1. Erbgħin sena ilu nqatel bniedem
li nittama li llum, diversi minnkom, jieqfu jiftakru fih. Aldo Moro kien politiku Taljan. Membru importanti ta’ partit politiku li
x-xenarju Taljan għadu jħoss in-nuqqas tiegħu, dak Demokratiku-Kristjan. Fid-dinja tagħna, fejn qegħdin niġu
influwenzati minn ideat u politika li mhix kontinentali, dan ma
napprezzawhx. Insib ħafna li, la jafu
dwar dan l-ideal politiku li għamel ħafna ġid lill-Italja u lil pajjiżna, u wisq
inqas dwar min kienu l-protagonisti tiegħu.
2. Moro kien bniedem mimli
intelliġenza, umiltà u onestà. Meta
taqra ħajtu u kitbietu tintlaqat mill-abbiltà u l-kapaċità tiegħu li jaħdem
biex jifhem lil min ma jaqbilx miegħu.
Kien demokratiku ffurmat fl-għeruq u l-għerf li l-Knisja Kattolika għadha
toffri lid-dinja. Minn meta kien
student, kellu moħħu ċar dwar ħidmet in-Nisrani fis-servizz tal-bniedem. Daqshekk ieħor meta, wara t-Tieni Gwerra
Dinjija, ġie elett fil-Parlament Taljan.
Għad għandna kitbietu u l-interventi parlamentari li huma uniċi,
speċjalment dawk marbuta mal-bini tal-Kostituzzjoni tal-Italja.
3. Il-karriera politika tiegħu
kienet unika. Għadda minn ħafna. F’mumenti kien is-Segretarju Ġenerali
tal-Partit. F’oħrajn il-Ministru tal-Ġustizzja,
tal-Edukazzjoni, tal-Affarijiet Barranin, kif ukoll il-Prim Ministru
tal-pajjiż; f’oħrajn ġie mwarrab kompletament.
Kellu, però, l-abbiltà li jistenna, minkejja dubji kbar dwar jekk
kemm-il darba kellux jibqa’ fid-dinja politika.
Maż-żmien, kliemu, ħsibijietu, l-għerf li jiddibatti fit-tul u
fid-dettall ma’ dawk li ma kinux fl-istess partit tiegħu, irrendewh lura bħala
protagonist ewlieni.
4. Kien fil-mumenti meta l-partit
warrbu fil-ġenb li kien ittentat iħalli kollox biex jiddedika ruħu
għall-istudenti universitarji. Kien
professur tad-Dritt Penali. Wieħed li
kemm jista’ jkun ma kienx ifalli l-lezzjonijiet. Miftuħ għall-istudent. F’dak li jaħseb, f’dak li jikteb, u f’dak li
jagħmel. Għad għandna wkoll f’idejna
n-noti tiegħu dwar dan is-suġġett. Kien
impenjat sew, imma baqa’ impenjat sal-aħħar jiem ta’ ħajtu.
5. Biss, kien sar protagonist
minħabba fir-realtà politika li żviluppat.
Iż-żewġ partiti prinċipali f’dak iż-żmien kienu d-Demokrazija Kristjana
u l-Partit Komunista. Għalkemm tal-ewwel
kellu iktar saħħa parlamentari, però ebda wieħed ma kellu, jew seta jifforma
waħdu, il-Gvern. Proprju fil-bidu
tas-sena 1978, kien qiegħed fi proċess ta’ diskussjoni ma’ Enrico Berlinguer,
il-kap tal-Partit Komunista fil-linja politika magħrufa bħala l-‘Compromesso
Storico’. L-abbiltà tiegħu wasslitu
għall-konklużjoni ta’ Gvern Demokratiku-Kristjan bl-appoġġ estern ta’ dak
Komunista.
6. Għadda minn ħafna diffikultajiet,
u kien kontestat ħafna. Biss, kien
persuna li jagħraf ir-realtà politika u li hemm interess nazzjonali li jirbaħ
pożizzjonijiet politiċi riġidi. Għaraf
jibni pontijiet u toroq li ħadd ma kien jimmaġina li setgħu jinbnew. Illum l-Italja, fil-pożizzjoni politika li
għandha, ċertament tixtieq li kellha bniedem ieħor bħalu, kapaċi jwassalhom
għal gvern li ma jistax jitwieled minħabba r-riġidità u l-kondizzjonalità.
7. Proprju minħabba din il-kapaċità
li, bħala Nisrani, irnexxielu jwettaq li fil-jum li kien sejjer il-Parlament,
fis-16 ta’ Marzu 1978, ġie misruq minn grupp terrorista magħruf bħala
l-‘Brigate Rosse’. Dak li ġara f’dawk
il-jiem u għala huma suġġett ta’ diversi kotba.
Żgur mhux forsi, il-grupp Komunista ried jolqot direttament lill-Istat
demokratiku Taljan. Waqt li kien għaddej
proċess legali u kriminali kontra numru ta’ membri tal-Brigate Rosse għal
diversi omiċidji li wettqu riedu jaħtfuh, jipproċessawh u joqtluh.
8. F’dik il-ġurnata mietu erba’
membri tal-forza tal-ordni li kienu miegħu.
Wara, il-pajjiż inqasam, u sa ċertu punt għadu, bejn dawk li riedu jaslu
fi ftehim mal-Brigate Rosse, u dawk li ma riedux. Moro, waqt li kien miżmum, kiteb numru ta’
ittri lil diversi politiċi. Min jerġa’
jaqrahom jifhem iktar il-martirju li għadda minnu. Ftehim ma kienx hemm. Moro ġie esegwit u nstab mejjet fid-9 ta’
Mejju 1978.
9. Għadda minn ħafna f’dawk
il-jiem. Illum, wara erbgħin sena,
inħoss li għandna nieqfu niftakru fil-valur ta’ bnedmin li servew bħalu. Ta’ dawk l-Insara li daħlu fil-politika u
baqgħu leali lejn l-ideal tagħhom. Ta’
dawk li nħossni politikament viċin. Ta’
dawk li aktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar naqbel magħhom.
10. Nagħlaq proprju, għalhekk, b’dawn
il-kliem tiegħu: “Perché io credo nella Democrazia Cristiana; io amo la DC; io
penso che in essa, come in un ambiente del tutto naturale, come nel luogo della
mio vocazione giovanile e della mia multiforme e sofferta esperienza, io sono
posto al servizio del paese. Il dialogo
politico, che diventa ogni giorno più serrato e più complesso, parte da
qui. La DC non è tutto, certo, ma è
molto per me. Se bene che bisogna andare
innanzi, capire, parlare, ricevere e dare, cambiare, trovare equilibri di
giustizia e di libertà adatti al paese.
Ma, per fare tutte queste cose, si parte da qui, da questo dato
fondamento della vita politica.”
No comments:
Post a Comment