9.3.15

IL-FGURA – KWALITÀ TAL-ILMA



14849. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13616, jista’ l-Ministru jippreżenta kopji tar-rapporti li saru, peress li għad hemm ilmenti fuq il-kwalità tal-ilma fil-Fgura?

25/02/2015


  ONOR. KONRAD MIZZI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwalità tal-ilma tal-Fgura, bħal villaġġi oħrajn, tiġi ċċekjata kull xahar.

Seduta  246

04/03/2015

LAQGĦAT TAL-UNJONI EWROPEA



14848. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid f’liema laqgħat fi ħdan l-Unjoni Ewropea u taħt din il-Presidenza huwa previst li jattendi? Jista’ jindika x’hemm fuq l-aġenda preliminari tagħhom?

25/02/2015

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li filwaqt li m’attendejt ebda laqgħa fi ħdan l-Unjoni Ewropea taħt din il-Presidenza, il-laqgħat li hu mistenni, jew hemm possibbiltà, li nattendi, dejjem suġġett għall-aġenda tal-laqgħa, huma kif se nsemmi:

-          Il-laqgħa informali għall-Ministri għall-Edukazzjoni tal-UE, li se ssir fis-17 ta’ Marzu 2015, f’Pariġi. Fuq l-aġenda preliminari hemm diskussjoni u l-iffirmar ta’ dikjarazzjoni rigward il-promozzjoni ta’ ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, tolleranza u non-diskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni.

-          Il-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (Informal EPSCO Council) f’Riga, Latvia bejn l-20 u t-22 ta’ April 2015. L-Aġenda għadha ma ġietx riċevuta.

-          Il-ħames laqgħa għall-Ministri għall-Edukazzjoni tal-ASEM , li se ssir fis-27-28 ta’ April 2015, f’Riga, Latvia.  L-Aġenda għadha ma ġietx riċevuta.

-          Laqgħa tal-Kunsill tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport li se ssir fit-18-19 ta’ Mejju 2015, fi Brussel. L-aġenda preliminari qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

-          Laqgħa tal-Kunsill tal-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) fit-18 ta’ Ġunju 2015 fil-Lussemburgu. L-Aġenda preliminari qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.


Seduta  246
04/03/2015


LAQGĦAT TAL-UNJONI EWROPEA


14847. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid f’liema laqgħat tal-Unjoni Ewropea attenda s-sena li għaddiet?

25/02/2015




  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-sena li għaddiet attendejt għal dawn il-laqgħat tal-Unjoni Ewropea:

-               Il-laqgħa tal-Kunsill tal-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) li saret f’Marzu fi Brussel.

-               Il-laqgħa informali għall-Ministri għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali (Informal EPSCO) li saret f’Lulju f’Milan.

      -    Il-laqgħa tal-Kunsill tal-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) li saret f’Ottubru fil-Lussemburgu.

Seduta  246

04/03/2015

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN – RINNOVAR



14846. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid għala partijiet mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li ġew rinnovati sew, senjatament id-diviżjoni magħrufa bħala tad-debituri, mhumiex jiġu użati?

25/02/2015

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-area magħrufa bħala debituri ma kienetx qed tintu¿a peress li kien hemm nuqqas ta staff fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. F’Jannar ta’ din is-sena żidna 64 il-uffiċjal ġdid, dawn ġew ngaġġati fuq bażi ta’ full time, għalhekk din l-area reġgħet bdiet tintuża għal viżitaturi.

Seduta  246

04/03/2015

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN - ĦABSIN.


14845. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fl-aħħar tas-snin 2013 u 2014? Jista’ jindika kemm kien hemm sal-aħħar ta’ Jannar 2015?

25/02/2015

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar tas-sena 2013 kien hemm total ta’ sitt mija u ħmistax il-persuna (615), fl-aħħar tas-sena 2014 kien hemm ħames mija wieħed u tmenin (581) persuna u fl-aħħar ta’ Jannar ta’ din is-sena kien hemm ħames mija tnejn u tmenin (582) persuna.

Seduta  246

04/03/2015

L-inkwiet ma jonqosx.



1.      Għaddiet ġimgħa oħra li fiha bqajna naraw dinja mimlija b’iktar inkwiet u kumplikazzjonijiet.  Ġranet li fihom il-pajjiż tagħna waqaf jara dak li għaddej taħtna.  Dak li għaddej fil-pajjiż ġar il-Libja m’għadux is-sempliċi aħbar li ilna naraw u nsegwu jum wara jum għal dawn l-aħħar xhur twal.  Sar issa is-suġġett li n-nies fit-triq u fid-djar qed jitkellmu dwaru.  Ix-xeni li rajna ta’ bnedmin bħalna li spiċċaw inqatlu bl-aktar mod barbaru u ikrah fuq l-iskuża li huma nsara kopti.  Azzjonijiet ħżiena hekk jibqgħu u qatt ma jistgħu jiġu ġustifikati.  Biss, bejn azzjoni u diskors, daqqa f’postu u daqqa barra minn loku, in-nies f’dawn il-gżejjer qegħdin issa jinkwetaw sew.  Anke jekk hemm min talab sabiex ma jkunx hemm min jallarma ruħu, xorta waħda dan is-sentiment hemm qiegħed.

2.      Ħadd ma jippretendi li kwistjoni daqshekk sensittiva, delikata u li trid ħafna attenzjoni ssir waħda ta’ medja.  Issir waħda parlata barra b’mod li, mingħajr ma trid, tressaq lejn irresponsabbiltà.  Hawn m’għandux ikun hemm kompetizzjoni elettorali bejn dak li hu u dak li jidher li huwa.  Wisq inqas il-lok li min huwa inkwetat joqgħod iperreċ u jlablab.  Huwa l-mument tas-silenzju, fejn dak li għandu jsir isir.  U jrid isir minn min għandu fuq l-piż li jġorr is-salib tal-poter.  L-esperjenza ta’ diversi mexxejja tad-dinja dejjem indikat li jekk dan ma jsirx, allura passi foloz ikunu qed jittieħdu.  Inqas ma jingħad iktar aħjar u bir-rispett, fuq naħa wieħed irid jifhem dan u fuq l-oħra ħaddieħor ma jistax jaqa’ għal ebda tentazzjoni, imma jibqa’ marbut ma’ dawn il-pożizzjonijiet.

3.      F’dinja fejn ir-responsabbiltà mhijiex popolari u li anzi d-daqqa hija li kif inħossha rrid ngħidha, it-triq lejn l-inkwiet u d-diżastri tikber.  Il-pajjiż jippretendi iktar attenzjoni u viġilanza.  Ħadd però ma jista’ jippretendi li ser insiru xi super potenza jew li b’xi mod ser nippruvaw infendu xi boċċa viċin il-likk.  Postna ċar u ma għandniex nagħmlu minnu, fil-ħolm ta’ xi ħadd, wieħed differenti.  Kull ma nkunu qed nagħmelu huwa li nidħku bina nfusna u b’dawk li nirrappreżentaw.  Ħadd ma huwa profeta f’dak li ġej, u wisq inqas ħadd ma jista’ jippretendi li ser inkunu tant bravi li nipprevedu kollox.  Nistgħu biss inwettqu dmirna tajjeb u dan irid iktar konċentrazzjoni u wisq inqas paroli.

4.      Forsi għandi d-difett li nammira iktar lil dawk il-mexxejja li jitkellmu inqas, jiftaħru ferm inqas u minflok jaħdmu iktar u għalhekk nitkellem kif nitkellem.  Ħadd ma jista’ jippretendi li b’dak li għaddej iberraq, tħares fejn tħares madwarna, li ma għandux ikun hekk.  Għax meta tara kemm persuni qed jitilfu ħajjithom fl-Ukrajna u fil-ġlied li għaddej fis-Sirja u l-Iraq, allura bilfors tieqaf.  Tieqaf taħseb u teżamina dak li għaddej, fejn reġjuni ta’ stabilità saru instabbli.  Hemm responsabbiltajiet varji, fuq pajjiżi, popli, reliġjonijiet u mexxejja ta’ u f’diversi livelli li wasslu għal dan.  Id-dinja, sfortunatament tinqasam daqqa taħdem għall-prinċipju, u daqqa għall-interessi ekonomiċi, territorjali, militari u ta’ influwenza.  Saru diversi żbalji u qed ingawdu l-konsegwenzi tagħhom, però irridu noqogħdu attendi li ma nkunux aħna wkoll parti minnhom jew li nżiduhom.

5.      Fir-realtà, il-politika responsabbli trid tfendi għal dik li mhijiex.  Trid tara kif tkopriha u ssolvi dak li sar ħażin.  L-ordni fid-dinja mhuwiex faċli biex iżżommu.  Hemm wisq diżugwaljanzi bejn faqar, stima, libertà u drittijiet li flok aħna impenjati regolarment għat-tneħħija tagħhom qed ninjorawhom.  Il-verità hija li dawn il-problemi ma jmorrux waħdehom.  Ma jintilfux għax ninsewhom aħna.  Minflok insibu reazzjonijiet magħna.  Reazzjonijiet mhux ġustifikati, iżda li r-rimedju tad-dina għalihom huwa iktar qtil.  Iktar użu tal-armi u qerda umana.  Il-feriti li qed jinfetħu llum ser iġibu aktar inkwiet għada pitgħada.  Forsi nistgħu nittamaw li jinsabu soluzzjonijiet temporanji, biss irridu naċċettaw li mhumiex permanenti.  Ftit għadhom jaqraw l-esperjenzi passati.  Ftit mexxejja huma preparati fil-kultura politika.  Ir-riżultat huwa dejjem inkwiet u iktar minnu.  Naraw il-ġimgħat li ġejjin x’ser iġibu, però f’din l-ewwel ġimgħa tar-Randan nittamaw minn qalbna sabiex naħdmu flimkien għas-sewwa u fejn din tibqa’ tingħata l-istrumenti biex tirnexxi.



Kuntrasti tal-mument.



1.      F’dawn l-aħħar xhur, jum wara jum hemm magna li f’mumenti tixbaħ ħafna dik tal-propaganda li trid il-ħin kollu tgħidilna li kollox sejjer tajjeb f’dawn il-gżejjer.  Hemm riżultati ekonomiċi, ta’ statistika, f’numru ta’ setturi li qed iressqu lejn sitwazzjonijiet li jitolbu attenzjoni partikolari.  Dak li qiegħed iseħħ illum għandu żewġ aspetti f’din il-linja.  L-ewwel, hemm il-messaġġ li minn meta nbidel il-Gvern, l-affarijiet marru għall-aħjar.  Il-verità li ma tingħadx u ma tiġix rikonoxxuta hija li sa issa għadna bejn wieħed u ieħor għaddejjin fuq il-pedament sod li tħalla minn Gvernijiet Nazzjonalisti fis-settur ekonomiku u finanzjarju.  Il-bażi saret qabel u wieħed jifhem li l-amministrazzjoni preżenti għandha d-diffikultà biex toħloq setturi ġodda.

2.      It-tieni, hemm ukoll il-kuntrast bejn dak li jidher fuq il-karta u dak li għaddej fir-realtà ta’ kull ġurnata.  Dan il-kuntrast diġà kien qiegħed jinħass qabel.  Il-kritika, ġusta jew le, kienet li ma kenitx qegħda tasal fejn kellha tasal.  Jew aħjar, id-domanda kienet qegħda ssir fuq jekk kemm-il darba kien hemm tixrid tal-ġid nazzjonali b’iktar ugwaljanza jew aħjar b’iktar dożi ta’ ġustizzja soċjali.  Il-pożizzjoni ta’ diżugwaljanza mhix waħda li tiġi solvuta b’miżura waħda jew b’numru minnhom, iżda titlob attenzjoni kostanti.  Jekk il-figuri ekonomiċi fuq naħa huma tajbin ħafna mentri fuq l-oħra hemm l-iżbilanċ li qed jiżdiedu dawk li qed jidħlu fil-kategorija tal-faqar, naħseb li rridu naraw iktar milli qed naraw mill-istampa li qed titressaq.

3.      Ir-realtà, il-verità hija li l-kontra ta’ dak li ħafna jimmaġinaw, li meta ta’ fuq jimlew il-but allura l-ilma jibda nieżel ‘l isfel.  Is-sitwazzjoni hija f’kuntrast.  Għax kif qed naraw quddiem għajnejna, hemm min qed iġemma’ bis-serjetà u jżomm dak li għandu għalih.  La jaqsmu, anqas jagħtih u wisq inqas iħaddmu għall-oħrajn.  Il-kwistjoni li qiegħed inressaq mhix faċli.  Anzi, għal min qara jaf li hija waħda minn dawk id-diskussjonijiet li fil-bidu tal-kristjaneżmu sab lil bnedmin bħal Origene, Clement ta’ Alessandria u Tertulljanu mdaħħla sew fiha.  Hija u tibqa’ illużjoni li naħsbu li iktar ma min qiegħed fis-soċjetà qiegħed tajjeb iktar ser jikber il-pajjiż.  L-ekonomija ta’ vera, dik li tħares lejn l-aspett soċjali taf li dan mhuwiex minnu.  Il-gvernijiet tal-lum huma wisq kundizzjonati u mqegħda f’pożizzjonijiet diffiċli.

4.      Kundizzjonati li jridu jaħsbu fil-mod u fil-linja li l-kapitaliżmu modern jibqa’ jitlob.  L-aġenda mhix biex tgħolli lil min qiegħed isfel ‘il fuq, imma li tgħolli lil min qiegħed ‘il fuq iktar ‘il fuq.  Dan il-Gvern daħal huwa wkoll f’dan il-mekkaniżmu li mhux faċli li żżomm f’postu.  Sfortunatament m’għandniex diġà l-linja tal-ħsieb tagħna u naħdmu minnhom, iżda diġà qed immorru bir-rinunzja tagħhom.  Hemm abdikazzjonijiet ta’ dak li verament hemm bżonn għas-soċjetà kollha kemm hija.  Dan jidher esternament f’kuntrasti varji.  Minn naħa, kif għidna, il-Gvern jiftaħar b’dak li hemm u fuq l-oħra m’għandux mezzi li huma aġġornati u inċiżivi biex jibdel il-figuri ta’ iktar nies li neżlin ‘l isfel.

5.      Sfortunatament l-għodda prinċipali li ġiet użata f’dawn is-sentejn ma kenitx effettiva.  Il-linja kienet iktar impjiegi mal-Gvern għan-nies.  Il-qagħad naqas, ma hemmx dubju u daqshekk ieħor mhux dubitat li dan ġej għax daħlu ‘l fuq minn 4,000 persuna jaħdmu anke fejn ma hemmx bżonn.  Dan għandu żewġ żvantaġġi.  L-ewwel, ma tistax tibqa’ ssostni, sena wara sena, dħul ta’ tant nies mal-amministrazzjoni.  Qiegħed tħajjar nies f’direzzjonijiet kuntrarji.  Diversi stati marru għal dan, speċjalment f’dawk li huma sinjuruni miż-żejt.  Nafu llum l-effetti negattivi ta’ dik il-linja.  Mhux biss, imma iktar minn hekk, għandek il-problema ta’ kif iżżomm l-ispiża rikorrenti għaddejja.  Il-miżura li permezz tagħha dħalna għall-bejgħ taċ-ċittadinanza tidher li ma ħadmitx kif kellha u l-moviment inizjali tagħha qiegħed issa jmru iktar u iktar lura.  Veru wkoll li għandna iktar ossiġnu jew spazju għax preżentement u temporanjament il-prezz taż-żejt naqas u l-Unjoni Ewropea qegħda tinvesti iktar fix-xogħol.  Biss nafu li dawn jafu jkunu suffarelli li jdawlu għal perjodu, però jħalluna fid-dlam għal iktar.

6.      Hemm bżonn kontroll u għarfien tas-sitwazzjoni vera fil-pajjiż.  Dan għax hawn kuntrasti tal-mument bejn ir-realtà u l-vuċi tal-propaganda.  Il-Gvern għandu bżonn iħares lejn il-fatti.  Għandu bżonn joħroġ minn din is-“sakra” u jara biċċa biċċa dak li ġej u fejn sejjer.  Hawn dawn il-fatturi li jridu jiġu rikonċiljati aħjar.  Il-pakkett tas-salarju tal-ħaddiem ma żdiedx.  Id-dħul għal numru ta’ setturi kbar u finanzjarji minflok żdied u ser ikompli għaddej.  Il-pożizzjoni ta’ diversi tinħass li qegħda fi bżonn ta’ għajnuna b’kunċetti mhux kummerċjali jew kapitalisti.  Li tnaqqas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma huwa tajjeb, biss mhijiex il-miżura determinanti.  Il-partit fil-Gvern ikkonvinċa lil kulħadd li hekk hu, però issa r-realtà hija kompletament differenti.  Dawn huma kuntrasti tal-mument li jitolbu attenzjoni.  Hemm bżonn politika soċjali li twieġeb għal din ir-realtà.  Iktar ma ssir tajjeb u malajr tant aħjar, inkella l-kuntrasti jibqgħu hemm.





KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...