24032. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-
Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’
l-Ministru jinforma l-Kamra għaliex il-blokok tal-konkos li tqiegħdu fi Triq
Dawret it-Torri Santa Luċija għadhom ma tneħħewx b’inkonvenjent?
12/01/2022
ONOR. IAN
BORG: Infrastructure Malta qed twettaq proġett ta’ €2.5 miljun biex tibni
mill-ġdid aktar minn żewġ kilometri ta’ toroq residenzjali f’Santa Luċija u
ttejjeb il-belvedere li jħares fuq il-Wied ta’ Garnaw, b’mogħdija ġdida
għall-mixi u r-roti.
Wara li tejbet l-aċċessi
ewlenin għal din il-lokalità bil-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa u bil-proġett
taż-żewġ mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, l-aġenzija ikkollaborat
mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija biex tibni mill-ġdid diversi toroq f’din
il-lokalità. Ix-xogħlijiet prinċipali tal-proġett jinkludu l-bini mill-ġdid ta’
tliet toroq residenzjali twal li jmissu ma’ xulxin - Dawret it-Torri, Triq il-Prinjoli
u Triq Katerina Vitale - li jestendu kważi żewġ kilometri mal-ġenb tal-Wied Ta’
Garnaw.
F’dawn it-toroq,
Infrastructure Malta qed tgħaddi minn taħt l-art pajpijiet ġodda tal-provvista
tal-ilma, katusi tad-drenaġġ u oħrajn għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita, kif ukoll
pajpijiet għall-cables tal-Internet u
telekomunikazzjonijiet oħra. Fejn meħtieġ, se ssaħħaħ ukoll il-pedamenti
tat-toroq u tibni bankini ġodda, qabel ma tlestihom b’wiċċ ġdid bl-asfalt u
tlesti xogħlijiet ta’ tisbieħ ieħor fl-istess inħawi.
It-titjib tal-belvedere tul
medda ta’ kilometru fuq ix-xaqliba tan-nofsinhar ta’ Dawret it-Torri u Triq
il-Prinjoli se jinkludi mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti u żoni msebbħin
b’diversi siġar ġodda. Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija f’kolloaborazzjoni
ma’ Infrastructure Malta, iddisinja mill-ġdid din iż-żona mħaddra biex joħloq
spazju ta’ rikreazzjoni għar-residenti u rotta aktar sigura għaċ-ċiklisti u
dawk li jgħaddu mill-inħawi bil-mixi. Fl-2020, Infrastructure Malta ħawlet
bosta siġar maturi f’partijiet differenti ta’ dan il-belvedere. L-aġenzija qed
tkompli tieħu ħsieb dawn is-siġar u se tkompli ssebbaħ l-inħawi bit-tħawwil
t’aktar siġar indiġeni u arbuxelli.
Filwaqt li x-xogħlijiet fi
Triq il-Prinjoli u Triq Katerina Vitale huma lesti, bħalissa għaddejja t-tieni
fażi ta’ Dawret it-Torri li parti minnha tlesiet ukoll. Il-blokki li qed issir
referenza għalihom jinsabu temporanjament fil-bidu ta’ din it-triq għal
raġunijiet ta’ sigurezza minħabba x-xogħol li għadu għaddej. Biex it-triq
tinżamm miftuħa u l-inkonvenjent ikun l-inqas possibbli, fuq il-post qed ikun
hemm ukoll uffiċjali ta’ Transport Malta biex jidderiġu lis-sewwieqa.
Permezz tal-istess proġett,
Infrastructure Malta se tibni mill-ġdid ukoll toroq oħrajn fil-viċin, fosthom
Triq Klematis u Triq Dun M. Mifsud li diġà tlestew, kif ukoll Triq il-Ġjaċinti, Triq Mari de Domenicis,
Triq Stella Maris, Triq it-Tulipan u Triq iċ-Ċikwejra. Fl-aħħar snin, permezz
tal-proġett nazzjonali mifrux fuq seba’ snin għall-bini mill-ġdid tat-toroq
residenzjali, l-aġenzija bniet mill-ġdid toroq oħrajn f’din il-lokalità, bħalma
huma Triq Bruka, Triq il-Ġiżimin, Triq Żnuber u Triq Gardenja.
Seduta 534
No comments:
Post a Comment