1.5.22

GUDJA – TRIQ SANTA KATERINA U TRIQ ID-DEJQA – XOGĦOL

 

 

24033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra għaliex ix-xogħol fi Triq Santa Katerina u Triq id-Dejqa fil-Gudja li kellhom ikunu lesti sal-aħħar tas-sena, għadhom ma humiex lesti?

 

12/01/2022

 

 ONOR. JOSÈ HERRERA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li x-xogħlijiet għadhom mhux lesti minħabba l-waqfa taż-żmien tal-festi u l-kundizzjoni tat-temp li mhux dejjem jippermetti li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa.

 

Seduta  534

17/01/2022

SANTA LUĊIJA – TRIQ DAWRET IT-TORRI – TNEĦĦIJA TA’ BLOKOK TAL-KONKOS.

  

 

24032. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra għaliex il-blokok tal-konkos li tqiegħdu fi Triq Dawret it-Torri Santa Luċija għadhom ma tneħħewx b’inkonvenjent?

 

12/01/2022

 

  ONOR. IAN BORG:  Infrastructure Malta qed twettaq proġett ta’ €2.5 miljun biex tibni mill-ġdid aktar minn żewġ kilometri ta’ toroq residenzjali f’Santa Luċija u ttejjeb il-belvedere li jħares fuq il-Wied ta’ Garnaw, b’mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti.

 

Wara li tejbet l-aċċessi ewlenin għal din il-lokalità bil-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa u bil-proġett taż-żewġ mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, l-aġenzija ikkollaborat mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija biex tibni mill-ġdid diversi toroq f’din il-lokalità. Ix-xogħlijiet prinċipali tal-proġett jinkludu l-bini mill-ġdid ta’ tliet toroq residenzjali twal li jmissu ma’ xulxin - Dawret it-Torri, Triq il-Prinjoli u Triq Katerina Vitale - li jestendu kważi żewġ kilometri mal-ġenb tal-Wied Ta’ Garnaw.

 

F’dawn it-toroq, Infrastructure Malta qed tgħaddi minn taħt l-art pajpijiet ġodda tal-provvista tal-ilma, katusi tad-drenaġġ u oħrajn għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita, kif ukoll pajpijiet għall-cables tal-Internet u telekomunikazzjonijiet oħra. Fejn meħtieġ, se ssaħħaħ ukoll il-pedamenti tat-toroq u tibni bankini ġodda, qabel ma tlestihom b’wiċċ ġdid bl-asfalt u tlesti xogħlijiet ta’ tisbieħ ieħor fl-istess inħawi.

 

It-titjib tal-belvedere tul medda ta’ kilometru fuq ix-xaqliba tan-nofsinhar ta’ Dawret it-Torri u Triq il-Prinjoli se jinkludi mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti u żoni msebbħin b’diversi siġar ġodda. Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija f’kolloaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta, iddisinja mill-ġdid din iż-żona mħaddra biex joħloq spazju ta’ rikreazzjoni għar-residenti u rotta aktar sigura għaċ-ċiklisti u dawk li jgħaddu mill-inħawi bil-mixi. Fl-2020, Infrastructure Malta ħawlet bosta siġar maturi f’partijiet differenti ta’ dan il-belvedere. L-aġenzija qed tkompli tieħu ħsieb dawn is-siġar u se tkompli ssebbaħ l-inħawi bit-tħawwil t’aktar siġar indiġeni u arbuxelli.

 

Filwaqt li x-xogħlijiet fi Triq il-Prinjoli u Triq Katerina Vitale huma lesti, bħalissa għaddejja t-tieni fażi ta’ Dawret it-Torri li parti minnha tlesiet ukoll. Il-blokki li qed issir referenza għalihom jinsabu temporanjament fil-bidu ta’ din it-triq għal raġunijiet ta’ sigurezza minħabba x-xogħol li għadu għaddej. Biex it-triq tinżamm miftuħa u l-inkonvenjent ikun l-inqas possibbli, fuq il-post qed ikun hemm ukoll uffiċjali ta’ Transport Malta biex jidderiġu lis-sewwieqa.

 

Permezz tal-istess proġett, Infrastructure Malta se tibni mill-ġdid ukoll toroq oħrajn fil-viċin, fosthom Triq Klematis u Triq Dun M. Mifsud li diġà tlestew, kif ukoll  Triq il-Ġjaċinti, Triq Mari de Domenicis, Triq Stella Maris, Triq it-Tulipan u Triq iċ-Ċikwejra. Fl-aħħar snin, permezz tal-proġett nazzjonali mifrux fuq seba’ snin għall-bini mill-ġdid tat-toroq residenzjali, l-aġenzija bniet mill-ġdid toroq oħrajn f’din il-lokalità, bħalma huma Triq Bruka, Triq il-Ġiżimin, Triq Żnuber u Triq Gardenja.

 

Seduta  534

17/01/2022

SANTA LUĊIJA – TRIQ DAWRET IT-TORRI – TNEĦĦIJA TA’ BLOKOK TAL-KONKOS.

 

 

24031. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra għaliex il-blokok tal-konkos li tqiegħdu fi Triq Dawret it-Torri Santa Luċija għadhom ma tneħħewx, b’inkonvenjent?

 

12/01/2022

 

ONOR. JOSÈ HERRERA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija li l-blokok f'din it-triq tqiegħdu minn Infrastructure Malta minħabba x-xogħlijiet li ser jibdew fit-triq imsemmija.

 

Seduta  534

17/01/2022

RAĦAL ĠDID – PJAZZA ANTOINE DE PAULE - XOGĦOL

 


24030. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22656 u dawk preċedenti, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’passi ttieħdu u meta ser jibda x-xogħol fuq il-Pjazza ta’ Raħal Ġdid? Jista’ jippre¿enta fuq il-Mejda tal-Kamra rapport aġġornat tal-istess ħsarat?

 

12/01/2022

 

 ONOR. JOSÈ HERRERA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat ix-xogħol fuq il-pjazza beda u jinvolvi titjib u tiswijiet li qegħdin isiru mill-kuntrattur oriġinali u huma sorveljati mill-perit tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta u segwiti mill-Kunsill Lokali Paola. Rigward l-ittestjar tal-porfido, il-kumpanija magħ¿ula qiegħda tagħmel l-aħħar preparamenti flimkien ma’uffiċjal ta’Transport Malta sabiex fi ftit ġranet oħra jibda l-ittestjar. Ta’ min jaċċenna li dan l-ittestjar ma sarx f’Diċembru biex ma jiddisturbax il-kummerċ u attivitajiet tal-Milied. Qiegħed ukoll inpoġġi rapport li jaġġorna l-istess ħsarat fuq il-mejda tal-Kamra.

 

Seduta  534

17/01/2022

27.4.22

FGURA – UFFIĊĊJU TAS-SIGURTÀ SOĊJALI.

  

 

23904. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni rrikorrew għand l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali tal-Fgura tul is-sena 2021 u kemm kien hemm ħaddiema fl-istess?

 

03/01/2022

 

  ONOR. ROBERT ABELA:  L-Uffiċċju Distrettwali tas-Sigurtà Soċjali tal-Fgura għadda taħt it-tmexxija ta’ servizz.gov f’Ġunju 2020. L-ammont ta’ persuni li rrikorrew ġewwa dan l-Uffiċċju fis-sena 2021 kien ta’ 4,721 filwaqt li n-numru ta’ ħaddiema jammonta għal 3.


Dawn is service hubs reġjonali huma one stop shops li minnhom jingħataw mal-1500 servizz governattiv taħt saqaf wieħed.

 

Seduta  531 

10/01/2022

 

MRI – MAGNA MA TAĦDIMX

  

 

 

23903. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23589, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jivverifika mill-ġdid billi jista’ jkun li din il-magna għad trid tiġi msewwija u jistax ukoll jikkonferma li pazjenti li għandhom pacemaker jistgħu jgħaddu mill-eżami tal-MRI taħt din il-magna partikolari?

 

03/01/2022

 

  ONOR. CHRIS FEARNE:  Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 23589, ninfurmah ukoll illi ma hemm l-ebda MRI Scanner 1.2 Tesla kif qed isemmi hu. 

Id-deċiżjoni jekk pazjenti li jkollhom pacemaker jiddaħlux fil-magna tal-MRI, tiddependi skont it-tip ta’ pacemaker li jkollhom u skont id-direzzjoni li tingħata mit-tim mediku tal-pazjent innifsu.

 

Seduta  531 

10/01/2022

 

RAĦAL IL-ĠDID – UFFIĊĊJU TAS-SIGURTÀ SOĊJALI

  

 

23902. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni rrikorrew għand l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ta’ Raħal Ġdid tul is-sena 2021 u kemm kien hemm ħaddiema fl-istess?

 

03/01/2022

 

 

 

 

 

  ONOR. ROBERT ABELA:  L-Uffiċċju Distrettwali tas-Sigurtà Soċjali ta’ Raħal Ġdid għadda taħt it-tmexxija ta’ servizz.gov f’Ġunju 2020. L-ammont ta’ persuni li rrikorrew ġewwa dan l-Uffiċċju fis-sena 2021 kien ta’ 16,511 filwaqt li n-numru ta’ ħaddiema jammonta għal 4. 

 

Dawn is service hubs reġjonali huma one stop shops li minnhom jingħataw mal-1500 servizz governattiv taħt saqaf wieħed.

 

Seduta  531 

10/01/2022

 

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...