12.7.17

Għal ġustizzja soċjali


 
1.      Kampanji elettorali rajt għaddejja.  Drabi bħala spettatur, oħrajn bħala partiċipant attiv.  Kull waħda għandha l-istorja partikolari tagħha.  Biss, għalija kull waħda kienet imnebbħa minn prinċipji ċari.  Intenzjonati biex permezz tagħhom wieħed, l-ewwel, jgħin lil min huwa fil-bżonn, lil min qiegħed ‘l isfel fis-soċjetà tagħna, u t-tieni, sabiex permezz tagħhom iservi sew u b’lealtà l-pajjiż li nħobbu lkoll.

2.      Kull darba li ħadt sehem dirett ħassejt dejjem li qiegħed nagħmel dan sabiex inkun strument għas-sewwa.  Wieħed li bih id-diversi bnedmin f’din is-soċjetà nkun nista’ ngħin biex il-ħajja tagħhom tinbidel u jkollhom futur aħjar milli għandhom.  Il-kampanja tiegħi, snin wara snin, tiddependi mit-tħabbit fuq il-bibien tad-djar.  F’kull okkażjoni stajt immiss ma’ dak li l-poplu qiegħed iħoss u x’inhuma l-prijoritajiet veri tiegħu.

3.      F’din il-kampanja missejt ħafna mal-kwistjoni tal-korruzzjoni.  Però missejt ukoll mal-istat soċjali ta’ diversi.  Laqtuni b’mod dirett tlett kategoriji partikolari.  L-ewwel: id-diversi ħaddiema li jinsabu fi stat ta’ prekarjat.  Dawk li qegħdin jaqilgħu madwar sitt mitt ewro fix-xahar u jbatu sew biex jgħaddu.  Dawk li jinsabu f’kumpanniji li qegħdin biċċa biċċa jibgħatu l-messagg, volontarjament jew involontarjament, li ma hemmx futur għalihom.

4.      Missejt ħafna mal-pensjonanti li, għalkemm ilkoll naċċettaw li żdiedu fin-numru, huma fir-realtà mhux kurati biżżejjed fil-bżonnijiet veri tagħhom.  Il-maġġor parti tagħhom sibthom jilmentaw, ġustament, li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja bil-pensjoni.  Sibt kategorija ta’ dawk li għandhom mard partikolari li jridu jixtru, xahar wara xahar, mediċini li mhumiex irħas.  Sibt diversi oħra li jew għax romlu, jew għax ma tħallsulhomx il-bolol kollha, għandhom inqas dħul fil-pensjoni tagħhom.  Iltqajt ma’ ħafna sitwazzjonijiet speċjali oħra li jridu jiġu eżaminati u, nittama, solvuti.

5.      Ma nistgħux naċċettaw li bnedmin f’din il-fażi tal-ħajja ma nisimgħux il-karba tagħhom.  Bħalma anqas ma nistgħux ma nħossux dak li persuni bi bżonnijiet speċjali għaddejjin minnu.  Iltqajt ma’ ħafna ġenituri li spjegawli l-pożizzjoni tagħhom.  Fhimt li minkejja l-isforzi li saru u l-avvanzi, hemm pożizzjonijiet ġodda li flok bihom qed nassiguraw ugwaljanza, qed inġibu forom ġodda ta’ diżugwaljanza.  Irid isir iktar xogħol fuq dan is-settur u fih irridu nifhmu iktar lejn fejn sejrin.

6.      Sibt ferm iktar bnedmin li qegħdin fil-parti ta’ isfel fis-soċjetà.  Hemm ħafna oħra li għandhom bżonn għajnuna mill-Istat biex jgħixu ħajja deċenti.  Hemm lokg ħal iktar ħsiebu miżuri li jwieġbu għar-realtajiet li qed jiżviluppaw.  Il-verità hija li f’dawn l-erba’ snin għandna qasma ikbar bejn min huwa fuq u min huwa taħt.  Diversi drabi smajt lill-Gvern preżenti jiftaħar kemm “tneħħew” persuni minn fuq il-benefiċċji soċjali u jiġġustifika dan billi jgħid li hija rebħa għall-klassijiet li huma komdi.

7.      L-opinjoni fit-triq hija li l-partit fil-poter tilef l-ideali u l-prinċipji tiegħu.  M’għamilx politika bażata fuq il-ġustizzja soċjali, wisq inqas f’xi forma ta’ soċjal-demokrazija.  Ħalla lil kulħadd għal rasu, u l-linja kienet fuq il-lemin; liberalista sabiex togħġob lil dawk li għandhom.  It-tmexxija preżenti tilfet kull għeruq li seta’ kellha mal-passat.  Tilfet ġewwa fiha politiċi li trabbew differentement.  Tilfu l-polz veru tal-poplu, speċjalment dawk li huwa l-iktar ‘l isfel.

8.      Dawk li qegħdin ‘l isfel qegħdin ibatu u hemm bżonn iktar bnedmin fil-klassi politika li jaħdmu biex dan jiġi mibdul.  F’dan kollu, meta ndur fuqi nnifsi u nistaqsi, nifhem iktar dak li jien u dak li jmexxini.  Nibqa’ deċiżament demokratiku-Kristjan.  Nibqa’ ffurmat li naħdem favur min huwa ‘l isfel fis-soċjetà.  Nibqa’ anzi nsib skop ikbar f’ħajti li nassigura li f’din is-soċjetà li tfittex is-sewwa li nara l-ġustizzja soċjali tiġi mwettqa verament.  Huwa f’soċjetà ġusta li l-pajjiż jikber.  Fejn hemm l-inġustizzja, fejn hemm it-tqassim inġust tal-ġid komuni, fejn hemm il-korruzzjoni, il-pajjiż minflok imur lura u jitkisser.  Għalhekk nieħdu sehem fil-ħidma politika proprju biex nassiguraw is-sewwa, il-ġustizzja soċjali, il-paċi u l-istabilità.

Mhux fit-Tul.



 
1.      Tul din il-ġimgħa nbeda l-proċess lejn l-għażla ta’ Kap ġdid tal-Partit.  L-Eżekuttiv iffissa ż-żmien li hemm bżonn sabiex naqbdu din it-triq xejn faċli.  Anzi, hija waħda mill-iktar diffiċli, li però rridu nassiguraw li ssir u li ssir tajjeb.  Għandna dmir mhux biss lejn dawk li jħobbu ‘l-Partit Nazzjonalista, imma iktar minn hekk lejn il-pajjiż tagħna li għandu bżonn ikollu alternattiva kredibbli fis-snin li ġejjin.  Oppożizzjoni li hija preparata, jekk hekk fdata, li tieħu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejha.

Membri Parlamentari

2.      Sal-24 ta’ Ġunju, meta l-Parlament qed jiġi msejjaħ, għandna nkunu nafu wkoll min huma l-bnedmin li ser ikunu parti mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.  Fil-pożizzjoni preżenti, huma dawn il-bnedmin li jridu jieħdu l-mazz f’idejhom biex jibdew jagħrfu min għandu jkun il-persuna li kapaċi jmexxi.  Hemm huwa l-post fejn għandna naraw il-bidu lejn djalogu intern.  Dibattitu fejn nibdew nidentifikaw il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħna individwalment u kollettivament.

Kumitati u tesserati

3.      Fl-istess waqt irridu, fis-sezzjonijiet tagħna nibdew inwasslu l-għarfien sħiħ tal-għażliet li ser ikollna quddiemna u x’toroq, din id-darba bl-istatut preżenti, ser jittieħdu.  It-tesserat ma nistgħux nippretendu li ser ninvolvuh biss fl-aħħar, imma rridu nassiguraw, minn kemm jista’ jkun fil-bidu, l-ewwel il-parteċipazzjoni tiegħu; u t-tieni, l-għarfien sħiħ ta’ dak li ser ikun għaddej.  Nidentifikaw il-miri tagħna.  Nassiguraw proċess demokratiku b’saħħtu.

Toroq ġodda

4.      Irridu f’dan ninqatgħu minn toroq passati.  Hemm bżonn niddiskutu iktar li għandna nimmiraw sabiex, possibilment ikollna pożizzjoni unitarja fejn ikun hemm, kemm jista’ jkun, qbil sħiħ.  L-esperjenzi ta’ qabel ipproduċew żewġ forzi interni li damu snin biex jirrikonċiljaw ruħhom, fejn l-attentati lejn min kellu l-poter qabel li jagħżel id-dixxendent midluk tiegħu ma naqsux.  It-tama u d-direzzjoni tiegħi hija li kemm jista’ jkun jirnexxilna u ma nimxux bil-ħsieb li huwa inevitabbli li jkun hemm min “rebaħ” u min iħossu li “tilef”.  Bħalissa lkoll telliefa, u dan huwa proċess li jista’ jġibna lkoll f’pożizzjoni differenti.

Okkażjoni unika

5.      Hija okkażjoni unika f’mument partikolari li tqiegħed għalina li bih nistgħu nibnu verament mill-ġdid.  Biss, dan jista’ jsir ‘il-bgħid minn egoiżmu, individwaliżmu jew protagoniżmu politiku.  Ngħid dan iktar u iktar fil-kuntest sħiħ ta’ partit li għad għandu fih min ma fehemx li m’aħniex dak tal-Gvern.  Il-pożizzjoni b’saħħitha u konsolidata tal-Partit Laburista mill-2009 titlob li dan jidħol sewwa f’ras xi wħud.  Li jmissu mar-realtà politika.  Jekk irridu nibdew it-triq lura rridu nibdlu kompletament l-istrateġija u t-tattika tagħna.

Bnedmin ta’ rieda tajba

6.      Il-proġett tagħna mhuwiex faċli, però proprju għalhekk li għandna nifhmu li ħaqqu l-ħin u d-dedikazzjoni tagħna.  Hija sfida li qed issejjaħ bnedmin ta’ rieda tajba biex jidħlu magħna għaliha.  B’dak li għaddej, il-pajjiż jixraqlu Oppożizzjoni preparata.  Jixraqlu bnedmin preparati sabiex jibdlu dak li mhuwiex isir tajjeb. Jixraqlu partit li jirrappreżenta l-valuri demokratiċi n sara li, jingħad x’jingħad, kienu huma li biddlu effettivament il-pajjiż u s-soċjetà tagħna.

Umiltà u attenzjoni

7.      Għandi iktar xi ngħid.  Biss, mhux ser nikteb fit-tul għax mhux il-mument.  Issa, iktar minn qabel, huwa dak tal-ħsieb tajjeb u tal-azzjoni li tixraq.  Iebsa kemm hi iebsa, aktar ma nġibu ruħna lkoll biex nimxu ‘l quddiem, aktar aħjar.  Kliemi u ħidmieti, f’dan il-mument jingħaqdu ma’ ta’ oħrajn sabiex nassiguraw din il-bidla.  Waħda li fil-kuntest storiku partikolari hija neċessarja, li għandna ssir b’umiltà u attenzjoni.



6.7.17

Diskors tal-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici – Seduta tal-Erbgħa, 5 ta’ Lulju 2017.



Abbozz Nru 1 - Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet oħrajn
 

Mr Speaker, dan huwa abbozz ta’ liġi illi huwa wieħed illi huwa pjuttost kontroversjali fil-pajjiż.  Però f’din il-Kamra, fortunatament hawn ċertu għaqda dwaru.  Jiena nersaq biex nitkellem dwar dil-ligi bl-iskop prinċipali li wieħed jipprova iċaqlaq għall-aħjar l-abbozz ta’ ligi x’fih u x’ma fihx.  U dan prinċiparjament għax meta taqra l-abbozz tal-liġi mill-aspett legali ssib li dan l-abbozz ta’ liġi seta’ ġie preparat aħjar.  Seta’ kien hemm linja differenti minn dik li ttieħdet.  Irrid ngħid illi bil-liġi nistgħu nagħmlu li rridu.  Fiż-żminijiet konna niġu mgħallma li l-liġi għandha l-kapaċità li dak li hu abjad tgħidlu iswed u dak li hu tond tgħid li hu kwadru.  Però rridu naċċettaw li l-liġi mhux daqshekk omnipotenti.  Kultant il-kliem ma jbiddilx il-fatti.  Il-Ħabs jibqa’ l-Ħabs, avolja nsejħulu “il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin”.  Irridu għalhekk inħarsu lejn il-bniedem, x’inhu l-bniedem, f’hiex kien il-bniedem u f’hix inhu l-bniedem illum.

It-tendenza li l-bniedem jorbot id-destin tiegħu ma’ ta’ pesuna oħra, setgħet kienet ta’ mara u setgħet kienet ta’ raġel, ilhom jeżistu.  Raġel ma’ mara kienu jgħidlu ‘żwieġ’, raġel ma’ raġel kienu jgħidulu ‘ħbiberija’.  Meta nsemmu din il-ħbiberija, żwieġ, il-fatt antropoloġiku jibqa’ dejjem l-istess.  Din mhux ħaġa ta’ partiti.  Hija materja li tisboq kull diviżjoni, anke dik reliġjuża.  Il-bniedem u ż-żwieġ kien qabel il-Knisja u l-Islam.  Mhix kwistjoni tal-konservattivi u l-liberali.  Jiena la jien konservattiv u lanqas liberali.  Jien demokristjan bħal Moro u bħal Merkel.   

Però altru nirrikonoxxu bħala stat ċivili r-rabta bejn persuni tal-istess sess u altru tqis din ir-rabta bl-istess mod bħal żwieġ bejn persuni ta’ sess divers.  X’inhu hawn l-interess tal-komunità li aħna hawn għandna l-obbligu li nħarsu lejh?  U dan inħoss li l-liġi mhix qegħda tindirizzah.  Il-liġi qegħda tħares lejh biss minn aspett kosmetiku, minn aspett li tbiddel sempliċement in-nomenklatura u mhix qegħda tidħol fil-fond ta’ x’sewwasew hija r-realtà.  Dwar iż-żwieġ ta’ persuni ta’ sess divers, il-komunità għandha interess, mhux biss għall-istabilità u l-paċi sentimentali, iżda wkoll għaliex il-prokreazzjoni ssostni l-bilanċ tal-ġenerazzjonijiet li huwa vitali għall-ħajja tan-nazzjon.  Iż-żwieġ ta’ persuni ta’ sess diversi huwa għalhekk indispensabbli għall-kontinwazzjoni tal-komunità.  Altru tagħti rikonoxximent tad-drittijiet bejn min jingħaqad f’unjoni li tixtieq tissejjaħ żwieġ, u altru l-mod ta’ kif din il-liġi qegħda tagħmel dan.

U dan huwa l-punt li lili jressaqni biex b’umiltà, hawnhekk niġi biex ngħin biex din il-liġi timxi pass ‘il quddiem u nittama li l-Gvern ma jkomplix iwebbes rasu, kif qed naraw fil-gazzetti, u jiċċaqlaq.  Għax altru tbiddel il-kliem u altru tbiddel ir-realtà.  Il-figura ta’ omm u ta’ missier m’għandhomx jiġu mdgħajfa, anqas imneħħija, imma mħollija kif inhuma.  Imħollija kif inhuma proprju aħna li aħna pajjiż fil-Mediterran, aħna poplu fejn l-omm hija sagra.  X’inhuma l-ewwel oġġetti li nstabu fit-tempji Neolitiċi?  L-ewwel oġġetti li nstabu fit-tempji Neolitiċi huma dawk ta’ omm fertili illi tagħti l-ħajja.  Napprezza li hemm pajjiżi Nordiċi li għandhom ideat u kulturi differenti.  Però, kif l-esperjenza turini, mhux dejjem dak li jingħad f’pajjiżi oħra jagħmel sens f’pajjiżi differenti, u ħafna drabi, dak li jingħad f’pajjiżi oħrajn, f’pajjiżna mhux dejjem jagħmel sens.  U allura, li tneħħi l-isem ta’ ‘omm’ u l-isem ta’ ‘missier’ minn ġol-liġi hija żbaljata bħala prinċipju.  Mhux għax inti qed tnaqqas li l ħaddieħor milli jidħol, jew li tagħti rikonoxximent lil ħaddieħor at par, imma li tnaqqashom huwa żball.  Is-suċċess tal-liġi jiġi f’dan mhux biss mill-maġġoranza parlamentari, li hawn jidher li hawn maġġoranza parlamentari, imma iktar minn dan, mill-aċċettazzjoni tal-poplu.  U l-poplu hemm barra, minn dak li jiena rajt u minn dak li jiena smajt, hawn reżistenza għat-tneħħija ta’ dawn iż-żewġ kunċetti fundamentali tal-missier u tal-omm.

Sfortunatament, din il-liġi fir-realtà mhix qed tagħmel ebda avvanz partikolari għal dal-kunċett illi tgħid li unjoni ċivili issa qed tirrikonoxxiha bħala żwieġ.  Infakkar illi meta għadda l-Att dwar l-Unjoni Ċivili, f’dak l-Att dwar l-Unjoni Ċivili kien hemm l-artikolu 4 li jgħid ċar: “Ħlief kif provdut f’dan l-Att, unjoni ċivili darba tkun reġistrata, għandha mutatis mutandis ikollha l-effetti u l-konsegwenzi li jikkorrispondu fil-liġi taż-żwieġ ċivili f’dak l-Att”.  Jiġifieri l-punt kien diġà sar.  

Issa, meta taqbad dan l-abbozz ta’ liġi ssib li bażikament kull ma qiegħed tagħmel huwa li tneħħi barra l-kelma ‘missier’ u ‘omm’ mill-Kodiċi Ċivili, mill-Kodiċi Kriminali, mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, għalkemm meta teżamina l-liġi ssib illi tneħħiet minn ftit artikoli f’dawn il-Kodiċijiet, għax hemm diversi liġijiet oħrajn fejn fortunatament ir-raġel u l-mara huma msemmijin, u fortunatament din il-liġi ma missithomx.  Imma llum il-ġurnata naħseb li hemm barra rridu naċċettaw li qed nibgħatu ftit messaġġi illi huma differenti mis-soltu, għax qegħdin ngħidu li issa hawn tlett forom ta’ għaqdiet: għandna l-unjoni ċivili, għandna l-koabitazzjoni u għandna ż-żwieġ, u naħseb illi dawn it-tlett kunċetti għandhom varjetajiet legali tagħhom illi din il-liġi mhix qegħda tindirizza, u naħseb li din il-liġi, jekk hi vera liġi li qegħda tipprova ġġib lill-persuni li għandhom l-istess sess li jingħaqdu, u ssejħilhom ‘żwieġ’, għandha ġġib l-istess drittijiet u l-istess pożizzjonijiet li għandhom fiż-żewġ kunċetti l-oħrajn, li dil-liġi ma tagħmilx.

F’dan irrid ngħid li anqas hija feliċi li tintuża l-kelma ‘konjugu’ jew ‘konjuga’.  Dawn il-kliem jeżistu f’ċerti dokumenti fit-traduzzjoni tal-acquis communitaire tagħna, però fis-sistema ġuridika tagħna rarissimi li jeżistu.  Il-kliem ‘konjuġi’ jeżistu, u meta tara d-dizzjunarji tagħna ta’ Erin Serracino Inglott u ta’ Aquilina ssib li l-kelma ‘konjuġi’ hija biss indirizzata għal ħaġa waħda: bejn il-miżżewġin li huma ta’ sess differenti.  Allura hi ftit paradossali li inti tagħmel il-liġi biex iġġib l-ugwaljanza, suppost bejn in-natura differenti taż-żwiġijiet billi tuża kelma li paradossalment hija waħda li hija użata għal żwiġijiet bejn mara u raġel. 

Mhux biss, imma huwa wkoll stramb kif qed jiġu emendati l-artikoli 73, 70, 77A, 77B u 77C tal-Kodiċi Ċivili.  Dawn huma artikoli illi ilhom hemm ċertu żmien.  Jiena nammetta li kont għamilt ċerti emendi għalihom, senjatament għamilt l-emenda li daħħalt id-DNA testing fil-liġi.  Id-DNA testing daħħaltu jiena, però huwa żball illi, per eżempju, għan-nom ta’ din il-liġi, inneħħu barra is-subartiklu (1) tal-artiklu 70 minn kif inhu llum. Dan jgħid: “Raġel jista’ jiċħad li jagħraf it-tifel imnissel matul iż-żwieġ jekk jipprova li fiż-żmien bejn 300 jum u 180 jum qabel it-twelid hu kien fl-impossibilità fiżika li jgħix ma’ martu, jew inkella li kien mifrud minn ma’ martu, jew inkella li kien hemm l-impotenza, jew inkella li kien hemm adulterju”.  Wieħed l-argument jiġi, mela la qed indaħħlu d-DNA testing dawn m’għandniex bżonnhom iktar.  Din il-konsiderazzjoni aħna ħadniha meta ġejna biex nagħmlu din l-emenda.  Il-verità hija li fl-Ewropa u fid-dinja għandek diversi ġurisdizzjonijiet legali illi d-DNA testing jista’ jittieħed biss jekk il-persuna taċċetta li tagħti dawn il-blood samples.  U allura huwa żball illi din il-parti tal-Kodiċi titneħħa barra, għax għadha rilevanti llum, speċjalment meta jkollok koppja li titlaq tarbija f’ġurisdizzjoni differenti illi fiha ma hemmx id-DNA testing li jsir bilfors.

U lanqas tagħmel sens, għax dawn huma artikoli tad-denegata paternità, jiġifieri xi ħadd illi l-mara tiegħu ħarġet tqila minn raġel ieħor.  Issa, x’inhuma ċ-ċirkostanzi illi f’koppja tal-istess sess jistgħu jirriżultaw dawn, jiena ma nistax nifhem.  U għalhekk ma nistax naqbel illi dawn l-artikoli jiġu mneħħija mill-Kodiċi Ċivili tagħna, u lanqas li jiġu mċaqilqa jew b’xi mod emendati mill-mod ta’ kif ġew emendati.  U din il-liġi naħseb li hija liġi illi, bir-rispett kollu, ma rridx ninsulenta lil ħadd, però saret bl-għaġġla,  saret bl-għaġġla.  U rrid infakkar illi llum għandna żewġ eżempji kif l-Att dwar l-Unjoni Ċivili ġiet mibdula għal żwieġ.  U dan għandna l-eżempju tal-Ingilterra u l-eżempju ta’ Franza.  Ħa nsemmu l-eżempju tal-Ingilterra.  L-Ingilterra kellhom is-Civil Partnership Act, li saret fl-2004.  Fl-2013 għamlu proċess biex ibiddlu l-liġi.  X’għamlu?  Għamlu konsultazzjoni pubblika ta’ sena biex il-poplu kollu jipparteċipa fiha.  Mhux biss.  Taw id-dritt illi membri parlamentari kollha jitkellmu fuqha kemm riedu, kemm għamlu emendi, fil-Commons u fil-House of Lords, però prinċiparjament ma neħħewx l-isem ta’ ‘a man and a woman’. Fil-fatt, l-artikolu 3 li jemenda l-artikolu 26 tan-1949 Marriage Act jgħid hekk: “Marriage of a man and woman, marriage of same sex couples”.  Issa ma nistgħux ngħidu li l-Ingilterra mhuwiex pajjiż matur, u lanqas ma nistgħu ngħidu li l-Ingilterra mhuwiex viċin tagħna fuq diversi kunċetti.  L-eżempju li ġie segwit minn naħa l-oħra huwa, sfortunatament, l-eżempju li segwa l-Gvern Franċiż ta’ François Hollande li fi Franza ddeċieda li jneħħi barra l-isem ta’ mara u ta’ raġel, u għal dan kellu dimostrazzjonijiet kbar kontra tiegħu.  U x’ġara lill-Partit Soċjalista?  Kulħadd imiss l-injam.  Minn 283 deputat, illum għandu 35 deputat fil-Parlament Franċiż.  Dan hu l-eżempju li l-parti l-oħra qegħda tieħu.  U għandna quddiemna żewġ mudelli, li faċilment nieħdu l-ewwel wieħed u ma nweġġgħux is-sentimenti. Sfortunatament, m’aħniex qegħdin nifhmu li hemm barra hemm sentiment qawwi tan-nies, sija Laburisti, kif ukoll Nazzjonalisti li huma kontra li mhux ikun hemm drittijiet għal persuni tal-istess sess, mhux illi tiġi ameljorata l-pożizzjoni tagħhom, mhux li tingħata d-dinjità li ħaqqhom, imma illi l-ismijiet ta’ ‘omm’ u ta’ ‘missier’ jitneħħew, l-iktar anke miċ-ċertifikat tat-twelid.  Iċ-ċertifikat tat-twelid li kif qed jiġi emendat qiegħed ineħħi dan il-kunċett ukoll, u hemm barra nistqarr li qed niltaqa’ ma’ rabja kbira fuqha din, li naħseb li aħna ż-żewġ naħat tal-Kamra għandna nindirizzaw.

Mr Speaker, din il-liġi, meta tagħsarha, wieħed kien jistenna ferm aħjar minnha.  Kien jippretendi illi hija iktar mirquma u iktar maħsuba, li tkopri sitwazzjonijiet oħrajn li l-liġi ma tkoprix.  Hemm ħafna pożizzjonijiet li huma importanti għal dawn il-koppji, li l-liġi mhix qegħda tmiss, u li għada pitgħada se jkollna komplikazzjonijiet fuqhom jekk il-Gvern jibqa’ jwebbes rasu u ma jaċċettax ebda forma ta’ emendi min-naħa tagħna.

L-appell finali tiegħi huwa li filwaqt li ssir l-aħjar liġi, nittama li l-Gvern iwieġeb għal dak li qed tgħidlu l-Oppożizzjoni u jieħu ħsieb jagħmel dawn l-emendi neċessarji fejn verament hemm bżonn.  Ilna bil-Kodiċijiet tagħna għal ħafna snin, inġabret ġurisprudenza, inġabar ħafna insenjament u huwa żball li nippruvaw neradikaw dak li hemm fis-soċjeta Maltija, dak li hu aċċettat mis-soċjetà Maltija, sempliċement biex nagħmlu statement illi finalment ħafna nies hemm barra mhumiex konvinti minnu.

Grazzi Mr Speaker.

4.7.17

Irġulija, Integrità u Onestà.





1.      Proprju f’nofs din il-ġimgħa ta’ ħidma politika diffiċli u kumplikata, issejjaħ għal ħajja aħjar Pietru Pawl Busuttil.  Diversi esprimew id-dieqa tagħhom lejn dan il-bniedem uniku.  Kellu kwalitajiet speċjali li ftit oħrajn ġarrew fihom.  L-eventi umani waslu sabiex dawn jidhru fil-pubbliku u jingħataw il-ġieħ li ħaqqhom.  Pietru Pawl kellu karattru li fih kellu ġabra ta’ dawk il-valuri li jagħmlu minna poplu sod.  L-irġulija, integrità u onestà kienu nġabru flimkien biex serva bħala eżempju għal bnedmin oħra li sabu ruħhom f’pożizzjonijiet simili għal tiegħu.

2.      Il-pajjiż kien waqaf meta lejn Diċembru 1986 kien ġie arrestat u akkużat bil-qtil tal-mibki Raymond Caruana.  Iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ kienu mill-bidunett jindikaw li dan kien verament frame-up mill-ikreh li qatt ma rajna bħala f’dawn il-gżejjer.  Il-poplu tant kien ġie ferut bil-qtil ta’ Raymond, li l-Gvern ta’ dak iż-żmien ried ineħħi minn fuqu d-dell li kien inxteħet fih billi vvinta din l-istorja.  Ipprova jgħid li kien partitarju Nazzjonalist li qabad arma, spara u qatel ieħor.  Kienu żminijiet xejn sbieħ, li ħafna minna għaddejna minnhom u niftakru bi dwejjaq kbar.

3.      Kien żmien meta l-mezzi tal-komunikazzjoni kienu ftit u f’idejn il-magna tal-propaganda tal-Istat.  F’dan għalhekk, diversi persuni li kienu ġejjin mill-kamp tal-Partit Laburista emmnu mill-ewwel li dan kien minnu.  Ħbieb, ġirien u oħrajn, anke jekk kienu jafu tajjeb lil Pietru Pawl meta semgħu, jum wara jum l-aħbarijiet li bdew, komplew u kabbru din il-gidba, ġihom id-dubju u wara kkonvinċew ruħhom li hekk kien ġara.  Hekk kienet l-għajta inizjali waqt l-aħħar xhur ta’ kampanja elettorali mill-iktar iebsa, li kienet ilha għaddejja Ħadd wara Ħadd għal ħames snin u ħames xhur.

4.      Għal dawk li kellhom ix-xorti jsiru jafu mill-viċin aktar tard lil Busuttil, kienu għadhom iħossu l-effetti negattivi ta’ dak kollu li kien għadda minnu.  Minn bniedem tal-familja, ħaddiem normali, sab ruħu akkużat tant inġustament u misqi doża qawwija ta’ velenu li ulied il-ħażen jagħrfu jagħtu.  Min jiġi akkużat b’dak li ma jkunx wettaq jagħraf li anke jekk is-sewwa u l-verità huma l-armi tiegħu, irid jgħaddi minn proċessi umani oħra biex l-innoċenza tiegħu tiġi rikonoxxuta.  Pietru Pawl għadda dan il-martirju twil, twil u iebes fil-Qrati tagħna.

5.      Qrati li mertu ta’ ħidmet numru ta’ Maġistrati kuraġġużi u determinati, sar ġbir u għarbiel tajjeb tal-provi kollha diretti u indiretti li kienu ppreservaw.  Kienet il-Ġudikatura li finalment assigurat li Pietru Pawl jiġi dikjarat innoċenti u liberat.  Ma kienet faċli xejn; anzi, kien hemm ħafna ntoppi.  Solidarjetà miegħu kellu u l-poplu ġenwin kien warajh.  Biss, ilkoll nafu li t-triq huwa għadda minnha.  Kien hu li kien qed jissogra ħajtu, u magħha dak kollu li ħadem għalih.  Il-marka hemm kienet: direttament fuqu.  Il-karattru tiegħu ma kienx inbidel, però psikoloġikament l-effett hemm kien.  Dak li għadda minnu ftit setgħu jew jistgħu jifhmu jew jimmaġinaw.

6.      Imma Pietru Pawla baqa’ pożittiv u perseveranti.  Baqa’ dak li jrid jgħin, u fl-istess ħin ikompli jipprova b’mod mill-iktar ċar li huwa kien il-vittma innoċenti ta’ dak li ħaddieħor ipprova jgħaddih minnu.  Għax iktar ma wieħed jaħseb, iktar jifhem il-gravità li l-forza tal-ordni, flok tipproteġi ċittadin tassigura li ssir parti minn ħidma illegali u kriminali.  Kienet kbira li l-arma li ġiet użata fl-isparatura fuq il-Każin tal-Partit fil-Gudja ssib ruħha minn idejn il-kriminalità għal dik tal-Pulizija biex titqiegħed fil-proprjetà ta’ Pietru Pawl.  Setgħet tkun parti minn rumanz fittizju, imma f’dan il-każ kienet realtà li fortunatament inkixfet għal għajnejn id-dinja bħala mezz ieħor li l-banalità tal-ħażen twettaq.

7.      Il-ħajja, wara din il-perjodu kompliha.  Kien attiv bħala segretarju tal-koperattiva ta’ dawk li jrabbu l-majjali, kif ukoll fi ħdan il-Kunsill Lokali tar-raħal li kien iħobb, Ħal Safi.  Kien fost l-ewwel ġabra ta’ bnedmin li kkontestaw f’dak li kien pass demokratiku u parteċipattiv verament ġdid.  Fejn terġa’, il-Partit Nazzjonalista kien preżenti, mentri l-Partit Laburista għażel li jkollu membri fi ħdanu li joħorġu bħala indipendenti.  Fid-19 ta’ Frar 1994, f’raħal fejn il-votanti kienu 1102, Pietru Pawl Busuttil ġie elett f’isem il-Partit Nazzjonalista.  U għalkemm il-Partit kien tella’ żewġ kunsilliera u l-indipendenti tlieta, xorta waħda ntagħżel bħala l-ewwel Sindku.  Hekk kien jixraqlu, u hekk baqa’ għal tmintax-il sena sħaħ: jagħmel il-ġid lill-bnedmin u biddel il-post ta’ taħt fuq.

8.      Pietru Pawl Busuttil kien u jibqa’ figura nazzjonali.  Jibqa’ l-bniedem li ssielet għas-sewwa.  Kien dak li meta tiltaqa’ miegħu jew tarah għaddej fit-triq, jiġu quddiemek il-kliem: “Is-sewwa jirbaħ żgur”.  Għax kliemu kienu immirati sabiex isir dak li huwa sew, li jkun huwa strument għas-sewwa.  Għax kien imiss ir-realtà taċ-ċittadini li kien jirrappreżenta.  Jgħix u jqum magħhom.  Il-familji kien jafhom personalment.  Ma kinux numri għalih, imma bnedmin.  Il-politika tiegħu kienet fit-tul u mibnija fuq il-kelma tal-irġulija.

9.      Pietru Pawl m’għadux magħna llum, imma warajh qed iħalli wirt uniku.  Tlifnih minn magħna, imma ħajtu tibqa’ eżempju għal kull min irid jgħix u jservi lill-proxxmu fis-soċjetà.  Minn qalbi nirringrazzjah tas-sagrifiċċji kollha li wettaq u ngħaddi l-lungi giorni lill-familja kollha.








KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...