20.10.16

Faqar u Prekarjat.





1.      Smajna ħafna dwar dan.  Fil-pajjiż, però, illum hawn ferm iktar għarfien tal-fatt li l-faqar żdied u x-xogħol prekarju baqa’ magħna.  Proprju għalhekk li f’dawn l-aħħar ġimgħat, il-Gvern beda kampanja medjatika sabiex jipprova jipperswadi l-kontra tal-fatti.  Tul din il-ġimgħa, b’mod partikolari, rajna u smajna b’suppost miżuri ġodda li ser jittieħdu.  Smajna wkoll b’riżultati li suppost ilħaqna.  Fil-verità huwa tard fil-ġurnata biex dawn iż-żewġ problemi soċjali jonqsu drastikament.  Proprju għax ma kienux prijorità għall-Gvern preżenti tul dawn ix-xhur passati li issa ninsabu fejn ninsabu.

Fl-għeruq veri tiegħu
2.      L-eventi bdew b’dikjarazzjoni kontradittorja.  Il-Gvern iddeċieda li ser joħroġ €300,000 sabiex iqassamhom lil 41,000, u dan sabiex jieħdu ikel li ma jikkwalifikawx għalih minn “Tal-Unjoni Ewropea”.  Meta tqis, hemm żewġ fatturi: l-ewwel, li kull persuna ser tieħu nominalment 61 ċenteżmu, u t-tieni, li l-benefiċċju huwa dak ta’ ikel.  Meta tqis iktar tifhem li dan il-mekkaniżmu ġejna iktar bżonnu għax appena nbidlet is-sistema ta’ kif l-ikel li jiġi direttament minn skemi tal-Unjoni Ewropea, diversi persuni li qabel kienu jieħdu, spiċċaw inqatgħu barra.  Biss, żgur mhux forsi, ma nistgħux b’dan il-pass naċċettaw li b’hekk il-Gvern qiegħed jikkumbatti verament, fl-għeruq tiegħu, il-faqar.

Aġevolati l-ftit
3.      Erġajna f’din il-linja, u l-Ħamis filgħodu qrajna b’konferenza fejn tkellmu diversi ministri u għaqdiet bħal Caritas.  Il-messaġġ tal-Gvern tal-ġurnata kien li l-faqar fost in-nisa qiegħed jonqos b’ritmu mgħaġġel.  Meta taqra, fil-fatt ma ssibx ħafna fuq din i-dikjarazzjoni.  Biss, issib li d-Deputat Prim Ministru ddikjara llum, quddiem din is-sitwazzjoni xejn feliċi, li issa: “Aħna rridu li nkunu fost l-aqwa fl-Ewropa fejn jikkonċerna l-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza, l-istess kif aħna fost l-aqwa fit-tkabbir ekonomiku u impjiegi”.  Miżuri ġodda hawn ma tħabbrux.  Biss ħareġ barra fiċ-ċar li l-Gvern beda jinkwieta ruħu u jifhem li l-politika ekonomika tiegħu, tul dawn l-aħħar tlett snin skorruti, aġevolat lill-ftit sew u ħalliet lil ħafna lura.  Id-differenzi llum kibru bejn dawk li jinsabu fuq u dawk li qegħdin taħt.

Ma tagħmel ebda differenza
4.      Dan kien iktar interessanti quddiem is-sejħiet ċari u diretti tad-Direttur Eżekuttiv tal-Caritas, fejn l-ewwel qal li “Il-faqar għandu wiċċ ġeografiku u ma tagħmel ebda differenza jekk tkunx toqgħod fin-naħa ta’ fuq jew fin-naħa t’isfel”.  It-tieni, li hemm bżonn li nsiru nafu fejn qegħdin dawn il-persuni.  Kliem ċar li minnu nnifsu jindika li minkejja l-flus u t-tqassim kollu li għamel il-Gvern, hawn għadna lura.  Għax huwa evidenti li wara dan iż-żmien kollu, il-Gvern għadu ser jibda jifhem il-problema fejn hi u kif inhija, u wara jipprova jsib soluzzjoni għaliha jekk jidentifika min preċiżament qiegħed ibati l-faqar.

Bżonn ta’ azzjoni ġdida
5.      Dan irid jiġi kkunsidrat fid-dawl tar-rimedji li preżentement il-Gvern ħaseb fihom.  Fil-fatt, f’dik il-konferenza, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali qal li ż-żewġ miżuri biex tegħleb dawn l-isfidi soċjali huma l-edukazzjoni u x-xogħol.  Dawn ma hemmx dubju li jgħinu biex jibdlu l-kundizzjonijiet umani ġeneralment, però għandek, l-ewwel il-fatt li għal diversi li huma attwalment fil-faqar dan m’huwiex biżżejjed, u t-tieni, li għal ħafna iktar, il-kundizzjonijiet tax-xogħol li għandhom ma huma tajba xejn.  Hemm għalhekk il-bżonn evidenti ta’ azzjonijiet oħra differenti u personalizzati li bihom tista’ taqla’ verament lil min qiegħed fil-qiegħ.

Statistika Part-Time
6.      Ngħid dan iktar u iktar għax tul il-ġimgħa, minn numru ta’ domandi parlamentari ħarġu numru ta’ punti fl-istatistika li għal kull min huwa intiż għandhom juru li l-problema, li timxi id f’id mal-faqar u l-prekarjat, mhux qegħda tiġi solvuta.  L-istatistika provduta turi li l-persuni li qegħdin jaħdmu part-time baqgħu telgħin ‘il fuq.  Bqajna b’59,388 persuna li jaħdmu fil-part-time, li minnhom 35,053 huwa l-impjieg prinċipali tagħhom u 24,335 huma dawk li għandhom part-time ma’ full-time għax ma jistgħux ilaħħqu.  Dan huwa s-settur fejn huwa magħruf li minnu joħroġ il-prekarjat.  Dawn il-figuri juru li l-pożizzjoni ma nbidlitx.  Ma kellniex tnaqqis, anzi kellna l-ħin kollu żidiet.  Li kieku, kif qiegħed jipprova jibgħat l-impressjoni l-Gvern is-sitwazzjoni nbidlet, allura kellna naraw tnaqqis fiż-żewġ kategoriji, li ma rajniex.

Il-pożizzjoni tan-nisa
7.      Fil-prekarjat għandek ukoll, iktar u iktar, il-preżenza tan-nisa li l-Gvern jagħti l-impressjoni li kollha ħerġin għax-xogħol u għax qed jagħmlu hekk qed jibdlu l-istat ekonomiku tagħhom ta’ taħt fuq.  Biss, mill-figuri provduti jidher: l-ewwel, li għandna 20,472 nisa li l-part-time huwa x-xogħol primarju tagħhom, u terġa’, għandna 8,031 li għandhom part-time u full-time f’daqqa.  Dawn il-figuri baqgħu kostanti tul dawn l-aħħar xhur. U terġa’, meta tara bil-preċiż f’liema setturi sabu l-impjiegi n-nisa ssib li 75% tal-part-time u 50% tal-full-time jaħdmu f’xogħol marbut mal-inqas skali.  Ir-riżultat ta’ dan huwa li għandna iktar persuni, mhux inqas, li jinsabu fir-riskju tal-faqar u jaħdmu fil-prekarjat.  Stat tal-affarijiet li għalihom ma rajniex rimedji u soluzzjonijiet veri f’dawn is-snin.

Ħaddiema mhux Maltin
8.      Ma’ dan rajna l-kumplikazzjoni ulterjuri li l-persuni li jew huma “EU Nationals” new “Third Country Nationals” komplew jiżdiedu.  L-istatistika turi: l-ewwel, li l-EU Nationals żdiedu b’4,899 u llum għandna 23.076 persuna taħdem hawn, b’żieda ta’ 21% fuq is-sena l-oħra; u t-tieni, li fit-Third Country Nationals żdidna b’2,380 u llum tlajna għal 8,492 – żieda ta’ 28%.  Dawn il-figuri jindikaw li hawn 31,568 persuna li m’humiex ta’ nazzjonalità Maltija li qegħdin jaħdmu fid-dinja tax-xogħol.  Effett li hemm bżonn li jiġi kalkulat huwa wkoll għax miegħu jġib effetti pożittivi u oħrajn negattivi li, sfortunatament, il-Gvern ma jridx jaffronta.

Il-ġustizzja soċjali
9.      Ħassejt li għandi nelenka dawn il-punti għax jidher ċar li l-Gvern qiegħed preżentement ‘il bogħod milli b’xi mod isir wieħed li jħobb u jimplimenta l-ġustizzja soċjali.  Anzi, mill-figuri jidher ċar li dawn il-problemi, flok ġew ikkonfrontati mill-bidu b’forsi “roadmap” inxeħtu taħt it-tapit.  It-tqassim tal-ġid nazzjonali nifhmu li jitlob ferm u ferm iktar attenzjoni li m’aħniex naraw.  Minflok, anzi, għandna Gvern li qiegħed jieħu ħsieb li uħud jikbru u jibbenefikaw minn dak li m’għandhomx u oħrajn qed jitħallew f’posthom lura.  Din hija sitwazzjoni mill-iktar serja u gravi li, jum wara jum ser tiġma u titkabbar.  Għax l-inġustizzji soċjali li rajna u qegħdin inkomplu naraw ma jsolvux il-faqar u l-prekarjat.  Anzi l-kontra, jieħdu ħsieb iżiduh.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...