17.11.11

Sitwazzjoni komplikatissima

1.    Tul dawn l-aħħar snin dan il-Gvern irnexxilu jżomm lill-poplu tiegħu protett mit-tempesti ekonomiċi li għaddejjin madwar id-dinja.  Il-Gvern għandu fuqu diversi responsabbiltajiet li mhux faċli jiġu esegwiti fil-bnazzi, aħseb u ara fil-maltemp.  Biss, dawn id-dmirijiet baqgħu jiġu esegwiti u l-persuni li jgħixu f’dawn il-gżejjer mhumhiex għaddejjin minn dak li qed ibatu minnu oħrajn.  Meta tagħti ħarsa madwarek, fil-Mediterran issib li kemm fuqna kif ukoll taħtna, ħlief inkwiet ma hemmx.  Il-finanzi tal-pajjiżi ġirien tagħna m’huma tajba xejn u qed ikollhom effetti negattivi fuq il-bnedmin.

2.    Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħra jafu l-kriżi finanzjarja xi tfisser.  Diversi tilfu l-impjieg, oħrajn għalqu n-negozju, tilfu djarhom u sabu ruħhom f’diffikultajiet kbar.  F’pajjiżna l-effett ma kienx dan.  Kellna kumplikazzjonijiet, imma f’dawn is-snin irnexxielna nibdlu dak li deher iswed fi griż.  Il-ħolqien tal-impjiegi ma waqafx, bħal ma waqafx anqas it-tkabbir ekonomiku tagħna.  Irnexxielna, b’diffikultajiet kbar, inżommu l-finanzi tal-Istat għaddejjin sabiex is-servizzi kollha li jingħataw ma twaqqfux.  Jekk popli oħra raw żidiet fl-ispejjeż għall-istudenti universitarji, aħna bqajna minflok inħallsu l-istipendji.  Jekk ħaddieħor qata’ u naqqas il-pensjonijiet, aħna rajna kif nistgħu nżiduhom.

3.    Nittama li f’dan il-poplu jkun hemm iktar persuni li jgħarfu f’kemm dan il-Gvern mexa u għadu qiegħed jimxi bilgħaqal.  Nittama li l-maġġoranza qegħa tifhem li l-kriżi finanzjarja neħħiet il-gvern fil-Greċja u fl-Italja u fi żmien ġimgħa, anke fi Spanja.  Berlusconi, Papandreou u Zapatero (l-idolu antik tal-Oppożizzjoni) ser jispiċċaw.  Il-kriżi ekonomika qegħda ġġib magħha waħda politika li qed tkompli tibgħat ir-reġjun lura fil-miri li għandu jilħaq.  M’hemmx dubju li din hija sitwazzjoni komplikatissima – waħda li lilna sejra tkompli tolqotna u żżidilna fl-isfidi li rridu naffrontaw.

4.    Il-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech għandu quddiemu xenarju xejn pjaċevoli meta jiġi biex iħabbar il-miżuri ekonomiċi għas-sena li ġejja.  Id-diskors li għada filgħaxija ser ikun qiegħed jagħmel mhux ser ikun faċli.  F’dawn is-snin li għaddew, fl-2008, fl-2009 u fl-2010 diġà rajnieh jaffronta bi kwantità ta’ miżuri dak li kien ġie fuqna u dak li stajna nipprevedu.  Dan huwa r-raba’ Budget tiegħu, però rridu naċċettaw li ser ikollu ferm iktar kumplikazzjonijiet.

5.    Il-parti ta’ fuq tal-Mediterran hi mod u dik ta’ isfel mod ieħor.  Ix-xatt l-ieħor għadu ħiereġ minn kumplikazzjonijiet oħra.  It-Tuneżija, fejn fortunatament saru l-elezzjonijiet, il-Libja li spiċċat bi gwerra ċivili u l-Eġittu li sejra lejn elezzjonijiet għadhom ma qabbdux il-magna ekonomika tagħhom.  Il-kummerċ, li magħhom kien ta’ ċertu livell, issa waqaf kompletament.  Għad fadlilhom biex jerġgħu jiġu għal dak li kienu u fadlilhom ferm iktar biex jidħlu fil-livelli għola ta’ fejn irriduhom.   Dan qiegħed jeffettwa iktar u iktar il-kummerċ fil-Mediterran u huwa ċar li dan kellu l-effetti negattivi tiegħu.  Min għadu m’huwiex konxju biżżejjed ta’ dan naħseb li hemm bżonn li jagħraf sewwa fejn qegħdin u jirrikonoxxi l-isforzi u r-riżultati li laħaq dan il-Gvern.

6.    Għada u fil-jiem ta’ wara ser ikun hemm min jipprova jnessi lill-poplu dawn il-fatti, minn dan l-istat tal-affarijiet.  Ser ikun hemm żgur attentati li jċekknu ħidmietna, ser ikollna  proposti lihuma maqtugħa mid-dinja.  Id-diskors fl-arja mhux ser jonqos.  L-isforzi tal-Ministru tal-Finanzi ser ikun hemm min jipprova jċekkinhom, biss min hu konxju tas-sitwazzjoni kkumplikatissima li għandna jagħraf il-kontra.  Jagħraf li mal-instabilità ekonomika issa żdiedet b’iktar piż dik politika.   F’dawn l-erba’ Budgets, il-Ministru rnexxielu jmexxi ‘l quddiem il-finanzi tal-pajjiż u fejn ħaddieħor qiegħed fi kriżijiet kbar, aħna bqajna għaddejjin mexjin ‘il quddiem.

16.11.11

Rispett mistħoqq

Ix-xahar ta’ Novembru f’dan il-pajjiż jibqa’ wieħed li fih niftakru u nonoraw lil bnedmin bħalna li għaddew għal ħajja aħjar qabilna.  Persuni li sawru s-soċjetà u l-familji tagħna.  Kemm hija tradizzjoni antika, waħda li jixirqilha tifħir u li għandna nieħdu ħsieb li ma nitilfux.  Ir-rispett lejn min miet għandu jibqa’ jinżamm.

Kemm ilni f’dan il-Ministeru sibt tradizzjoni fil-Korp tal-Pulizija li tiġi ċelebrata b’dinjità akbar.  Kull sena jsiru żewġ ċerimonji fl-Akkademja għall-membri li servew u li m’għadhomx magħna.  Waħda ssir viċin id-data tat-12 ta’ Lulju – Jum il-Pulizija, u l-oħra ssir fl-ewwel Ħadd ta’ Novembru.  Bħas-snin ta’ qabel, din is-sena kont preżenti għalihom it-tnejn.  Jibdew b’quddiesa fid-9 ta’ filgħodu fil-Kappella taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata u wara jsiru diskorsi qosra u tqegħid ta’ fjuri.  Kull sena nara li l-programm jiżdied bħalma anke l-parteċipazzjoni.  Passi pożittivi għax jekk ninsew lil min ta sehemu fil-passat, inkunu qed niżbaljaw.

Pajjiżna hu li hu għax għandu magħġuna fih dawn il-valuri, li jkun żball jekk jintilfu.  Fortunatament, il-Korp tal-Pulizija għadu jemmen f’dan għax ir-rispett huwa mistħoqq.

15.11.11

Budget 2012: Ġustizzja Soċjali

Minkejja d-diffikultajiet finanzjarji, dan il-Gvern baqa jżomm għoli l-valuri li jħaddan. Filwaqt li ħaddieħor wasal fil-punt li jnaqqas servizzi soċjali, jibda jżarma l-pilastri tal-“welfare state” aħna ħadna ħsieb li nkomplu nissudawhom. Għalkemm ġejna akkużati li aħna bla qalb, insensittivi u ma nħarsux id-dimensjoni soċjali, l-budget tal-bieraħ juri l-kontra. Il-prinċipji demokristjani tagħna żammejnihom sabiex inkomplu nagħmlu l-ġid. U hekk ser nibqgħu nagħmlu. Il-kriżi finanzjarja internazzjonali hemm kienet u għal issa ser tibqa magħna, però f’dan il-pajjiż l-prijoritajiet u r-ruħ soċjali hemm ser jibqgħu.

14.11.11

Il-Kumitati tal-Kamra

1.    Matul din il-ġimgħa kelli l-opportunità li nidher quddiem wieħed mill-Kumitati tal-Kamra tad-Deputati sabiex nirrapporta dwar kemm jista’ jkun punti mill-ħidma li saret tul din is-sena fis-settur tal-immigrazzjoni irregolari.  Fil-Kamra, bi qbil bejn iż-żewġ naħat, kien ġie deċiż li l-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali jkollu wkoll id-dmir li jittratta dan is-suġġett partikolari.  Fit-tlett snin li għaddew, bħala Ministru rajt żviluppi varji f’xenarji politiċi u finanzjarji li tbiddlu l-ħin kollu.  Kelli mumenti diffiċli, interessanti u rari ħafna li għaddiet ġimgħa mingħajr ma qamet xi kumplikazzjoni.

2.    Fortunatament għalija, meta ħadt il-ġurament tal-ħatra għażilt li kull nħar ta’ Tnejn niġbor f’laqgħa l-partijiet kollha li fil-Ministeru jagħtu sehemhom f’dan is-settur.  Għalkemm mhux parti minna, il-Forzi Armati dejjem attendew.  B’dan stajt ikolli kuntatt dirett ma’ dak li kien qiegħed jiġri.  Rapporti varji fuq kull parti waslu u ġew diskussi.  Mhux dejjem tifhem mill-ewwel dak li jkun qiegħed jiżviluppa, però d-diskussjoni u l-għarbiel tal-informazzjoni wassluna sabiex nieħdu numru ta’ deċiżjonijiet importanti.  Imxejna sew.

3.    Kien hemm min ipprova jieħu vantaġġi politiċi u ngħid li, sa ċertu punt, irnexxielu.  Qamu fil-pajjiż sentimenti li bħalhom ma konniex rajna qabel.  F’daqqa waħda kellna sinjali ta’ razziżmu u ksenofobija, li ma kienux faċli li jiġu kkontrollati.  Fil-poplu kien hemm mewġa ta’ biżgħat kbar li ser nittieħdu, li ser insiru kollha musulmani, li pajjiżna mhux ser jibqa’ kapaċi jieħu ħsieb li jikkontrolla.  Kienu għalija mumenti iktar diffiċli meta sibtni naffronta mhux biss dawn il-kurrenti interni, imma wkoll esterni, xi mindaqqiet minn pajjiżi oħra.  Fortunatament, dak li kien qiegħed jipprevedi ħaddieħor, ma seħħx.  Ikkontrollajna u żammejna l-pożizzjoni tagħna mingħajr estremiżmi, diskorsi populisti, ħmerijiet jew aġir anti-demokratiku u razzista.

4.    Rajna diversi persuni jaslu hawn, sija għax fil-maġġoranza salvati mill-għarqa - minn ħalq il-mewt, kif ukoll għax tilfu triqithom u spiċċaw hawn.  Lil dawn il-persuni, kuntrarjament għal dak li niġu kkritikati dwaru, minn żmien għal żmien tajnihom u għadna nagħtuhom trattament tajjeb.  Veru li għandna politika ta’ detenzjoni li hi odjuża minnha nfisha, imma fiċ-ċirkostanzi tagħna, hija neċessarja.  Ħadd li għandu ftit sens komun ma jista’ jippretendi li din ma tiġix applikata, inkella twassal għal konfużjoni soċjali li l-effetti tagħha m’humhiex żgħar.  Ma ċċaqlaqniex mil-linja politika tagħna, però ċċaqlaqna sabiex nipprovdu kundizzjonijiet aħjar.

5.    Fil-Kumitat, it-Tlieta wara nofsinhar, stajt nagħti rendikont ta’ kemm persuni ġew f’pajjiżna fl-ewwel xhur tas-sena u x’qiegħed jiġri llum.  L-istatistika turi li waslu hawn 1535 persuna, li minnhom 268 kienu nisa u 125 kienu tfal.  Fil-maġġoranza tagħhom, 411 ġew mis-Somalja, 288 mill-Eritrea, 240 min-Niġerja u 103 mill-Etijopja.  Kull min wasal għamel talba sabiex jiġi rikonoxxut bħala refuġjat.  Dawn l-applikazzjonijiet ġew, fil-maġġor parti tagħhom, proċessati mill-Kummissarju għar-Rifuġjati.  Fil-fatt, fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni hemm preżentement 682 persuna u fiċ-Ċentri Miftuħa l-figura hija ta’ 2147.

6.    Tul dawn is-snin, l-esperjenza uriet kważi l-ħin kollu li dawn il-persuni jiġu hawn però jridu jmorru f’pajjiżi oħra.  Matul dawn is-snin, numru minnhom ġew ripatrijati u oħrajn, numru inqas, marru lura minn jeddhom.  Biss, il-maġġor parti jiċċaqilqu.  Ma’ dan iżda, aħna rnexxielna nibnu ħidma ma’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti li permezz tagħha ġew rilokati f’dawk il-pajjiżi madwar 1000 ruħ, li kompla għen.  Sar ħafna xogħol li nittama li fil-laqgħat li ġejjin fi ħdan dan il-Kumitat, il-persuni li taw sehemhom u jien ninfurmaw dwaru iktar.  L-immigrazzjoni irregolari mhix ser tisparixxi.  Pajjiżna jibqa’ fiċ-ċentru tal-Mediterran u għalkemm il-volum, il-metodu u l-persuni jinbidlu, xorta waħda hemm ser tibqa’.  Irridu nibqgħu attenti, preparati u viġilanti.  Dan qegħdin u ser inkomplu nippruvaw nagħmluh.

9.11.11

Politika umana

1.    Tul dawn l-aħħar snin affrontajna sitwazzjonijiet varji fis-settur tal-immigrazzjoni irregolari.  Kellna xenarji diffiċli u kkumplikati li mhux dejjem rajt persuni jagħmlu użu mir-raġuni fi kliemhom jew ħsibijiethom.  Anzi, kien evidenti li ħafna taw il-kontribut tagħhom fil-kamp politiku  u pubbliku mingħajr ma kellhom l-ideat ċari fuq x’kienu l-punti determinanti u importanti.  Sfortunatament, ħafna qabżu fin-nofs u flok qalu dak li kellhom jgħidu bħala persuni li għandhom is-sens komun, il-valuri u mhux l-opportuniżmu, qalu diskors li qajmu r-razziżmu u x-xenofobija.  Mill-2008 ‘l hawn rajna, verament, diskors mingħajr sustanza u ebda proposta vera, proprja u konkreta.

2.    Ħadna diversi passi konkreti fuq livelli varji sabiex naffrontaw verament it-traġedja li konna qed narawha sseħħ quddiemna.  B’eluf ta’ bnedmin jaqsmu mill-ixtut Libjani fuq biċċiet tal-baħar mingħajr saħħa, ser jaqgħu l-aħħar, kont nibqa’ skantat kif kont nisma’ u naqra min kien jagħtini l-parir li m’għandniex inħalluhom jiġu hawn.  Fortunatament f’dan qatt ma ħadna deċiżjoni waħda li permezz tagħha bnedmin bħalna setgħu tilfu ħajjithom.  Għal dawn is-snin twal f’din il-mewġa, bħala Gvern kellna nikkumbattu fil-pajjiż u barra minnu sabiex inżommu għolja l-bandiera tas-sewwa u l-valuri nsara li nemmnu fihom.  Sibtni f’sitwazzjonijiet li meta dħalt fil-politika ma kontx, qatt u qatt nimmaġina li ser insibni fihom.

3.    L-immigrazzjoni irregolari ilha fuq l-aġenda tal-pajjiż u l-poplu kien wera, diversi drabi, l-inkwiet tiegħu dwarha.  Però, tul dan iż-żmien fehem li l-Gvern kellu moħħu ċar u ħa passi diretti sabiex jinstabu s-soluzzjonijiet tul dawn is-snin.  Anqas f’din is-sena, li kienet hija wkoll waħda iebsa.  Nammetti li fix-xhur li għaddew, prinċipalment wara s-17 ta’ Frar, għaddejt minn ġimgħat twal ta’ inkwiet proprju fuq dan.  Min-naħa kellna l-piż tal-organizzazzjoni interna sabiex wieħed iwieġeb għax-xenarji varji marbuta mal-aspetti umanitarji u fuq in-naħa l-oħra rajt quddiemna t-theddida ta’ mewġa ferm u ferm ikbar ta’ immigrazzjoni irregolari milli qatt konna qegħdin naħsbu.  It-tbassir kien wieħed mill-iktar ikrah li taqqalli moħħi bl-effetti u konsegwenzi li setgħu jiġru f’pajjiżi.

4.    Ħadt diversi keded fuq dan u kkumbattejna, speċjalment meta, kif għidt, il-previżjonijiet kienu ta’ eluf kbar ta’ bnedmin li jitilgħu bil-baħar jaħirbu mill-ġlied.  Nassigura li ma kienx faċli u f’xi mument forsi nikteb f’iktar dettall fuq dak li għaddejna minnu.  Anke jekk sibtni għal ġimgħat twal norqod tlieta jew erba’ siegħat mal-lejl, speċjalment meta fi ftit jiem rajt madwar elf ruħ jaslu hawn.  Biss kelli dejjem spalla b’saħħitha madwari.  Il-Prim Ministru kien gwida ċara, diretta u ta’ sostenn fil-linja li ħadt.

5.    Ippreparajna rwieħna sew għal diversi eventwalitajiet, però altru taħseb x’jista’ jiġri u altru x’attwalment tara jseħħ quddiemek.  Waslu persuni hawn u rrid nirringrazzja lid-diversi uffiċjali, diretturi u impjegati tal-Istat li raw li l-parti tagħna saret sew.  Xejn ma kien faċli.   Nirringrazzja mill-qalb il-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-perseveranza tal-uffiċjali li fi ħdan il-Gvern taw sehem.  Iktar u iktar meta f’dawn l-aħħar ġimgħat ħareġ ċar kristall li r-reġim tal-Kurunell Muammar Ghaddafi kellu id sew f’dan kollu.  Jidher li l-moviment ta’ persuni użah bħala strument politiku kontra tagħna, imma prinċipalment kontra l-Italja.  Il-bilanċ politiku li żammejna, mertu tad-direzzjoni tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi, serviena sabiex ma nipperikolawx u ma naggravawx.

6.    Għalkemm ġejna kkritikati fuq elf ħaġa u kellna diversi persuni li jikkunsidraw ruħhom bħala esperti jippontifikawlna, dan il-Gvern għamel il-parti tiegħu tajjeb.  Mertu ta’ ħidmietna, żammejna saqajna mal-art.  Persuni li ħaqqhom status ta’ protezzjoni ngħatatilhom u minn fosthom, speċjalment familji, ġew integrati f’pajjiżi oħra.  Kien hemm min ipprova jarmi jew iċekken din il-ħidma imma din irnexxiet għax kompliet tagħti futur lil min verament kien jimmeritah.  Bit-tmiem tar-reġim fil-Libja infetaħ kapitolu ġdid.  Nittamaw li dan jibdel ukoll l-immigrazzjoni irregolari sabiex jieqaf darba għal dejjem dan l-isfruttament u abbuż fuq il-miżerja umana.  Il-futur ħadd ma jafu u għalhekk ser nibqgħu għax-xhur li ġejjin impenjati u viġilanti biex inwieġbu għar-realtà tal-isfidi li dan il-moviment iġib.  Il-politika tagħna ċara kienet u hekk ser tibqa’ – waħda li tħares lejn il-valuri, id-dinjità tal-bniedem u ma tmurx lejn id-denigrazzjoni tiegħu.

7.11.11

Tibdil fil-liġi

1.    Il-proċess li permezz tiegħu nbidlu l-liġijiet, tul din l-amministrazzjoni, kien u għadu wieħed kontinwu.  Kull ministeru ħa, u għadu qiegħed jieħu ħsieb, iressaq fil-Parlament tagħna liġijiet li permezz tagħhom jiġu mibdula u riformati diversi setturi.  Anke dak li jien immexxi preżentement żamm ritmu li, biċċa biċċa, qiegħed ikompli jaħdem sabiex jagħmel il-bidliet li jħoss neċessarji.  Żammejna quddiemna l-bżonn li naħdmu b’għaqal u naraw l-esperjenzi varji biex kemm jista’ jkun dak li jkun qiegħed isir imexxi l-progress soċjali u ekonomiku tal-pajjiż fil-valur tal-ġustizzja.

2.    Ċerti tibdiliet jistgħu jidhru faċli, oħrajn insensittivi u oħrajn impossibbli, però r-realtà hija li saru b’paċenzja u attenzjoni għad-dettall.  B’dan il-proċess, li jibqa’ dejjem iħares lejn l-uman, f’dawn l-aħħar snin inbidlu diversi setturi.  Uħud wasslu għal riżultati immedjati, oħrajn ħadu l-ħin tagħhom.  L-iktar importanti hu dejjem li wieħed ma jaqtax qalbu u jibqa’ jipprova jasal biex isib soluzzjoni.  B’dan l-għan ukoll, f’dawn il-jiem ser jiġi pubblikat abbozz ta’ liġi ieħor li permezz tiegħu ser jiġu introdotti numru ta’ emendi fil-Kodiċi Ċivili.

3.    Settur li numru ta’ drabi jsib lilu nnifsu fil-gazzetti huwa dak marbut ma’ kawżi ċivili li jsiru fil-Qorti tal-Familja biex jiġu identifikati jew dikjarati legalment persuni bħala l-missirijiet bioloġiċi tal-ulied.  F’din il-Qorti jiġu ppreżentati varjetà ta’ każijiet.  Xi drabi jsiru mill-ġenituri – daqqa mill-mara, daqqa mir-raġel fiż-żwieġ, daqqa mill-missier bioloġiku u xi drabi mill-istess ulied.  Fil-passat, il-prova f’dawn il-kawżi kienet tiddependi fuq fatti esterni, xhieda u provi diretti u indiretti li mhux dejjem kienu jippermettu ġudizzju ċar.  Fil-fatt kien magħruf li anke jekk kien hemm xi indikazzjoni, ħafna drabi l-każijiet fil-Qorti kienu jibqgħu ma jsirux.

4.    F’dawn l-aħħar snin, ix-xjenza moderna avvanzat ħafna.  Permezz tat-teħid ta’ kampjuni tad-DNA, fix-xjenza deoxyribionucleic-acid, dan is-settur inbidel ta’ taħt fuq.  Filwaqt li l-iktar viċin li kellna kien it-teħid ta’ kampjuni tad-demm, li kienu għenu, biss kien magħruf li ma kellhomx ċertezza ħlief f’każijiet uniċi.  Illum, b’dan il-proċess hemm b’mod mill-iktar ċert li l-prova tar-rabta tad-demm bejn il-ġenitur bioloġiku u l-ulied.  Mhux biss dan, imma l-pendlu tal-importanza ta’ dak li s-soċjetà trid tikseb permezz tal-liġi nbidel ukoll.  Għamilna żmien li fih kien hemm iktar interess li titħares il-familja u l-preferenza kienet li, kemm jista’ jkun, ulied imwielda fiż-żwieġ jibqgħu hemm.  Dan illum inbidel ukoll – l-interess inqaleb għal fuq id-dritt li l-ulied ikunu jafu min huma l-ġenituri tagħhom.

5.    F’dawn l-aħħar ħames snin, fil-Qorti tal-Familja daħlu madwar 365 każ ġdid marbuta ma’ dawn it-talbiet.  Ovvjament, l-użu tal-eżamijiet xjentifiċi tad-DNA għamlu differenza, speċjalment fejn il-partijiet jaqblu li jgħaddu kampjuni mingħajr diffikultà.  Hemm il-kawża tintrabat u ssib mod iktar espedjenti biex tiġi magħluqa billi tiġi stabbilita b’mod ċar min huwa min.  Is-sena li għaddiet għamilna numru ta’ emendi fil-Kodiċi li permezz tagħhom estendejna ż-żmien li fih tista’ tiġi talba fuq dan is-suġġett, kif ukoll li tajna l-possibilità li l-proċeduri jsiru minn kull min għandu interess u neħħejna artikolu li kien jistabbilixxi li dak li tgħid il-mara m’għandux piż fil-prova f’kawża.

6.    Bqajna lura sabiex nistudjaw aktar fit-tul artikolu partikolari.  Illum il-Qorti għandha, f’dawn il-kawżi, sitwazzjoni fejn ma tistax iġġiegħel lill-partijiet li jagħtu kampjuni.  Il-Qorti tista’ tistieden u wara tasal għall-konklużjonijiet tagħha u għalhekk, fil-każ ta’ min ma jagħtihx, il-Qorti jkollha diffikultà biex tasal għal konklużjoni.  Fil-Ġermanja, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni hija differenti.  Hemmhekk il-qorti għandha d-dritt li tordna li kampjuni jiġu meħuda.  Dan ifisser li dawn il-każijiet jistgħu jiġu deċiżi iktar malajr u dan fl-interess tal-ulied involuti.  Bis-sistema tagħna għandna numru ta’ persuni li jibqgħu mdendlin fin-nofs.  Jafu li huma ulied ta’ persuna imma m’għandhomx dan f’ċertifikat tat-twelid.  Għalhekk, f’dan l-abbozz ta’ liġi ser nipproponu fil-Parlament li s-sitwazzjoni tiġi mibdula u l-Qorti tingħata l-fakultà li tordna.  Dan għandu jġib tibdil ieħor fis-soċjetà.  Ċert li ser ikun hemm dibattitu sod u b’saħħtu fuq dan il-punt.

5.11.11

Responsabbiltà, prudenza u esperjenza

 Dan l-artikolu kien deher fil-ġurnal Il-Mument nhar il-Ħadd 26 t'Awwissu 2011. 

1.    Ix-xenarju fil-Libja f’din l-aħħar ġimgħa biddel totalment dak li kien ilu għaddej mis-17 ta’ Frar.  Il-pajjiż verament viċin għalina ħiereġ minn kapitolu li kien ilu fih tnejn u erbgħin sena u dieħel f’ieħor kompletament differenti.  Hemm ħafna xogħol li jrid isir minn dan il-poplu Libjan.  Il-pajjiż huwa sinjur, biss minn din l-esperjenza qiegħed joħroġ imfarrak, b’diffikultajiet u kumplikazzjonijiet xejn faċli.  Biss ir-riħ tal-libertà, il-kuraġġ li tqum kontra t-tirannija, il-bżonn tal-ġustizzja u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, ladarba jkollhom l-ispazju, jimirħu u jirbħu.

2.    Il-gwerra ċivili fi ħdan dan il-poplu qed tħalli warajha mewt, distruzzjoni u instabilità kbira.  Il-feriti li nfetħu mhux ser jingħalqu malajr.  Hemm snin quddiemna fejn l-armi li nxterdu faċilment min-nies, ser jibqgħu jiġu użati sabiex jingħalqu l-“kontijiet”.  Żgur mhux forsi, dawk kollha li ilhom is-snin jissaportu, jibqgħu lura, jsofru, jiġu arrestati, jaraw lil nieshom jiġu msakkra jew jinqatlu, issa ser joħorġu.  Dak li ser jiġri mhux faċli li tipprevedih.  Hemm ħafna sfidi li jridu jiġu kkonfrontati u ssuperati.  Kollox jiddependi mill-abbiltajiet tal-mexxejja preżenti u futuri.

3.    F’dan kollu għad fadal il-kapitolu tal-persuna li ddomina u mexxa lil dan il-pajjiż.  Jekk jinqabad, jekk jaħrab, jekk jipprova jmut fil-kamp tal-battalja għad irridu naraw.  Li hu żgur hu li l-poter ħareġ minn idejh darba għal dejjem u ma jistax jieħdu lura.  Il-bidla hija inevitabbli, però jista’ jkompli jħabbathom.  Il-mexxejja tal-Kunsill Nazzjonali Transitorju għandhom x’ikomplu jaffrontaw f’dan.  Il-kapaċitajiet tagħhom, l-użu tat-talenti hawn iridu jkomplu joħorġu.  Kull pass li qiegħed jiġi meħud huwa, f’ħafna sens, determinanti għall-futur tagħhom ilkoll.  Hemm diffikultajiet interni, ta’ fiduċja, ta’ viżjoni u ta’ appoġġ popolari.  Biss, f’dan il-mument huma l-persuni li ħarġu għonqhom u affrontaw il-kumplikazzjonijiet kollha ta’ bnedmin armati li m’humiex dixxiplinati f’armata.

4.    Pajjiżna, tul dawn ix-xhur twal segwa, sofra u ra kif jista’ jassisti fid-direzzjoni t-tajba.  Aħna, li aħna l-iktar pajjiż Ewropew viċin, irnexxielna nieħdu l-passi neċessarji sabiex issir is-sewwa.  Konna proattivi b’ħidma kuraġġuża u kompletament umanitarja.  L-evakwazzjoni ta’ diversi ċittadini mid-dinja kollha ġiet kollha kordinata mill-uffiċjali tagħna.  Dan bid-diffikultajiet loġistiċi, diplomatiċi u umani.  Pajjiżna ħadem bil-għaqal sabiex nissudaw ir-relazzjonijiet tagħna ma’ dan il-poplu viċin ħafna tagħna.  Kull jum ġieb miegħu deċiżjonijiet diffiċli ħafna f’ħoġor il-Prim Ministru u dawn ikkonfrontahom b’responsabbiltà, bi prudenza u bl-esperjenza.

5.    Il-pajjiż għandu għalxiex ikun kburi bil-Prim Ministru li għandna.  Tul dawn l-aħħar xhur sibtni diversi mumenti viċin tiegħu, flimkien mal-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg u stajt nara direttament il-prudenza, il-kuraġġ u l-viżjoni li mexxewh biex jieħu d-deċiżjonijiet li f’ebda stadju ma kienu faċli.  Fl-istorja ta’ dan il-poplu indipendenti, ebda mexxej ieħor ma sab lilu nnifsu jrid jaffronta din il-kobba tant imħabbla.  L-interessi ta’ pajjiżna nżammu b’mod ċar quddiemu, mingħajr ma tilef il-prinċipji tas-solidarjetà u rispett lejn dan il-poplu viċin tagħna.  Il-paċi interna u s-serenità ggwidawh kontinwament fid-diversi  mumenti iebsa li ra ma’ wiċċu.

6.    L-esperjenza politika, il-karriera tiegħu fid-diversi pożizzjonijiet li okkupa minn Speaker tal-Kamra tad-Deputati, għal Segretarju Ġenerali, għal Viċi Prim Ministru u mbagħad Prim Ministru ġew kollha għall-vantaġġ ta’ dan il-poplu f’sitwazzjoni taħraq nar.  Jekk hemm xi ħadd li qed jaqrani u jaħseb li t-tmexxija ta’ dan il-pajjiż tista’ ssir minn kulħadd għax hija xi ħaġa faċli qiegħed iqarraq bih innifsu.  Il-pajjiż m’għadux fil-bidu imma ‘l quddiem b’sehem determinanti fix-xenarju Ewropew u internazzjonali.  Biss l-isfidi li għandna quddiemna kif qed naraw ma spiċċawx anżi komplew kibru fil-komplikazzjonijiet.  Il-pajjiż qiegħed jitmexxa tajjeb, iħares ‘il quddiem u jagħraf jiddistingwi bejnis-sewwa u dak li mhuwiex.  Il-kapitolu Libja huwa miftuħ beraħ.  Hemm ħafna potenzjal għall-ġid tar-rapporti soċjali u kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi u dan mertu ta’ Lawrence Gonzi, li ma żgarrax waħda bir-responsabbiltà, bil-prudenza u l-esperjenza li huwa mżejjen bihom.


ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...