9.11.17

Ix-xenarju politiku Ingliż


 
1.      Mid-deċiżjoni politika tal-poplu Ingliż li jitlaq mill-Unjoni Ewropea, is-sitwazzjoni bdiet tiggrava ruħha biċċa biċċa.  Hemm diversi osservaturi li qed jaraw dan.  Uħud jikkummentaw, oħrajn jistennew.  Kemm f’dawn il-gżejjer qegħdin nifhmu biżżejjed l-effetti negattivi ta’ dan qiegħed, jum wara l-ieħor, niddubita.  Diġà konna tard.  Il-Gvern waqqaf Kumitat, imsejjaħ b’titolu ġenerali, “Malta-UK Business Promotion Taskforce” f’Settembru ta’ din is-sena, meta l-vot kien ilu li ttieħed u anke d-deċiżjoni politika li effettivament beda l-proċeduri legali għall-ħruġ.  Xorta huwa pass tajjeb, u wieħed jistenna pożizzjonijiet ċari.  Però, sallum għadna ma rajna ebda dokument jew linja ta’ ħidma futura.

Saħħa politika

2.      Dan għax hemm effetti diretti li ser nintlaqtu bihom.  Renju Unit li ma jkollux is-saħħa politika u l-influwenza li kellu qabel imissna wkoll.  Diġà hemm il-gravità li ser ikun hemm il-ħruġ, però dan qiegħed jiġi aggravat bil-proċess ta’ negozjar li jsid isir.  Proċess li ħa daqqa ta’ ħarta mal-elezzjoni ġenerali li nżammet din is-sena.  Il-ħsieb kien li l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru tal-Partit Konservattiv, Theresa May, kellu jissoda iktar idejh f’maġġoranza parlamentari ikbar.  Iżid in-numru ta’ deputati u allura ma jkunx hemm kwistjonijiet dwar l-awtorità, u fl-istess ħin ma jqumux inċertezzi dwar jekk il-liġijiet li jridu jsiru humiex ser jiġu approvati jew le.

Gvern ta’ minoranza

3.      Ir-riżultat kien proprju l-kontra ta’ dak li riedu jwettqu.  Flok żdiedet il-maġġoranza parlamentari, din naqset.  Illum il-Gvern huwa wieħed ta’ minoranza.  Wieħed li jnaqqas mill-awtorità tal-Prim Ministru u fetaħ il-bieb għall-kumplikazzjonijiet ulterjuri.  L-ewwel, in-numru fil-voti fil-kamra tad-deputati huma dubjużi ħafna.  It-tieni, jidher ukoll li l-kabinett qiegħed jibgħat messaġġi varji barra li jirriflettu nuqqas ta’ qbil bejn ministri varji.  It-tielet, il-proċess elettorali ssoda ħafna fil-Partit Laburista mmexxi minn Jeremy Corbyn.  Ir-raba’, kiber iktar il-biża’ li mhux ser ikun hemm ftehim finali sal-aħħar ta’ Marzu 2019.

Kritika

4.      F’dan, għalhekk, il-pożizzjoni politika tal-Gvern immexxi minn Teresa May qiegħed biċċa biċċa jiddgħajjef.  Qrajt f’numru ta’ ġurnali, tul dawn il-ġimgħat, kritika lejn il-formazzjoni tal-kabinett attwali.  Diversi membri qed jiġu kritikati apertament.  Diversi jsostnu li hemm bżonn bidliet.  Uħud jaraw il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Boris Johnson b’lenti differenti.  Hemm dawk li jridu jneħħuħ u hemm dawk li qed jarawh bħala dak li ser jieħu post il-Prim Ministru.  Is-sitwazzjoni hija issa iktar kumplikata bir-riżenja tal-Ministru tad-Difiża Sir Michael Fallon.  Daqqa ta’ ħarta iebsa għall-bniedem li għandu esperjenza politika twila fil-partit u fit-tmexxija tal-pajjiż, li huma lealissimu lejn il-Prim Ministru u magħruf li huwa fost il-ftit li żied fil-voti fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Suspetti u inċertezzi

5.      Għalhekk, f’dan ix-xenarju n-negozjati mal-Unjoni Ewropea qed jiġu kkumplikati ferm.  Diġà rajna laqgħa barra mis-soltu bejn l-istess Mary u Jean Claude Juncker, li dehret miżura straordinarja, però loġika, f’din il-pożizzjoni preżenti.  B’dikjarazzjonijiet kontradittorji fuq livell Ewropew.  Minn naħa qisu qed jiġi reġistrat progress, u mill-oħra li qishom għadhom anqas bdew.  Il-mument huwa iebes u jista’ jkun li hemm vulkan li qiegħed jiġma’ sew.  Hemm diġà suspetti u inċertezzi kbar f’x’qiegħed effettivament jiġi negozjat, f’kemm hemm parteċipazzjoni u dokumentazzjoni tajba tal-proċess.

Mozzjoni iebsa

6.      Dan wassal lejn żvilupp iktar interessanti tul din il-ġimgħa.  Maġġoranza parlamentari jidher li qed tara dak li m’aħniex, għaddiet mozzjoni iebsa li biha l-Gvern ġie ordnat jippreżenta f’kumitat speċjali 58 rapport li jingħad li ġew preparati fuq l-impatt negattiv ta’ Brexit.  Din, sal-Ġimgħa qajmet konflitt fl-istituzzjonijiet għax ir-reazzjoni inizjali ta’ numru ta’ ministri kienet li m’humiex ser jobdu dan.  Xenarju demokratiku xejn sabiħ.  Imma huwa wieħed li fih is-saħħa tal-Gvern ser titqiegħed għall-eżami.  Jekk hemm in-numri, allura ser naraw mozzjoni li tmur kontra preżentata l-ġimgħa li ġejja.  Jekk le, allura ser jinfetaħ bieb politiku ġdid li ser jagħmel il-ħajja tan-negozjar ferm u ferm iktar diffiċli.

Komunikatur dirett

7.      Dan huwa iktar kumplikat meta wieħed jikkunsidra li fid-dgħjufija ta’ dan il-Gvern qiegħed effettivament jiġi ssudat iktar il-Partit Laburista mmexxi minn Corbyn.  Partit li għandu l-problemi tiegħu biex aċċettah, però li r-riżultati elettorali sarrfuh bħala komunikatur dirett li żied fil-vot popolari.  Bniedem li sentejn ilu, f’The Economist kien ingħad dwaru: “There is nothing to celebrate abour Mr Corbyn’s elevation.  For Britain, it is a grave misfortune”.  Mhux biss, imma li kien ser ikun figura politika temporanja għax-xenarju Ingliż.  Biss, b’dak li huwa għaddej, diversi qed jarawh bħala l-bniedem li ser ikun fil-Gvern u jġib lura stabbiltà.  Iktar u iktar jekk ikun hemm mozzjonijiet ta’ sfiduċja li jġibu elezzjoni ġenerali oħra malajr.

Golden bubble

8.      Hu x’inhuwa l-progress imwiegħed għadu ma ġiex irreġistrat, u kif qalet id-deputat Konservattiva Anna Soubry: “It might prick this golden bubble, this balloon, of the promised land of Brexit”.  Xenarju li jindika li għad hemm opinjonijiet varji u li l-pożizzjoni politika mhix daqshekk soda.  Kemm dan, però qed nifhmuh aħna f’dawn il-gżejjer, ma nafx.  Kemm aħna ppreparati għal dak li għaddej għadu m’huwiex, anqas, ċar, meta wieħed jikkunsidra r-rabtiet tagħna ma’ dak il-poplu.  Il-fatt li għandna diversi ċittadini jgħixu fil-pajjiżi rispettivi, kif ukoll li l-kummerċ tagħna jiddependi, fost l-oħrajn ukoll, f’kemm hemm saħħa eknomika.  Quddiem il-fatt li x-xenarju politiku Ingliż qiegħed jinbidel, wieħed kien jistenna pożizzjoni iktar ċara u preżentar ta’ dokumentazzjoni li sallum, sfortunatament, għad m’għandniex.  Dan ma jfissirx li ma jistax isir fil-futur qrib.  Però, hemm bżonn li jsir.

     

L-Ewropa qed tinbidel




1.      Wieħed ma jistax ma jgħidx li tul din is-sena l-Ewropa rat numru ta’ bidliet interessanti fix-xenarju politiku tagħha.  L-elezzjonijiet ġenerali fir-Renju Unit f’Ġunju ħallew lill-Prim Ministru Theresa May fil-poter għall-Konservattivi, però ssoda ferm iktar il-pożizzjoni ta’ Jeremy Corbyn għall-Laburisti.  Dawk li ppruvaw iwaqqugħ għaċ-ċajt meta ġie elett, illum qed jaċċettaw li m’huwiex il-bgħid mill-poter.  It-triq għall-ħruġ ta’ dak il-poplu minn ħdan l-Unjoni Ewropea qiegħed iktar ma jmur jikkumplika ruħu.  Flok pożizzjoni ċara qed naraw instabilitajiet varji li ser jaffettwaw dak il-pajjiż, u miegħu l-ħajja ta’ diversi.  Fosthom tagħna, għalkemm il-Gvern preżenti qam tard ħafna biex jibda jistudja bir-reqqa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha.

2.      Il-Ġermanja rat hija wkoll diffikultajiet, speċjalment għall-Partit Demokratiku Kristjan, immexxi minn Angela Merkel.  L-elezzjonijiet ġenerali f’Settembru għabbewhom għal darb’oħra b’piż li jridu jiffurmaw gvern.  Din id-darba f’Parlament fejn il-partiti ż-żgħar għandhom iktar siġġijiet, u s-Soċjalisti naqqsu ferm iktar milli wieħed kien jistenna.  L-agħar li daħal partit tal-lemin estrem li huwa ovvju li ħadd f’sensih ma huwa ser jidħol f’xi forma ta’ alleanza miegħu.  Partit li l-għada tal-elezzjoni kellu, l-ewwel riżenja tal-kap tal-partit għax ma tistax toqgħod mal-bqija tal-estremisti li kien hemm.  Merkel trid tifforma gvern mal-alleati tradizzjonali, il-Liberali, u mal-partit tal-Ħodor, li ma tantx hemm rabtiet politiċi tajba.  Bidliet xejn faċli u ħadd ma jista’ jaħlef fejn sejrin.

3.      F’dan però hemm l-istabilità li l-President il-ġdid ta’ Franza, Emmanuel Macron, irnexxielu jġib f’pajjiżu.  Fl-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Lulju biddel, għall-ewwel darba f’ħafna żmien, linja li kienet ittieħdet qabel.  Il-president mhuwiex ġej minn ħdan il-partit tradizzjonali ta’ dak il-poplu.  Ġej anzi minn wieħed li ġie mwaqqaf minnu stess, Republique en Marche.  Partit li huwa iktar lejn iċ-ċentru politiku.  Wieħed b’ideat li ttieħdu in parti miż-żewġ naħat tal-Parlament.  Tul dan is-sajf xtrajt ktieb tal-istess Macron bit-titolu ‘Revolution’, tradott bit-Taljan.  Fih qiegħed insib analiżi politika interessanti tal-aspetti soċjali u ekonomiċi ta’ dak il-pajjiż.  Kif ukoll  numru kbir ta’ direzzjonijiet li huwa jħoss li għandhom jittieħdu.  Verament interessanti.

4.      Fil-fatt, ħafna mill-passi li qed narawh jieħu huma ispirati minn dawn l-ideat li huma miktuba f’dan il-ktieb.  Prinċiparjament il-pożizzjoni tiegħu dwar it-tisħiħ ta’ dak li jissejjaħ il-‘Eurozone’.  Dan, fih innifsu huwa mill-iktar pożittiv.  Ilna nisimgħu diskors negattiv u żbaljat dwar l-Ewro li kien xi żball, mentri kif nafu, m’huwiex.  Il-ħsieb tiegħu huwa li wieħed idur sabiex ikun hemm għaqda ikbar sabiex fi kriżi finanzjarja futura l-Ewropa tbati ferm inqas minn dak li kellha tgħaddi minnu ftit snin ilu.  F’dan hemm il-proposta interessanti, li naħseb li ser timxi ‘l quddiem, li jinħatar forma ta’ ministru tal-finanzi responsabbli lejn il-Parlament tal-Eurozone sabiex iħares apposta l-interessi tagħha, li jiltaqa’ almenu darba kull xahar.

5.      Il-ħsieb huwa tajjeb, però mhux neċessarjament il-miżuri kollha li qed jiġu proposti, speċjalment għall-ekonomiji żgħar bħal tagħna, meta fost l-oħrajn hemm l-aġenda li jkun hemm ċerti konverġenzi li ma jgħinux.  Biss, id-dibattitu li tqajjem ġieb ukoll fuq il-mejda l-bżonn li wieħed jagħraf iktar kemm wieħed irid jimxi flimkien u lejn fejn.  Iktar u iktar meta l-impostazzjoni tal-miżuri huma mnebbħa minn ideat li m’humiex kontrollati mill-mekkaniżmi tas-suq.  Macron jinsisti fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà iktar bejn il-Membri Stati.  Kif ukoll f’suq liberu li jħares iktar lejn ir-regoli tiegħu biex jaffronta l-eċċessi tal-kapitaliżmu globali.

6.      Tajjeb għalhekk li wieħed isegwi sew Macron x’inhuwa jgħid u jwettaq, għax għandu fuqu ħafna responsabbiltà.  Mhux biss lejn pajjiżu, imma kif inhuma ċ-ċirkostanzi preżenti, lejn l-Ewropa.  Il-Brexit huwa proċess xejn faċli għalina lkoll.  Biss, l-effetti tiegħu huma kbar fejn, fost l-oħrajn huma li Franza ser tibqa’ l-unika vuċi tal-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tas-Sigurtà ġewwa l-Ġnus Magħquda.  Mhux biss, imma l-istabilità futura Ewropea tiddependi ħafna fuq kemm imexxi tajjeb, u kemm jagħraf dak li hemm bżonn li jsir.  Fil-verità, l-Ewropa qegħda tinbidel u aħna rridu nagħrfu ż-żminijiet li ġejjin għalina.  Dawn l-istati, tul dawn is-snin għarfu ħafna drabi l-pożizzjonijiet partikolari tagħna u tawna appoġġ.  Huwa essenzjali għalina li f’dan kollu nibqgħu naraw li waqt li dan il-kontinent jikber u jissoda, aħna nipproteġu sewwa l-interessi tagħna.  Fuq kemm dan isir tajjeb tiddependi l-ħajja soċjo-ekonomika tagħna, il-paċi, u l-progress li gawdejna.

7.11.17

KAPITOLU 291 TAL-LIĠIJIET TA’ PAJJIŻNA – TALBIET TA’ PETIZZJONIJIET



2202. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm tressqu talbiet ta’ petizzjonijiet taħt is-sistema kif inhi stabbilita fil-Kapitolu 291 tal-Liġijiet ta’ pajjiżna tul is-sena li għaddiet? Kemm minnhom daħlu direttament u elettronikament? Kemm minnhom ġew milqugħa u kemm ġew miċħuda?

01/11/2017

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li b’kollox dahlu 34,379 petizzjoni. Is-segwenti tabella turi informazzjoni iktar dettaljata.

Decision
Online
Manual
Total
Accepted by BOP
9,996
5,543
15,539
Accepted Partially by BOP
388
485
873
Refused by BOP
7,090
8,857
15,947
Not Taken Cognisance Of
1,043
437
1,480
Pending Decision
27
513
540
Total Registered
18,544
15,835
34,379

Seduta  48
06/11/2017



ĦAL TARXIEN – TRIQ IL-FIERES – STAT U KUNDIZZJONI



2200. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stat u kundizzjoni tinsab Triq il-Fieres Ħal Tarxien u jekk kemm-il darba huwiex ser isir xi xogħol fuqha fil-futur?

01/11/2017

  ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li se ssir spezzjoni fit-triq imsemmija biex ikun determinat il-kundizzjoni tagħha.

Seduta  48
06/11/2017

ŻEJTUN – TRIQ ALFREDO CACHIA ZAMMIT - XOGĦLIJIET



2199. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju tinsab it-tiswija ta’ Triq Alfredo Cachia Zammit Żejtun u jista’ jindika l-ispejjeż li ntefqu sa issa?

01/11/2017

  ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ Transport Malta li jikkonsisti f’culvert għall-ilma tax-xita u l-bini mill-ġdid tat-triq beda ftit tal-ġranet ilu u sa llum intefqu madwar Eur 100,000. Ix-xogħol prinċipali li sar fix-xhur li għaddew kien qed isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma; u għal dan nitolbu jagħmel il-Mistoqsija lil Ministru kkonċernat.

Seduta  48
06/11/2017

RAĦAL ĠDID – TRIQ ĦAL LUQA – SPIŻA FINALI




2198. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienet l-ispiża finali sabiex Triq Ħal Luqa Raħal Ġdid tiġi rranġata?

01/11/2017



  ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiza finali sabiex Triq Ħal Luqa, Raħal Ġdid tiġi rranġata kienet ta’ €351,729.51.

Seduta  48
06/11/2017

ĦAL TARXIEN – TRIQ PALMA – SPIŻA FINALI


2197. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienet l-ispiża finali fuq Triq Palma ĦalTarxien?

01/11/2017

  ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża finali fuq Triq Palma, Ħal Tarxien hi ta €120,348.85.

Seduta  48
06/11/2017

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...