1. Illum, tul il-jum, il-partit ser ikun
qiegħed jiġbor fondi sabiex jissoda iktar lilu nnifsu. Jiġbor mingħand dawk ta’ rieda tajba, imma
fuq kollox mingħand dawk li jridu jaraw li l-partit ikollu l-mezzi neċessarji
sabiex ikun vuċi li tinstema’.
Il-messaġġ tagħna huwa kontinwament wieħed rilevanti. Huwa wieħed dirett lejn il-punti importanti
fis-soċjetà. Biss, kif ilkoll nifhmu u
nirrealizzaw, hemm bżonn li dak li aħna ngħidu jasal f’widnejn l-eletturi ta’
dan il-pajjiż. Mingħajr iktar fondi
f’idejna ma nistgħux, l-ewwel, naslu fl-irkejjen ta’ dawn il-gżejjer; u
t-tieni, inkomplu nipperswadu.
Nipperswadu
2. Nipperswadu li għall-kuntrarju
tal-propaganda qawwija u kostanti tal-Gvern, hemm diversi punti li fuqhom
il-pajjiż qiegħed ifalli. Nuru biċ-ċar
li hemm ħafna li bħalissa għaddej qisu ma huwa xejn, u li għandu jieqaf. Infehmu li għandna opinjoni differenti minn
tal-Gvern, li għandha piż u rilevanza. Waħda
li trid tittieħed inkonsiderazzjoni.
Għax kif qed naraw, it-tmexxija tal-poter tiċċaqlaq biss mhux għax hemm
argumenti loġiċi li jitressqulha, imma skont kemm ir-riżultati tal-opinjoni
pubblika jirreġistraw. Fuq dan biss
l-affarijiet jimxu; il-bqija jibqa’ għaddej minn fuq kollox, anki jekk dak
propost jew implimentat huwa ħażin.
Infehmu
3. L-aġenda nazzjonali mhix dik tal-poplu, imma
dik li l-Gvern tal-ġurnata, bil-mezzi tal-propaganda tiegħu, qiegħed jipprova
jittrasformaha f’waħda popolari. Il-politika
mhix issir minn isfel għal fuq, imma l-kontra.
Il-prijoritajiet mhumiex bażati fuq dak li għaddej mal-bniedem, imma ma’
dak li l-poter irid jaljena fuqu. Jum
wara jum, il-linja tal-ħidma mhix bażata fuq il-problemi soċjali, imma fuq kif
il-Gvern jidher li qiegħed jagħmel ħafna.
Għall-kuntrarju, l-Oppożizzjoni, bil-Kap tagħha Dr Adrian Delia, ilha
għal dawn ix-xhur għaddejja b’linja kuntrarja.
Tmur tmiss man-nies, bħal ma seħħ tul din il-ġimgħa fil-Gżira, titkellem
magħhom fi djarhom u tifhem x’inhuwa dak li l-poplu verament għandu bżonn u
jrid.
Ideat u proposti
4. F’soċjetà bumbardata bl-inutli, aljenata
bil-ħmerijiet u injorata fit-talbiet leġittimi tagħha, hemm bżonn bilanċ u
proċess effettiv lejn bidla. Hemm bżonn
li jkun hemm il-vuċi tas-sewwa, tar-raġuni u tas-sens komun li tneħħi dan
kollu. Vuċi li l-Partit Nazzjonalista
qiegħed jirrappreżenta fil-mument storiku tagħha. Għax fi ħdan dan il-partit hawn ġabra ta’ bnedmin
li jifhmu dak li għaddej, li huma kapaċi jimxu lejn programm differenti. Però, kif qed naraw, għandhom diffikultà biex
ifehmu dan kollu. Il-partit mhuwiex
nieqes mill-ideat u l-proposti. Anzi,
huwa dak li diġà qiegħed jipprepara l-programm elettorali tiegħu. Biss, nafu li hemm min, hemm barra, għandu
aġenda u linja politika li ma tridx tħalli dan joħroġ.
Raġuni, sens komun, kuxjenza
5. Għandna f’dan nifhmu u naċċettaw li fl-Istat
hemm min jiddejjaq bil-verità, bl-użu tar-raġuni, mis-sens komun u mill-ħidma
li l-kuxjenza twettaq. Proprju għalhekk
li hemm min għandu propaganda għaddejja kontra tagħna biex jippruvaw
jiddenigrawna u jċekknuna biha. L-ewwel:
għax aħna suppost ‘negattivi’ u mhux ‘pożittivi’. It-tieni: għax aħna suppost ‘għedewwa’
tal-pajjiż. It-tielet: għax aħna suppost
‘konservattivi’ u mhux ‘progressivi’.
Ir-raba: għax suppost li m’aħniex bnedmin ‘onesti u integri’ u ma
nikkumbattux kontra l-korruzzjoni. Hemm
lista ta’ “fake news” li kontinwament trid toħroġ proprju biex iżżommna milli
nwettqu u naslu direttament.
Dritt għall-verità
6. Imma aħna ningħarfu mhux biss mill-ideat
tagħna, imma wkoll mill-konsegwenza tagħhom: ħidmietna. Dak li qed jingħad fuqna qed isir apposta,
però huwa żbaljat. Proprju għalhekk li
qed niġbru. Qed niġbru għax aħna
m’għandniex niddependu iktar, kif konna, fuq jekk ħaddieħor iwassalx dak li qed
ngħidu u nagħmlu verament. Ma jistax
ikun li nibqgħu niġu ġudikati fuq dak li ħaddieħor jgħid li għamilna jew
wegħdna. Nemmnu li l-poplu għandu dritt
għall-verità. Proprju għax għandu dan
id-dritt għall-informazzjoni diretta u ċara li rridu nassiguraw li jkollna
l-mezzi tal-komunikazzjoni sodi tagħna.
Għandna l-mezzi tagħna
7. Proprju f’din il-linja ta’ ħsieb li ta’
qabilna ġiebu fis-seħħ politika li tassigura bilanċ demokratiku
importanti. Aħna għandna l-gazzetti
tagħna, u l-istazzjonijiet medjatiċi proprju biex il-verità tingħad u ma tiġix
assoġġettata għall-esiġenzi politiċi ta’ ħaddieħor, jew għall-bżonnijiet ta’
operaturi ekonomiċi. Politika li qed
tingħata iktar u iktar raġun illum, meta qed naraw li ġew għad-dawl tax-xemx
rabtiet qawwija bejn dawn l-interessi.
Rabtiet li assiguraw li l-vuċi u l-ħidma tagħna jew ma jiġux
għall-attenzjoni tal-qarrejja, inkella li jingħataw daqqa denigratorja. Ħidma żbaljata li ma ninsewx.
Determinat li jibdel
8. Għalhekk, illum qed norganizzaw dan il-jum
biex niġbru ftit iktar biex nissudaw ftit iktar. Għax waqt li ħaddieħor iħares, janalizza u
jiġbed il-konklużjonijiet tiegħu mill-istatistika tal-‘vox-pop’, li fi Ħdud
strateġiċi nsibu pubblikati, aħna għandna nżommu quddiemna li dan jiddependi
fuq kemm qed inwasslu l-vuċi tagħna fis-soċjetà u għas-soċjetà. It-triq tagħna bħala Oppożizzjoni mhix
fit-tajjar bħal ma hija tal-Gvern, imma għat-telgħa. Ftit jifhmu l-kumplikazzjonijiet u
l-isfumaturi varji li nseffqu wiċċna magħhom.
Imma naħseb li diversi qed jifhmu li l-Kap tal-Partit Adrian Delia huwa
determinat li jibdel u jegħleb dan.
Proprju għalhekk li ngħid li, bil-ġbir, aħna nissudaw.
No comments:
Post a Comment