20.10.16

Baned, festi u armar qed jirnexxu


 
1.      Għalkemm għadu ma għalaqx kompletament l-istaġun tal-festi, nitlobkom tippermettuli ngħaddi numru ta’ riflessjonijiet dwar dan is-suġġett.  Kull sena, għal diversi, konna nisimgħu bnedmin varji, uħud jifhmu sew, jiddikjaraw li dan kellu jkun settur fejn fih l-attività umana ser tbatti.  Qalu li ser ikun hemm inqas nies jieħdu sehem u l-Knisja Kattolika kienet ser ikollha tirtira, bħal f’postijiet oħrajn, fiċ-ċelebrazzjonijiet interni biss.  Fortunatament dan ma seħħx.  Anqas ma seħħew pronostiċi oħra, fosthom li l-piki kienu destinati jżidu sabiex ikissru dak li jridu jibnu.

Demm ġdid
2.      Għaddejna parti importanti mill-istaġun u fih rajt ferm iktar parteċipazzjoni minn qatt qabel.  Festi f’kull belt u raħal, flok naqqsu fl-attendenza u fil-ħeġġa, żdiedu sew.  Qed jiġu organizzati ferm aħjar u jiġu aġġornati għaż-żminijiet preżenti.  Il-parteċipazzjoni attiva ta’ membri ġodda tmissha b’idejk.  Postijiet fejn għaxar snin ilu kien hemm ftit, illum hemm ħafna.  Mhux biss, imma l-kollaborazzjoni li neċessarjament titwieled bejn il-partijiet kollha hija ferm u ferm aqwa milli kienet.  Hemm ukoll festi sekondarji li qed jiġu ċelebrati b’iktar ħajja, attenzjoni, bilanċ u moderazzjoni.  Demm ġdid qiegħed jiġri fil-vini tal-festi tagħna.

Organizzati
3.      Hemm f’dan ġenerazzjoni differenti fil-Knisja, li qed tħares minn lenti oħra f’dan is-seklu lejn l-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fil-festi esterni.  Żdied l-għarfien li dawn huma wkoll parti mill-kalamita sħiħa li qed tiġbed aktar bnedmin lejha.  Huwa minnu li jintefqu flus sew fil-baned, fl-armar estern u fil-murtali varji.  Biss, dawn isiru ħafna drabi sforz il-ġenerożità u l-motivazzjoni li jaħkmu.  F’dinja fejn dak li huwa veru u dak li tista’ tmissu l-esternalità tal-festi jagħti valur ferm ikbar.  Il-parteċipazzjoni, il-preparazzjoni u l-għaqda sħiħa huma kollha frott ta’ organizzazzjoni ċara, fejn kull persuna taf x’għandha tagħmel.  Ħafna huma dawk li jarmaw, iżda daqstant ieħor tul il-lejl, meta kulħadd ikun inġabar, tara ġabriet ta’ żgħażagħ li jippreferu jaħdmu fi ħdan il-festi, jżarmaw bl-istess attenzjoni u ħeġġa.

Pass importanti
4.      Il-kwalità kibret iktar anki għax l-għaqdiet fil-bliet u l-irħula varji ngħaqdu fuq livell nazzjonali.  Hemm linja aħjar.  Viżjoni sħiħa, għarfien tar-responsabbiltà soċjali, reliġjuża u lok fejn kwistjonijiet interni jistgħu jiġu diskussi u riżolti bejn il-membri varji, fejn hemm l-ugwaljanza u fl-istess ħin għarfien li dak li qiegħed isir minnhom ser jirrifletti fuq skala nazzjonali.  Il-fondi nazzjonali u dawk li ġejjin minn proġetti differenti mill-Unjoni Ewropea hawn ukoll qed jagħtu s-sehem tagħhom.  Il-kwalità kibret proprju għax l-esperjenzi varji qegħdin jiġu maqsuma u utilizzati b’aktar sens.  Pass importanti fil-ħajja soċjali u kulturali tagħna.

Il-programm tal-festa
5.      Ħafna huma l-għaqdiet li tul il-festa jieħdu ħsieb jippubblikaw dak li ġeneralment jissejjaħ “il-programm tal-festa”.  Il-parti ċentrali jkollha fuq naħa d-dettalji taċ-ċelebrazzjonijiet interni, u fuq l-oħra dawk li jkunu ser isiru mill-għaqda partikolari, barra.  Biss, f’kull wieħed minnhom hemm minjiera ta’ informazzjoni.  Huma repositorji ta’ artikoli fuq aspetti varji tal-festa li jixirqilhom studju.  Ħafna huma mimlija b’riċerki fuq bnedmin jew eventi storiċi u reliġjużi marbuta mal-post.  Intervisti ma’ saċerdoti, patrijiet jew sorijiet, li kull persuna tħalli biċċiet ta’ sens u sustanza.  Kollha preżentati bl-użu tal-mezzi teknoloġiċi l-iktar reċneti, ibda minn kif jitqassam il-materjal u ibqa’ sejjer sal-kwalità tar-ritratti.  L-aħħar wieħed li ngħatali fih ‘il fuq minn mitejn faċċata.  Evidenza ċara ta’ żgħażagħ li jġibu dak li jafu d’din il-ħidma.

Sehem il-mara
6.      F’dan ukoll hemm aspett iktar ta’ attenzjoni fis-soċjetà tagħna.  F’diversi għaqdiet m’għadx hemm id-dominju tal-irġiel.  F’dawn is-snin hemm iktar nisa li jieħdu sehem.  F’ħafna ssibhom jokkupaw karigi importanti fil-kumitati u f’kull każin issib sezzjoni mmexxija minnhom.  Hemm parteċipazzjoni demokratika u soċjali iktar milli wieħed jista’ jaħseb.  Huma muturi ta’ ħidma u trasformazzjonijiet aqwa li l-irġiel m’għandhomx.  L-ideat tagħhom, kif ukoll is-sehem li jagħtu huwa kbir.  Ebda għaqda llum ma tista’ tħares ‘il quddiem jekk il-bibien tagħha ma jkunux miftuħa sew għalihom.  Dan huwa rifless tal-messaġġ nisrani u tal-avvanz li l-edukazzjoni ġiebet ukoll fil-festi tagħna.  Hemm gradwati varji li jagħtu s-sehem tagħhom fejn il-qalb teħodhom.

Iktar għajnuna
7.      Hemm għajnuna li qegħda tingħata direttament mill-Gvern, parti sew hija kontinwazzjoni u frott ta’ inizjattivi varji li nbdew taħt amministrazzjonijiet preċedenti li kienu sensittivi għal dan is-settur.  Biss hemm iktar x’jista’ jsir.  Għax huwa minnu li l-istrumenti mużikali jistgħu jinxtraw mingħajr il-ħlas tal-VAT u dik kienet u għadha inizjattiva li tagħmel il-ġid.  Biss dan l-eżempju jista’ jiżdied fuq diversi punti oħra li jagħmlu l-ġid lis-soċjetajiet varji, fosthom dak ta’ tnaqqis mill-ħlas tal-VAT fuq materjal marbut mat-tiżjin varju tal-festi, jew mal-ħlas marbut mad-diversi kirjiet li jidħlu għalihom sabiex jinħażen l-armar.

Inħarsu ‘l quddiem
8.      Dawn l-għaqdiet qegħdin jissudaw iktar.  F’dan hemm numru ta’ sitwazzjonijiet li nbnew fis-snin fil-festi prinċipali u sekondarji li jitlbu huma wkoll soluzzjoni.  Iż-żmien huwa wkoll tajjeb sabiex dak li qiegħed jistenna mill-passat jiġi solvut bid-djalogu, bl-użu tar-raġuni llum.  Għax irridu naċċettaw ir-realtà tajba li fil-futur is-soċjetà tagħna mhix sejra tmur il-bogħod mill-festi, imma iktar viċin.  Ser ikun hemm iktar bnedmin li jieħdu sehem.  Iktar persuni li jagħtu ħajja għax hemm ferm iktar motivazzjoni li hija mibnija prinċipalment fuq il-pilastru tal-altruwiżmu.  Il-verità hija li dawn l-għaqdiet qed jirnexxu fem iktar minn setturi oħra fis-soċjetà, inklużi dawk politiċi.





No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...