25.10.16

Il-Pożizzjoni Tibqa’ Dik.






1.     Jacques Maritain kien qal hekk: “Justice and moral righteousness are essential to the common good.  That is why the common good requires development of the virtues in the mass of citizens, and that is why every unjust and immoral political act is harmful to the common good”.  Ngħid dan għax minkejja li tul din il-ġimgħa, u nimmaġina li għal dawk li ġejjin ser nibqgħu niġu bumbardati minn “kemm il-Budget huwa tajjeb”, il-verità hija li hemm sitwazzjoni gravi li tibqa’ dik li hi.  Ngħid dan għax mhux kull tmexxija politika tkun immexxija mill-istess prinċipji u valuri.  Hemm min jemmen fl-ugwaljanza, fil-ġustizzja, fl-opportunitajiet indaqs, u hemm min jekkem il-kontra: li għandu jkun settarju u jqassam iktar lil min huwa jidhirlu biex jirbaħ il-vot favur tiegħu.



Inkabbru l-ġid  komuni



2.     Hemm il-prinċipju li nħaddnu li kull persuna għandha l-istess drittijiet daqs oħra.  Wieħed li għandu jkun il-pedament ta’ soċjetà li trid tkabbar il-ġid komuni u tassigura li jitqassam aħjar skont il-prinċipju veru, mhux apparenti, tal-ġustizzja soċjali.  Dan jgħodd għal kull settur, ġej minn fejn ġej fis-soċjetà tagħna, sija f’dak soċjali, kif ukoll f’dak kummerċjali.  Dan il-Gvern, minn twelidu beda jqassam naħa u oħra mhux fuq il-ħaqq, il-ġustizzja, imma fuq il-preferenzi u l-konsegwenzi li jitwieldu minn forom varji ta’ ħbiberiji.  Ma’ kull kritika li saret li ta’ taħt kienu qed jitħallew lura smajna tweġibiet differenti, fosthom daħlet fin-nofs li huma għaddejjin kif inhuma għax huma “business friendly”.  Qisu dak li qed isir bil-preferenzi jista’ jiġi b’xi mod ġustifikat b’forma ta’ inċens lejn is-settur tal-kummerċ.



Kompetizzjoni ġusta



3.     Il-kummerċ f’soċjeta demokratika, kif ilkoll għandna naċċettaw, m’għandux liċenzji li jippermettulu li jmur kontra s-sewwa u l-kompetizzjoni ġusta.  Anzi, fil-liġijiet tagħna bnejna minn snin ilu mekkaniżmu li jipproteġi, u fl-istess ħin iżomm lura, numru ta’ azzjonijiet fil-kummerċ li jmorru kontra l-protezzjoni ġusta fis-suq.  Dan għax, filwaqt li wieħed jirrikonoxxi numru ta’ vantaġġi fis-sistema, ma nemmnux li dik kapitalista għandha titħalla waħedha u ma tiġix regolata.  Is-suq diġà waħdu ma jsuqx fid-direzzjoni t-tajba u jrid il-ħin kollu attenzjoni biex jiġi regolat lejn li jibqa’ wieħed li ma jkunx kaġun ta’ inġustizzji, u fuq kollox li jibqa’ wieħed fejn kull negozjant jikkompeti fuq l-istess livell.  Biss, meta flok iżżomm l-ugwaljanza u l-kompetizzjoni ġusta tagħti minflok vantaġġi lil uħud, l-iżbilanċi jikbru.



Rent-seeking



4.     Proċess mhux faċli u kull min irid iwettaq dan jaf li jrid ikun attent għas-sinjali u l-indikazzjonijiet li s-suq jipponta lejhom.  Hemm min jaħdem fis-sewwa u jikber bil-fiduċja u l-attenzjoni tiegħu.  Iżid l-isem, ir-reputazzjoni u l-avvjament tiegħu bil-proċess normali ta’ negozjant bieżel u kuxjenzjuż.  Il-kurrenti jridu u jimmeritaw kontroll, imma hemm min, kif qed naraw, li dan ma jħossx il-bżonn soċjali li jwettqu.  Proprju fuq din il-linja li hemm min, fin-negozju, jipprova jaqbeż lill-oħrajn u jieħu vantaġġ minn  ċertu stat tal-affarijiet.  Jidħlu, kif qegħdin naraw, għal dak li huwa magħruf taħt it-titolu ġenerali ta’ “rent-seeking”.  Ta’ kif bnedmin magħrufa fin-negozju, minħabba li jersqu viċin in-nies fil-politika, qed jirbħu vantaġġi u qligħ ikbar min-normali fis-suq.



Crony capitalism



5.     Fuq dan, ftit xhur ilu editorjal ta’ The Economist kiteb b’attenzjoni dak li jgħodd għalina wkoll, proprju fuq dan: “Crony capitalism – or rent-seeking as economist call it – shades from string-pulling to bribery.  Much of it is legal, but all of it is unfair.  It undermines trust in the state, misallocates resources and stops countries and true entrepreneurs from getting rich.  So the dip in crony activity is welcome.  To stop it roaring back, governments need to seize the moment”.  U kompla fl-istess ħarġa: “Rent-seeking: this is the term economists use when the owners of an input of production - (land, labour, machines, capital) – extract more profit than they would get in a competitive market”.  U miegħu żied dak li qal David R. Henderson: “People are said to seek rents when they try to obtain benefits for themselves through the political arena”.



Żbilanċi fis-suq



6.     Ir-realtà hija llum, tlett snin skorruti f’din il-leġislatura, li hemm qabżiet ferm ikbar fid-dħul bejn dawk li qegħdin fuq u dawk li qegħdin l-isfel fis-soċjetà.  Verament żdiedu dawk li qegħdin fir-riskju tal-faqar, u ċertament ma niżlux.  Però huwa daqshekk ieħor li żviluppa wkoll żbilanċ li qiegħed jikseb iktar saħħa ta’ differenzi qawwija fost nies fin-negozju.  Hemm min qiegħed jitlef it-territorju u l-operabilità tiegħu favur oħrajn li, minn dak li jingħad, qed jieħdu l-vantaġġ minn allaċċamenti u konċessjonijiet diretti mill-Gvern.  Hawn iktar minn dawk fin-negozju li qed jieħdu ferm aktar milli għandhom jieħdu kieku kienu qegħdin joperaw f’suq ġust fejn il-kompetizzjoni hija ugwali.  Fuq dawn ir-realtajiet il-Budget, flok jaffronta qiegħed jinjora, u anzi jissoda l-pożizzjoni ta’ min huwa komdu u sew minn fuq.



Fat cats



7.       Dan kollu qiegħed jaggrava mal-fatt li huwa magħruf kemm smajna b’każijiet ta’ korruzzjoni flagranti.  Biss, hawn qegħdin naraw dawk li b’kuntratti, permessi u għotjiet li jidhru li ngħataw taħt il-kappa tal-liġi, li però qegħdin jieħdu ferm u ferm iktar milli għandhom.   Dawn mhumiex miżuri li huma verament “business friendly”.  Anzi, huma kjarament passi li qegħdin jimminaw it-twettiq, it-tkattir tal-ġid komuni fuq naħa, u fuq l-oħra l-klima tan-negozju ġust fejn kull min qiegħed jikkompeti jaf li għandu l-istess regoli.  L-intraprenditur f’dawn il-gżejjer diġà qed jara vantaġġi mogħtija lil persuni barra minn xtutna biex jinnegozjaw hawn – li huwa gravi.  Imma daqshekk ieħor hija gravi b’Maltin li forsi ħaddieħor kien jitkellem fuqhom bħala “fat cats”, li b’rabtiet politiċi varji tagħhom illum qegħdin jieħdu vantaġġ.

Mekkaniżmu żbaljat

8.       Wara nhar it-Tnejn, jidher ċar li ma hemmx politika li tħares il-ġid komuni.  Mhix l-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali vera li qegħda tispira lill-Gvern jimxi fid-direzzjoni t-tajba.  Hemm, anzi, indikaturi li jfakkruk f’forom li twieldu min-nobbiltà ta’ sekli ilu.  Il-ġid komuni tagħna sejjer lura b’dan il-mekkaniżmu żbaljat.  Proprju għalhekk li dan qiegħed iwassal sabiex: l-ewwel, il-fiduċja li ċ-ċittadini għandhom fl-Istat tmur lura; it-tieni, li mhux qed ikun hemm it-tqassim ġust tal-qliegħ; u t-tielet, li hemm iż-żamma lura ta’ negozjanti veru u ta’ kuxjenza milli jimxu ‘l quddiem.  Minkejja li għamilna erba’ sigħat skorruti nisimgħu d-diskors tal-Budget, sfortunatament il-pożizzjoni politika baqgħet dik li hija: min huwa minn fuq ser jitla’ iktar, u min huwa minn taħt ser jibqa’ ‘l isfel fejn hu.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...