’ numru ta’ terrimoti li laqtu lill-Italja, ġie deċiż li jinħoloq netwerk tal-Konsli tal-Ambaxxati tal-pajjiżi tal-UE flimkien mal-Protezzjoni Ċivili Taljana. Dan in-netwerk stabilixxa komunikazzjoni diretta bejn il-Konsli u l-Protezzjoni Ċivili Taljana u jiġi attivat f’każ ta’ terrimoti jew diżastri naturali oħra. Din l-inizzjattiva ntlaqgħat tajjeb tant li l-Presidenza Estonjana fit-tieni nofs tal-2017 kompliet tibni fuq ix-xogħol tal-Presidenza Maltija billi saħansitra organizzat laqgħa oħra għall-Konsli tal-Ambaxxati tal-pajjiżi tal-UE. Relatata ma’ dan, l-Ambaxxata ħolqot paġna fuq il-midja soċjali biex tiffaċilita l-kuntatt mal-Maltin residenti l-Italja li għenet biex ittaffi l-problema fejn il-linji tat-telefown ċellulari ma tibqax tiffunzjona.

Malta għandha ukoll numru ta’ ftehimiet fil-qasam mediku mal-Italja fejn il-Maltin jistgħu jirċievu ċertu trattament u trapjanti speċifiċi fosthom trapjanti tal-pulmun fiċ-ċentru ISMET ġewwa Palermo. F’dawn il-każijiet delikati, l-Ambaxxata tintervjeni billi tassisti lill-awtoritajiet tas-saħħa Maltin jittrassferixxu l-pazjenti lejn l-Italja. 

Il-Konsulat jgħin ukoll lill-Maltin jakkwistaw visas mingħand l-Ambaxxati ta’ dawk il-pajjiżi li jkopru lil Malta minn Ruma u li m’għandhomx Ambaxxati f’Malta. Tajjeb li jingħad li dan is-servizz jinvolvi ħafna ħin u riżorsi jiġifieri t-tqassim tal-applikazzjonijiet tal-visas lill-Ambaxxati konċernati u l-irtirar tal-visas pero’ dan is-servizz huwa kompletament bla ħlas; il-Maltin iħallsu biss il-miżata li l-Ambaxxati jitolbu biex tinħareġ il-visa.  Tingħata ukoll assistenza biex residenti u kumpaniji Maltin jillegalizzaw diversi tipi ta’ dokumenti minn dawn il-pajjiżi.

Il-Kummerċjali
L-Ambaxxata taħdem bla waqfien fil-qasam kummerċjali kif jixdhu l-ammont t’attivitajiet li organizzat u/jew iffaċilitat biex tippromwovi investiment lejn Malta.  L-Ambaxxata pparteċipat ukoll f’numru ta’ attivitajiet kummerċjali bl-iskop li tikseb kuntatti utli fil-qasam kummerċjali Taljan. Iktar minn dan, l-Ambaxxata rnexxiela terġa tqajjem in-netwerk tal-uffiċjali kummerċjali bbażati f’Ruma. Il-kuntatt u l-koordinament mal-entitajiet kummerċjali Maltin, fosthom Malta Enterprise, Trade Malta, Malta Stock Exchange u Finance Malta huwa kontinwu. Hija din ir-raġuni li wasslet lil Malta Enterprise biex timpjega uffiċjal kummerċjali Taljan li beda jippreżenta lil din l-entita’ u lil pajjiżna f’Lulju 2017. Grazzi għall-kollaborazzjoni li hemm bejn din l-Ambaxxata u l-entittajiet kummerċjali Maltin, l-Ambaxxatur intalbet tagħti preżentazzjoni fuq ir-rabta u kuntatti kummerċjali bejn Malta u l-Italja waqt il-laqgħa tal-Joint Stakeholders Working Council fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ f’Mejju 2017. Din il-promozzjoni għenet biex tippromwovi kollaborazzjoni akbar bejn l-Ambaxxata u l-entititajiet preżenti.

Tajjeb li jintqal ukoll li f’Ottubru 2015, l-Ambaxxata organizzat serje ta’ avvenimenti f’Ruma, Milan u Napli biex tħeġġeġ imprendituri Taljani jipparteċipaw fiċ-Commonwealth Buisiness Forum li sar iktar tard f’Novembru tal-2015 f’Malta. Dawn l-avvenimenti ħallew il-frott mixtieq għaliex madwar 25 imprenditur Taljan ħadu sehem fil-Forum u kellhom ukoll laqgħat ma’ Malta Enterprise.

Il-Kultura
Id-diplomazija kulturali hija għodda importanti ta’ promozzjoni. Huwa għalhekk li l-Ambaxxata hija attiva f’dan is-settur u li f’Settembru 2017 issieħbet fil-EUNIC (EU National Institutes of Culture) f’Ruma. L-Ambaxxata taħdem mill-qrib mal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu biex tkattar it-turiżmu kemm lejn l-Italja u lejn Malta. Grazzi għall-koordinazjoni behn l-Ambaxxata u l-uffiċċju tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu f’Ruma, numru ta’ skejjel Taljani għażlu biex jibagħtu studenti Taljani ġewwa Malta għat-tagħlim tal-Ingliż u għal ġiti skolastiċi. Barra minn hekk, l-Ambaxxata tiddentifika opportunitajiet ta’ boroż ta’ studju fl-Italja għall-istudenti Maltin. Dawn il-boroż huma ġeneralment iffinanzjati minn kumpaniji statali jew li ġew privatizzati bħal ENEL, Posteitaliane, Telecom u oħrajn. Fl-2016, wara terrimot qawwi fin-nofs tal-Italja, l-Ambaxxata ddeċidiet li ma torganizzax iċ-ċelebrazzjoni tal-indipendenza sabiex tkun tista’ tgħaddi l-flus allokati għal dan lill-Protezzjoni Ċivili Taljana biex tassisti lill-vittmi tat-terrimot. B’kollaborazzjoni ma’ SOS Malta, saru numru ta’ attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi li intużaw fi skola sajf fir- tar-raħal ta’ Muccia li soffra danni kbar. Dawn l-atti ta’ solidarjetà kienu sottolinjati mill-President Taljan waqt iż-żjara tiegħu f’Malta f’Settembru 2017. 

L-Amministrazzjoni
Bħal kull Ambaxxata oħra, l-Ambaxxata triq taqdi ukoll il-funzjonijiet amministrattivi li jinkludu l-assistenza lill-dinjitarji Maltin li jżuru Ruma jew jgħaddu minn Ruma fi triqthom lejn destinazzjoni oħra, talba għal permess diplomatiku lill-ajruplani u vapuri tal-Forzi Armati Maltin u titjiriet statli u reġistrazzjoni ta’ suldati Maltin li jiġu biex jitħarġu fl-Italja. Insibu ukoll il-kontabilità, il-kumpilazzjoni ta’ rapporti li jintbagħatu l-Ministeru darba fix-xahar, kuntratti mal-kumpaniji li jipprovdu servizzi lill-Ambaxxata, riviżjoni tal-kuntratti tal-impjegati tal-Ambaxxata, il-manutenzjoni u tiswija tal-Ambaxxata u tar-residenza tal-Ambaxxatur, il-posta diplomatika ta’ kull ġimgħa (madwar 300 mailbag minn u lejn Malta f’dawn l-aħħar 30 xahar), l-assikurazzjonijiet u l-manutenzjoni tal-karozzi tal-Ambaxxata.  Ma jonqsux ukoll il-mistoqsijiet parlamentari li l-Ambaxxata tirċievi u twieġeb b’mod regolari. Dawn jinvolvu ħafna ġbir t’informazzjoni, bosta drabi f’qasir żmien, bir-riżultat li l-ħidma tal-Ambaxxata tintensifika.

Oħrajn
Ta kull xahar, l-Ambaxxata tattendi d-diversi pre-briefings fuq il-laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bħal per eżempju l-FAC (Foreign Affairs Council), GAC (General Affairs Council),ECOFIN (Economic and Financial Affairs Council) u l-JHA (Justice and Home Affairs Council). Apparti minn hekk, l-Ambaxxata tipparteċipa kif tista’ f’ħafna seminars u konferenzi t’interess. Attività importanti oħra hija l-osservazzjoni tal-midja Taljana speċjalment t’artikli fil-gazzetti u ta’ dokumentarji fuq it-televiżjoni dwar Malta kif ukoll rappurtar tas-sitwazzjoni politika Taljana. L-Ambaxxata tassisti ukoll individwi organizzazzjonijet, kumpanji u dipartmenti Maltin fl-inizjattivi li jixtiequ jieħdu fl-Italja bħall-programm tal-Erasmus, ġemellaġġ bejn bliet Maltin u Taljani, impjieg ta’ ħaddiema Taljani ma’ kumpaniji f’Malta u parteċipazzjoni f’avvenimenti sportivi. F’Mejju tal-2017, l-Ambaxxata tat is-support tagħha lill-Kumitat Olimpiku Malti waqt li kien qed jieħu sehem fil-logħob għall-pajjiżi żgħar f’San Marino. Fost l-oħrajn, l-Ambaxxata rnexxielha tirranġa sabiex zewġ atleti Maltin għamlu l-eżamijiet tal-MATSEC proprju minn San Marino li għamilha possibili biex ma xxekkilx il-parteċipazzjoni ta’ dawn l-atleti waqt il-logħob. L’Ambaxxatur assistiet ukoll atleti elite Maltin biex jittħarġu ma’ timijiet u clubs f’Ruma. L-aħħar u mhux l-inqas, l-Ambaxxata kellha sehem importanti matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea billi organizzat u ppresediet numru sħiħ ta’ laqgħat u avvenimenti. L-Ambaxxatur ippreżentat il-programm u l-prioritajiet tal-Presidenza Maltija fis-Senat Taljan, fil-Parlament Taljan, Universitajiet u anke istituzzjonijiet oħra. 

Seduta  110
09/05/2018

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...