1. Min jaqra
u jifli ħajjet il-politiċi li għaddew u li għandna, numru ta’ drabi jsib fejn
jiltaqa’ ma ripetizzjonijiet. Ma’ dak li
nsejħu ‘fissazzjonijiet’. Dik li
fil-preżent tidher li qegħda f’ras it-tmexxija tal-Gvern, li moħħu dwar x’ser
ikun postu fl-istorja ta’ dan il-pajjiż.
Fi kwantità ta’ diskorsi, dan joħroġ mill-iktar ċar. Mhux biss, imma dawk li hemm madwaru, li
forsi jridu jinċensawh u jogħġbuh, ukoll jirrepetu kemm ser ikollu siġġu sod u
mimli iktar dawl, ferm aktar ‘il quddiem.
Hemm strateġija li hija mill-iktar evidenti. Iqabblu.
Iġibu viċin dawk ta’ qabel biex, minn issa, waqt li għaddejjin, jikber
iktar dak li ngħarfu lkoll bħala l-‘kult tal-personalità’.
Mhux b’kumbinazzjoni
2. Tul dawn
l-aħħar ġimgħat, ma kinitx kumbinazzjoni li fuq naħa sibna ktieb mimli, u dan
kif kien assolutament mistenni, b’tifħir kbir fuq l-għaxar snin tat-tmexxija
ġdida Laburista. U fuq l-oħra, li dan
sar fl-istess ħin li l-Ħamis kellna l-kxif tal-monument dedikat lil dak li, taqbel
jew ma taqbilx miegħu, kien il-Prim Ministru Duminku Mintoff. Huwa ċar li hemm min qiegħed jipprova
jqabbel, jew aħjar, imexxi lis-segwaċi jqabblu bejn wieħed u ieħor. Biss, fuq wieħed l-istorja tista’ titkellem u
tagħmel il-ġudizzji tagħha għax għadda għal ħajja aħjar. Kien bniedem li jaf x’inhuwa jwettaq u kien,
bil-metodu tiegħu, jaqbeż għall-baxx. U
l-partit riedu fuq kollox ikun xellugi sew fil-politika sħiħa tiegħu.
Spiċċat fix-xejn
3. Ngħid
iktar dan għax il-pajjiż fehem iktar, tul din il-ġimgħa, li l-kritika li kienet
qegħda titressaq fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia kienet
spiċċat fix-xejn. L-intervista
investigattiva li saret mill-gazzetta The Malta Independent tal-Ħadd li għadda
neħħiet, u ċċarat, l-oġġezzjonijiet li kienu qegħdin jitressqu. L-ispjega diretta, fattwali dwar it-taxxa u
n-nuqqas ta’ ħlas tagħha tneħħiet kompletament minn kull dubbju. Mhux biss, imma dak li għadda minnu, bih
irnexxilu jistabbilixxi preċedent, u l-iktar importanti, konfort. Sewwa kkonkludiet il-gazzetta: li kellu
bżonn, il-Gvern, jimxi u jgħaddi minn dak li l-Kap tal-Partit, volontarjament,
wettaq. Għax kif sewwa ddikjara:
il-verità hija sempliċi, mhix komplikata.
Imma mhux kulħadd jaffrontaha.
Vuċi tagħna
4. Ngħid
iktar dan għax, għal min insibuh iffissat fuq l-immaġini tiegħu, jew
il-perċezzjoni tagħha, jew il-post li ser jokkupa fl-istorja ta’ għada
pitgħada, qiegħed fl-istess waqt jispiċċa jaħrab mill-verità. Jaħrab mill-problemi li hawn. Idum anki biex jifhem, u wara jipprova joħroġ
b’soluzzjonijiet li huma tal-għaġġla sew.
Anki persuni li jiktbu regolari fil-gazzetti li mhumiex Nazzjonalisti,
bdew jaraw li hemm ix-xquq. Għax jifhmu
li aħjar jibdew jitkellmu huma wkoll u ma jħallux biss ‘l-Oppożizzjoni twassal
il-messaġġ ta’ dak li hemm bżonn isir.
Dan, iktar, għax ħafna minn dawn il-bnedmin qed jagħrfu li jekk qabel
il-vuċi tal-Oppożizzjoni ma kinetx qegħda tinstema’, wara l-Kunsill Ġenerali
din qegħda.
Il-pożizzjoni qed tinbidel
5. Anki dawk
li raw bħala vantaġġ li l-Prim Ministru attwali biddel lill-Partit Laburista
sew. Dak li ma ħalliehx demoralizzat u
sarrfu f’messaġġ ta’ tama għal soluzzjoni ta’ problemi soċjali kbar qegħdin,
b’attenzjoni, jgħidu dak li qabel ma setax jingħad. Dan il-Gvern m’għadux fis-sena 2013. Illum għandu r-responsabbiltà ta’ żewġ
leġislaturi. Il-wirt tad-dokumenti li
ħarġu mill-Panama Papers u tal-mewt tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia huma
l-ewwel xkiel li ma ġewx, u lanqas huma jiġu indirizzati, minkejja d-diversi
ta’ rieda tajba fil-poplu li semmgħu leħinhom.
Bħalma anqas ma huwa legat tajjeb dak li qiegħed iseħħ fid-distruzzjoni
tal-ambjent u l-wirt storiku tagħna.
Distruzzjoni tal-ambjent
6. Tul din
il-ġimgħa, qrajt kitba li hija ċertament Laburista, moderata u ġenwina, li
qalet hekk lill-Prim Ministru: “He has to be careful that he will not be
remembered for such things as the destruction of Malta’s beautiful environment,
including our historial Heritage.” U
jkompli: “The rampant overdevelopment that there is at present in Malta has to
be stopped.” Il-bnedmin fuq dawn
il-gżejjer raw diversi politiċi jiġu u jmorru.
Jafu jagħrblu, janalizzaw u jibgħatu l-messaġġ tagħhom. Hemm min kapaċi jeħodhom, u hemm min le. Mhux biss fuq dak li għaddej illum, imma fuq
dak li ġej għal għada.
Il-ġustizzja soċjali
7. Iċ-ċirkostanzi
politiċi tallum mhumiex dawk li sejrin ikunu għada. Il-futur jista’ jurina li waqt li xi ħadd
baqa’ mwaħħal, ħaddieħor mexa ‘l quddiem.
Mhux biss, imma waqt li hemm min irid ikompli jqabbel ruħu mal-passat,
għandu preżent li diġà qiegħed jitqabbel miegħu. Il-bnedmin fit-triq dan diġà jwettquh. Diġà l-kelma hija diretta lejn min qiegħed
jiġi b’pakkett u esperjenza ġdida u min għadu jhewden fuq meta ħa t-tmexxija
f’idejh. Hemm min qiegħed juri li huwa
ffissat f’kif ser ikun fl-istorja, u min moħħu biex iwettaq is-sewwa u jibdel
dak li mhuwiex. Għax għalkemm hemm dawk
li għandhom il-fissazzjonijiet politiċi tagħhom, mhux kollha jagħrfu jaqbżu,
jibdlu u jġibu l-ġustizzja soċjali.
No comments:
Post a Comment