30.5.18

Il-Maduma Tagħna




1.     Jekk qatt kien hemm bżonn xiehda jew evidenza, il-vot tal-membri tal-Oppożizzjoni fil-Parlament nhar l-Erbgħa li għaddew jitkellem waħdu.  Kien kontra liġi li l-Gvern qiegħed, kontra l-parir ta’ diversi, jwebbes rasu sew biex tgħaddi.  Tgħaddi kontra l-volontà popolari li l-Partit Nazzjonalista irrappreżenta tajjeb u kompatt.  Hemm proċess politiku li jibda kull partit meta ma jkollux ir-responsabbiltà tal-poter.  Wieħed li bih jerġa’ jġib f’daqqa l-biċċiet tiegħu.  Wieħed li jixprunah fit-triq tiegħu.  Imexxih biex, fl-għaqda, jerġa’ jkun rilevanti u kredibbli.



Robert Arrigo



2.     Sewwa, fuq dan, għamel il-Viċi Kap tal-Partit, Robert Arrigo.  Pass attwali u preċiż.  Fakkarna lura f’dak li aħna.  Beda u għaddej sew b’inizjattiva li biha nerġgħu nħajru fl-għarfien tal-identità storika u attwali tagħna li bnedmin fil-partit jakkwistaw il-Maduma.  Għax il-partit għandu storja, għandu kultura u esperjenza politika.  Huwa għaġna ta’ ideat u ħidma.  Identifikat fit-tnejn.  Mhux il-ħidma toħroġlu l-ideat, imma t-tnejn jimxu id f’id.  Fejn ma hemmx preġudizzji fuq min, u kif, jew minn liema klassi soċjali.  Imma aktar, li l-affarijiet isiru u dawn skont il-metodu t-tajjeb.



Bilanċ neċessarju



3.     Hemm fi ħdanna titħaddem doża tajba ta’ dak li huwa  magħruf li kien qal Deng Xiaoping (1904-1997), li kien it-tieni President tar-Repubblika Ċiniża wara Mao Zedong: “It doesn’t matter if a cat is black or white, so long as it catches mice.”  Flimkien ma’ dak li aktar reċenti, taqbel jew ma taqbilx mal-ideat varji tiegħu, il-kritiku letterarju Terry Eagleton (1943) qal.  Fil-ktieb tiegħu ‘After Theory’ jgħid: “What mattered, surely, were your politics, not how you pigeon-holed them.  Of course there has to be something specific to a particular body of ideas.  At the very least, there has to be something which counts as incompatible with it.”  Bilanċ neċessarju bejn il-ħsieb u l-azzjoni.



Partit taċ-ċentru



4.     Għalhekk aħna partit taċ-ċentru, moderat u demokratiku-kristjan.  Jaqbel jew ma jaqbilx magħna l-poplu, ċert li jippreferi jisma’ li għandna ideat u viżjoni għall-futur għax għandna dawn il-kwalitajiet naturali.  Nifhmu għax il-pożizzjoni politika tagħna, kif kienet għal ta’ qabilna, għadha vitali għalina llum.  Kif tneħħi dan tkun qiegħed tneħħi s-sustanza tagħna.  Jiġrilna bħal, kif qrajna din il-ġimgħa, dak il-melħ li jitlef l-imluħa.  Jispiċċa bla togħma.  Isir materjal li jista’ jintrebaħ lura billi jixteħet mill-ġdid fl-ilma baħar biex jerġa’ jibda ċ-ċiklu naturali.  Idub, u wara jinġabar.  Jitħalla jaħseb f’salini varji u mxerrda, imma f’daqqa, biex b’ħidmet ix-xemx tal-ħajja jerġa’ jinġabar u jieħu mluħtu f’idu.



Proċess politiku



5.     Dan huwa, fir-realtà, il-proċess politiku li għaddej minnu l-Partit Nazzjonalista.  Din hija l-viżjoni ta’ tiġdid u ħarsien lejn il-futur li l-Kap tal-Partit, Adrian Delia, qiegħed jaqbad.  Fejn ma hemmx biża’ li wieħed jidentifika lilu nnifsu ċar f’għajnejn in-nies.  Dak li aħna m’għandniex, kif qal huwa stess, noqogħdu lura minnu.  Irridu nħaddnuh u  nħaddmuh b’intelliġenza fit-triq tan-nofs.  Għax, kif jgħid tajjeb dak Eagleton: “The alternative to dogmatism is not the assumption that anything goes.”  Għax aħna ispirati mill-valuri Nsara, ma jagħmilniex fundamentalisti jew b’għamad għal dak li għaddej fis-soċjetà.  Imma jservina ta’ fonti ta’ ideat biex innaqqsu u nsolvu verament u mhux apparentement mill-problemi li l-bnedmin qed imissu b’idejhom.



Kultura politika soda



6.     Il-politika titlob minna kultura soda ta’ ideat.  Titlob li nkunu preparati għas-servizz li rridu nagħtu bħala rappreżentanti tal-poplu.  Fuq kollox, li ma ninħakmux mill-politika innifisha.  Il-politika taf tkun strument għas-sewwa, però taf issir għodda għall-oppressjoni.  Kif taf tiġi użata minn min ikun preparat għaliha, taf taħkem lil dawk li ma jkunux.  Tal-ewwel iżommuha f’postha f’idejhom; tat-tieni jsiru skjavi tagħha.  Tal-ewwel ma jieħdux it-toroq żbaljati tad-diżonestà, tal-korruzzjoni u tal-iżbalji li l-klijenteliżmu jagħtu; tat-tieni jinħatfu u jibdew jaħsbu żbaljatament li dik hija l-politika.



Terrakotta umana



7.     It-triq fl-Oppożizzjoni hija twila, u ħafna drabi tieħu l-ħin tagħha, imma l-importanti jibqa’ li wieħed juża dan sewwa.  Għandna diversi eżempji mill-passat ta’ kif ħdimna u bnejna lura dak li ħafna kienu jaħsbu li ma jistax isir.  Hemm tradizzjonijiet tal-ħajja, għerf, li ħallewlna ta’ qabilna, li għandna nisiltu lezzjonijiet minnhom għall-attwalità tallum.  Tagħlim li sarraf fil-Maduma.  L-ewwel: fis-sustanza taċ-ċangatura tat-terrakotta umana.  It-tieni: fl-isbuħija tal-wiċċ lixx u disinjat ta’ barra.  Min bena l-arma tal-partit qabel kien jaf sewwa x’inhu jagħmel.  Proprju għalhekk illum, f’dan, qed inħeġġukom tingħaqdu mal-istorja, il-valuri u d-determinazzjoni li jeħistu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, fil-Maduma tagħna.






No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...