28.6.18

Kreaturi, karikaturi u allat żgħar.

 
1.   Tul din il-ġimgħa għaddejna għall-vot malajr malajr dwar l-emendi għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.  Dak li kien, illum, kif qed naraw, m’aħniex aktar.  Mument iswed fil-ħajja ta’ pajjiżna.  Biss, proprju fid-19 ta’ Ġunju, filgħaxija bdejn ngħid ġewwa qalbi: “Hawn aħna, ftit inqas minn sebgħin embrijun imsawwar u mrobbi (għall-grazzja t’Alla u bl-imħabba, t-tbatija u s-sabar ta’ dawk li ġġenerawna) sakemm sirna nisa u rġiel, miġbura f’din il-Kamra tad-Deputati bil-prokura ta’ dawk li tellgħuna biex nagħmlulhom liġijiet sewwa.  U issa, bil-vot tagħna, ser nagħmluha ta’ allat: niddeċiedu li ċerti embrijuni jistgħu jkunu żejda; niddeċiedu aħna min għandu jgħix u min għandu jitqies superfluwu, żejjed.”

L-allat żgħar ta’ qabilna

2.   U l-allat żgħar tal-ġenerazzjoni ta’ qabilna ddeċidew, u sewwa ħafna, li jneħħu minn pajjiżna l-piena tal-mewt.  Ippropona Duminku Mintoff, meta kien Prim Ministru u l-Prim alla żgħir, u l-allat żgħar Nazzjonalisti qablu miegħu, li l-Istat m’għandux ikollu dritt li joqtol lill-bnedmin, anke jekk ikunu qatlu bnedmin oħra.  Almenu, dik il-ġenerazzjoni ta’ allat politiċi ħasset li l-ħajja u l-mewt kellhom jitħallew f’idejn Alla veru, u mhux f’idejn dawk li huma xbiha, anzi kultant, imitazzjoni xejn fidili tiegħU.  Aħna l-bnedmin aħna kreaturi tiegħU, imma meta nippruvaw niddispensaw mill-ħajja aħna, kultant insiru karikaturi ta’ Alla.

Dawk l-allat żgħar li jilgħabu mal-embrijuni

3.   Ix-Xjenza hija l-glorja tal-bniedem.  Għaliex bix-xjenza nindunaw x’hawn.  Għadna qegħdin niskopru dawk ir-regoli tan-natura: dak li m’għamilnihomx aħna.  Għadna qegħdin insibu r-rimedji għal meta, għal xi raġuni li ma fhimtx għal kollox, ikunu qegħdin jaħdmu żmerċ.  Ix-xjenza tavvanza, iżda kultant jinqala’ xi alla żgħir li jrid jgħaġġilha: bħal meta alla żgħir misħut bħal Hitler, ried joħloq razza Ġermaniża pura, billi joqtol lill-immankati, lill-omosesswali u jiċħad id-dritt taż-żwieġ lil min kellu xi mankament jew kien ta’ razza, skont huwa “mniġġsa”, bħal dik Lhudija jew b’ġilda sewda.  Bħalissa hawn ħafna, mad-dinja kollha, li jixtiequ jbagħbsu jew jesperimentaw bil-ġenetika tal-bniedem.  Hawn diversi oħra li baqgħu me fehmux kemm kien żbaljat in-Nażiżmu, u flok jieħdu l-lezzjoni biex ma jiżbaljawx iridu, minflok, jimitaw.  Id-dinja għaddejja minn mument ikrah hawn ukoll.

Il-progress isir meta ma jiġux issagrifikati l-bnedmin

4.   Jiena ma nemminx, bħalma milli jidher li kien jemmen Kajfa, li jeħtieġ tissagrifika ‘l-bnedmin għall-poplu.  (U ma nemminx li meta kienu jagħtu l-forka, kien hawn inqas delitti).  Dawk kollha li mexxew ix-xjenza ‘l quddiem, m’għamlux esperimenti fuq dahar, jew agħar minn hekk, fuq il-ħajja tal-bnedmin.  Ix-xjenza hi ‘konservattiva’ tal-ħajja tal-bnedmin.  It-tobba ma jistudjawx biex joqtlu, la bnedmin magħmula, la bnedmin qegħdin isofru, lanqas embrijuni ta’ bnedmin, imma biex isalvaw.  It-tobba jistudjaw biex iżommu ‘l-bnedmin ħajja, u biex iwelldu bl-aħjar mod, biex iżidu u mhux inaqqsu l-ħajja.  Biex ineħħu l-ostakli għat-tnissil u t-tkomplija tal-mixja tal-embrijuni tal-bniedem.  Kif ukoll biex inaqqsu t-tbatija.  Biex dawk is-seba’ ċelloli bażiċi tal-ħajja jitħallew isiru dak li nħolqu għalih.  U l-progress fix-xjenza ġuridika sar meta Beccaria wera li l-piena kapitali ma ġġibx is-sigurtà, iżda żżid is-selvaġġerija.  Mill-qtil, la tal-embrijuni, kif lanqas tal-qattiela, ma tistenniex progress.  Il-progress isir meta x-xjenza tintuża biex issalva l-ħajja.

Progress, imma mhux alla

5.   Jogħġobni t-tibdil, u mhux biss it-tibdil fil-Gvern.  Jien favur l-innovazzjoni u t-tiġdid: biss f’ebda mument ma jogħġobni li nagħmilha ta’ alla żgħir fuq il-ħajja tal-bnedmin, mit-tnissil sal-mewt.  Ma nħossnix li għandi xi ġurisdizzjoni dwar min għandu jgħix u min għandu jitneħħa.  Meta wieħed iħares lura fl-istorja, l-agħar żminijiet kienu dawk meta xi allat (xi Imperaturi Rumani, bħal Tiberju, Neruni u Caligola) mhux biss stennew l-inċens, iżda wkoll li jissejħu “divus”, għax kienu jgħidu li huma divini.  Ixxalaw bla rażan huma u jissagrifikaw il-ħajja ta’ ħaddieħor.  L-istorja tgħallem.  Mhux kull min huwa fil-politika jaf l-istorja.  Għalhekk jispiċċa jirrepeti l-istess żbalji li għamlu bnedmin qablu.  Il-poter jibqa’ temporali u ma jsir qatt etern.

Fit-tielet stadju l-Fibra Morali qed titmermer

6.   Wieħed japprezza, għalhekk, dan kollu fid-dikjarazzjoni Presidenzjali mingħajr preċedent.  Dik li segwiet l-aħħar stadju sfurzat ta’ dan l-aġir żbaljat, meta qalet: “Jien nibqa’ nemmen li d-dinjità umana u l-integrità fiżika ta’ kull bniedem għandhom jiġu rispettati u mħarsa mill-mument tal-konċepiment sal-mewt naturali.  Kull bniedem, anke fi stat embrijoniku, m’għandu qatt jiġi użat bħala oġġett jew li intenzjonalment jitpoġġa f’riskju li ma jkomplix jiżviluppa b’mod normali.  L-isfida tas-soċjetà tagħna hi li tkompli tipproteġi lil kull min hu dgħajjef, inkluż l-embrijun.  Il-fibra morali tal-Istat Malti titmermew jekk titlef ir-rispett lejn il-ħajja umana fl-istadji kollha tagħha.”  Kliem il-maġġoranza tal-poplu, li qegħda f’dan tagħmel ċar li l-allat politiċi m’għandhomx, f’ebda mument, dritt fuq il-ħajja.

Ġisem prezzjuż

7.   Il-ġisem tal-bnedmin huwa prezzjuż: minn mindu jibda jifforma ruħu sakemm jibda jitmermer.  L-embrijun ma jibkix, kif ma jibkix il-katavru.  It-tnejn ħaqqhom rispett.  Min jirrispetta ‘l-bnedmin, jirrispettahom sħaħ: ġisem u ruħ.  Min ma jirrispettax ‘l-embrijuni u l-katavri, lanqas jirrispetta lill-bnedmin ħutu.




No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...