21.6.18

Tislima lill-Ambaxxatur Joe Cassar

 
Diffiċli tikklassifika ‘l-bnedmin, iżda mhux impossibbli.  Hemm, imbagħad, persuni li ma jidħlu fl-ebda klassifika.  Huma, kif jgħiduha t-Taljani, fuori classe.  Hekk kien Joe Cassar.  Bniedem ta’ kultura kbira, ta’ intelliġenza eċċezzjonali, iżda wkoll bniedem li kien ta’ karattru li jiġbed is-simpatija ta’ kull min kien jiltaqa’ miegħu.  Ma kellux preġudizzji, għaliex kien għamilha ma’ ħafna nies ta’ ambjenti differenti.

L-ewwelnett il-kultura: l-ilsna kien jafhom tajjeb: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, kif ukoll il-Franċiż u anki xi ftit l-Għarbi.  Kien jaf il-Letteratura; kien jaf il-politika, u mhux biss bl-udit, iżda wkoll bi studju.

Meta ġie l-Istamperija, rajtu għotja tal-Mulej.  Kien ġurnalist, mhux biss mitwieled, iżda wkoll ikkoltivat.  Iżda ma kienx biss ġurnalist.  Kien bniedem tal-ħsieb u tal-ġudizzju.

Meta fl-1987 dħalna għall-piż tal-Gvern, u kelli nitlaq mill-Bord tad-direzzjoni tal-ġurnali, kont moħħni kwiet li hemm hu għad-direzzjoni, u mhux biss għal-linja politika, iżda wkoll għal dik lingwistika.  Iżda mbagħad, darba minnhom, wara li Ċensu Tabone sar President, Guido de Marco, li issa kien sar Ministru tal-Affarijiet Barranin, darba minnhom, waqt laqgħa tal-Kabinett, qalli: “Isma’, għandi bżonn lil Joe Cassar bħala ambaxxatur.”  Għidtlu: “Hi telfa kbira għall-ġurnali tal-Partit, iżda gwadann kbir għal pajjiżna.  Ħudu!”

Kien ambaxxatur tajjeb kull fejn tibagħtu.  Kien jifhem il-bnedmin mingħajr distinzjoni.  L-Italja, ir-Russja, l-Istati Uniti, il-Libja, in-Nazzjonijiet Uniti.  Joe Cassar kien ċavetta li tiftaħ ħafna bibien.  Guido kien jafda ħafna fih.

Meta reġa’ ġie, jien kont tbegħidt, iżda meta ltqajna dan l-aħħar sibt li għadu l-istess Joe Cassar tas-snin tal-Oppożizzjoni.

Kien fuori classe anke fl-unur.  Qatt ma rajt jew smajt li tilef il-kontroll.  Kien ġeneruż, anki fil-ġudizzju fuq l-avversarji.  Billi kellu moħħu miftuħ, ma kienx fazzjuż jew marbut ma’ xi tendenza estrema.

Min ikun eċċezzjonali ma ssibx min jieħu postu, meta Alla jsejjaħlu.  Saħħa Ġuż.  Au revoir!

Ugo Mifsud Bonnici
President Emeritu

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...