6.6.16

IMMIGRANTI IRREGOLARI




 
25868. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm persuni li kienu immigranti irregolari ġew rilokati lejn pajjiżi oħra bejn Marzu 2015 sa Marzu 2016 u jista’ jindika ta’ liema nazzjonalità kienu u lejn liema pajjiż ġew hekk rilokati?

02/06/2016

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn Marzu 2015 u Marzu 2016 ġew risistemati (resettled) 503 persuni lejn l-Istati Uniti, li minnhom 355 huma mis-Somalja, 128 mill-Eritrea, 17 mis-Sudan, 2 mill-Etijopja u 1 mill-Iraq. Dan l-eżerċizzju jsir bi sħab mal-awtoritajiet Amerikani, il-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni.

L-awtoritajiet Maltin huma mgħarrfa b’numru żgħir ta’ persuni oħra li matul dan il-perjodu ġew aċċettati minn pajjiż ieħor fuq bażi ta’ sponsorship programmes li għandu dan il-pajjiż.

Seduta  399
06/06/2016

UFFIĊĊJU TAL-AVUKAT ĠENERALI





25867. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm inġabru flus għad-drittijiet u spejjeż dovuti mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mill-bidu ta’ din is-sena sal-aħħar ta’ Mejju 2016 u possibbilment jekk jistgħux jiġu indikati xahar b’xahar?

02/06/2016
 

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor Interpellant li l-flus li nġabru din is-sena bejn Jannar u l-aħħar ta' Mejju huma ta’ € 40,585.48

Jannar:            €8,947.21
Frar:                 €9,126.76
Marzu:            €9,658.42
April:              €6,150.11
Mejju:             €6,702.98

Seduta  399
06/06/2016

KUMMISSJONI PERMANENTI KONTRA L-KORRUZZJONI – KAŻIJIET PENDENTI.


 
25866. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm każijiet pendenti quddiem il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni preżentament, u jista’ jindika wkoll kemm hemm impjegati jaħdmu mal-istess Kummissjoni?

02/06/2016

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa hemm erbatax (14)-il każ pendenti quddiem il-Kummissjoni Permanenti Kontra il-Korruzzjoni filwaqt li huwa biss is-Segretarju tal-istess Kummissjoni li huwa l-uniku impjegat.

Seduta  399
06/06/2016

REATI TA’ SERQ RAPPURTATI




25865. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew rappurtati reati ta’ serq minn Marzu 2015 sa Marzu 2016? Jista’ jindika wkoll kemm ġie kommess serq minn djar privati?

02/06/2016

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li n-numru globali ta’ serq rapportat lill-Pulizija mill-1 ta’ Marzu, 2015 sal-31 ta’ Dicembru, 2015 kien ta’ sebgħa t’elef, sebgħa mija u sitt (7706) każi,  filwaqt li mill-1 ta Jannar 2016 sal-31 ta’ Marzu, 2016 kien jammonta għal-elf, sittt mija u wieħed u ħamsin (1651) każ. Dan hu total ta’ disa t’elef, tlett mija u sebgħa u ħamsin (9357) każ, matul imsemmi perjodu.  Is-serq minn residenzi f’kull lokalita  bejn l-1 ta’ Marzu u 31 ta’ Dicembru 2015 jammonta għal-sitt mija u sitta u għoxrin (626) każ, filwaqt li bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-31 ta’ Marzu 2016 l’ammont kien ta’ mija u erbgħa u ħamsin (154) kaz.  Dan kien total ta’ sebgħa mija u tmenin (780) każ.  Informazzjoni aktar dettaljata qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Seduta  399
06/06/2016

Nieqfu naħsbu mill-ġdid




1.      Hemm mument meta wieħed jagħmel tajjeb li jieqaf jirrifletti fejn huwa sejjer u lejn xhiex.  Bħad-drabi li ssib lilek innifsek waqt li tkun qed issuq.  Kif toħroġ minn triq partikolari tieqaf biex issib quddiemek direzzjonijiet differenti, inkluża dik li ddur u tmur lura – parti minn dak li tkun diġà għaddejt.  Min jimxi mingħajr ma jaf fejn sejjer jew taħt l-impressjoni li serjasal fejn għandu, mentri ma jkunx, effettivament naħseb li jagħmel tajjeb li jieqaf.  Drabi jidħol f’dan l-eżerċizzju salutari waħdu, oħrajn jingħaqad ma’ dawk li qed jarawh miexi, imma mhux neċessarjament fil-karreġġjata tiegħu.

Id-direzzjoni t-tajba

2.      Hemm f’dan ħbieb, bnedmin bħalek li jridu jimxu miegħed fit-triq it-tajba.  Tajba għax sejra lejn is-sewwa u għax hija bażata fuq prinċipji, pedamenti politiċi b’saħħithom.  Forsi dan l-artikolu, il-bżonn tiegħu, il-preparazzjoni għalih iġibuni, ġimgħa wara ġimgħa, f’din il-pożizzjoni magħkom.  Nikteb għal dawk li jridu jimxu miegħi fil-ħsieb u għalija stess, li nipprova nieħu oħrajn li jridu jiċċaqilqu f’din id-direzzjoni li nara bħala tajba.  Dan huwa iktar importanti f’dak li rajna u qed inġarrbu tul dawn it-tlett snin ta’ din il-leġislatura.  Waħda li bdiet bi stabilità u bażi ta’ programm politiku li, sforz dak li daħlet għalih, qed issib ruħha fil-kontra.

L-influwenzi reċiproċi

3.      Kull partit irid jibni ħidmietu fir-realtà tal-ġurnata u taż-żminijiet.  Dan jgħodd għal dawk prinċipali li qegħdin fuq naħa u oħra tal-Parlament tagħna.  F’dan għalhekk, mingħajr ma jirrikonoxxu jew jafu jinfluwenzaw lil xulxin.  Aħna lilhom u bl-istess mod niġu aħna wkoll taħt din il-linja.  Il-ħidma politika titlob li bejn dak li jsir mill-oħrajn u meta wara tiġi għar-reazzjonijiet għalihom hemm bżonn li tieħu l-ħin tal-ħsieb.  Hemm in-neċessità li wieħed jieqaf jagħraf fejn sejjer.  Jekk hux fejn għandu, jekk hux fejn irid ħaddieħor, jew fejn verament irid jasal hu.  Jekk huwiex jibni jew huwiex jgħin iħott.

Vilifikazzjoni politika

4.      Il-klima politika f’din il-leġislatura qed tieħu battuti u togħmiet iebsa.  Id-diskors tal-politiċi qiegħed jiġi akkumpanjat minn oħrajn.  Minn dawk li jinsabu taħthom, ma’ ġenbhom jew li jaġixxu separatament, li jitkellmu fuq dak li qiegħed iseħħ u jużaw fih lingwaġġ li huwa għal kollox żbaljat.  Ir-reazzjoni t-tajba, demokratika għal min jikteb kontra l-politiċi jew għal min jivvilifikahom mhi faċli xejn.  L-esperjenza tgħallem li jekk wieħed iwieġeb għal azzjoni ħażina b’oħra tal-istess livell jew kalibru, allura din ma twassal imkien.  Hemm min moħħu jagħraf dan, imma billi għandu miegħu lil min għadu ġdid, mhux imbaskat, allura ma jżommx lura u, żbaljatament, jitkaxkar.

Għalfejn?

5.      Diversi persuni li jidħlu fil-kamp politiku u wara jsibu ruħhom magħżula mill-poplu f’elezzjoni ġenerali biex jirrappreżentawhom mhux dejjem ikollhom viżjoni ċara.  Hemm min huwa preparat.  Hemm min qara, għarbel u mmatura biċ-ċirkostanzi ta’ ħajtu li jagħraf fejn irid imur.  Jagħraf li l-politika hija strument għas-sewwa li trid tiġi użata b’attenzjoni.  Attenzjoni biex ma jsirux azzjonijiet żbaljati fil-konfront ta’ oħrajn.  Attenzjoni għad-dettall u għad-diffikultajiet varji li l-poplu jiltaqa’ magħhom.  Il-politika hija, jekk tippermettuli, vokazzjoni nobbli.  Meta wieħed jistaqsi lilu nnifsu għalfejn qiegħed fiha, ma jistax iwieġeb sewwa jekk mhux kapaċi jagħraf din il-missjoni.

Dawk li huma kontra

6.      Ilkoll nagħrfu li ħafna minna qegħdin preżentement jaqgħu fin-nases ta’ dawk li jridu jibgħatu l-messaġġ tal-inadegwatezza tal-politiċi u tad-demokrazija nnifisha.  Meta l-Gvern imaqdar bla sens lill-Oppożizzjoni u viċi versa, hekk inkunu qegħdin nagħmlu.  Il-poplu jimmarka f’moħħu l-azzjonijiet ħżiena u diskors dispreġjattiv u ma jiħux gost bihom.  Jitlob anzi, kif qed jagħmel illum, li joħorġu minn dan iċ-ċirku vizzjuż.  Li jibqgħu bnedmin ta’ rieda tajba li jsejħu oħrajn bħalhom biex jipparteċipaw fi stat li jemmen li għandu dmir li jwettaq is-sewwa lill-proxxmu.

Naħsbu lura u ‘l quddiem

7.      F’dan il-mument partikolari tal-istorja politika tagħna hemm diversi direzzjonijiet li nistgħu nieħdu.  L-affarijiet jistgħu jibqgħu kif inhuma għax hemm min jibqa’ jitkellem il-kontra.  Jistgħu jikkalmaw u nagħrfu li rridu ninbidlu qabel niċċaqilqu ‘l quddiem.  Jistgħu, kif qed nara preżentement, imorru ferm iktar għall-agħar.  F’din it-triq għandna warajna eżempji varji.  Insemmi tnejn tajba - għax jekk nagħżlu li mmorru lura ser insibu: l-ewwel, ħafna mumenti meta kien hemm dibattitu sod imma kostruttiv fejn ilpersonaliżmi kienu assenti; u t-tieni, l-eżempji ta’ diversi politiċi li għax għaddew u rriflettew kienu kapaċi jkunu parteċipi tal-politika tas-sewwa, anke jekk setgħu dehru jew ġew impinġija bħala dgħajfa jew qed iċedu.

Responsabbiltà determinanti

8.      Huma verament il-politiċi tal-ġurnata li jfasslu u jagħmlu l-politika.  Hija ħasra li tant bnedmin li huma preżenti fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra narahom jitkaxkru lura għal aġir xejn tajjeb.  Forsi ma jħossux biżżejjed libertà ta’ moviment jew hemm l-ostraċiżmu passat li qata’ barra lil kull min ma ġibidx il-linja.  Forsi wkoll jagħrfu li hemm dejjem parti mill-poplu li f’mument jgħajjat b’entużjażmu lejn isem min imexxi partit fil-Gvern u wieħed fl-Oppożizzjoni.  Hi x’inhija t-tweġiba, ir-responsabbiltà qegħda fuqna.  Fuq min imexxi prinċipalment.  Biss, hija waħda determinanti.  Hija hekk għax hija parti mill-pakkett sħiħ.  Nagħmlu għalhekk sewwa f’dan il-bidu ta’ dan ix-xahar li naħsbu mill-ġdid fejn aħna, u fejn għandna nkunu.

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...