31.10.25

GĦERF L-UMANISTI

1. F’dak li kienu jaħsbu dawk li għexu fuq wiċċ din id-dinja qabilna, wieħed isib irkejjen u fonti ta’ għerf u gwida kontinwament. Ovvjament trid tfittixhom, jew alternattivament almenu ma taħrabx minnhom meta jiġu f’ħoġrok. Il-linja hija f’dan il-kilba sabiex wieħed isir jaf iktar fir-riċerka kostanti tal-bniedem biex jitgħallem iktar. F’dan hemm dmir qawwi li kull persuna għandha li ma tiċħadx lilha nfisha minn din il-linja determinanti. Uħud jaħsbu li huwa żejjed għalihom li jidħlu f’dan il-proċess. Jaraw li qed jgħabbu rashom b’dak li, skont huma, m’għandhomx bżonn. Mhuwiex utli sabiex, kif jimmaġinaw, ma jaqilgħux aktar flus jew ma jilħqux aktar kredibilità billi jiffurmaw ruħhom aktar. Imma fortunatament kien hemm oħrajn qabel li fi żmienhom taw il-pariri t-tajba, li għandhom jinqraw u jittieħdu.

Fost dawn

2. F’dan ninsab rikonoxxenti lejn ktieb sabiħ ħafna tal-istoriku u filosfu magħruf Taljan Eugenio Garin (1909-2004) bit-titlu Ritratti di Umanisti (1967). F’numru ta’ kapitoli, fih imiss ma’ ħajjet diversi li studjaw u qraw ruħhom fil-Klassiċi. Dawk li fil-qosor nett minn dak li beda l-kittieb, poeta, filosfu u filologu Francesco Petrarca (1304-1374). Dik it-triq li biha wieħed imur lura lejn dak li kitbu l-Griegi u l-Latini u jħares lejh fil-kuntest storiku tiegħu biex jieħu l-lezzjonijiet tagħhom għall-preżent. Diversi li f’dan huma identifikati bħala li kienu bnedmin ta’ kultura. Dawk li fittxew li jassorbu fihom infushom id-direzzjonijiet intelliġenti u mimlija għaqal ta’ dawk ta’ qabilhom. Dawk li fil-fatt huma stess saru mumenti storiċi oħra li mhux biss komplew fit-tradizzjoni klassika imma saru huma stess ukoll proprju bħalhom. Għandhom kull raġuni biex jimitaw lil ta’ qabilhom u kull raġuni għal ta’ warajhom biex jimitaw lilhom.

Fid-dinja tal-Għerf


3. Dawk li kienu jaraw lil ta’ qabilhom superjuri, maż-żmien spiċċaw ġew ikkunsidrati huma wkoll f’din il-kategorija. Laħqu l-livelli tagħhom u għaddew lura għerf miżjud. Fil-qari, irriflettew u aġixxew. Ħsieb u azzjoni li mmarkaw età storika għalina. Il-ktieb jelenka sebgħa biss minn dwn il-bnedmin varji li nidentifikaw bħala ‘Umanisti’. Ċertament fost l-iktar importanti li kien hemm, dwar dan ma hemmx dubju. F’dan kull wieħed jimmerita studju u attenzjoni partikolari. Biss, Garin jagħżel li jibda l-kapitoli tiegħu b’Enea Silvio Piccolomini (1405-1464), dak li fit-18 ta’ Ottubru ta’ din is-sena fakkarna s-sitt mija u għoxrin (620) anniversarju mit-twelid tiegħu. Il-bniedem li fid-19 ta’ Awissu 1458 ġie magħżul f’Konklavi mill-iktar interessanti u konfliġġenti bħala Papa Piju II. Dak li ġieb lura aktar stabilità fil-Knisja Kattolika fis-sitt snin li dam fil-Kattedra ta’ San Pietru.

Jolqtok aktar

4. Tajjeb li jmiss lura miegħu għax fih kellu din id-dimensjoni f’rabtiet spiritwali u politika li ftit mexxejja ta’ dak iż-żmien kellhom. Ftit kienu bnedmin ta’ kultura bħalu u ftit kellhom l-ideat u l-viżjoni li kienet tbasktet ġewwa fih għas-servizz tal-oħrajn, tas-soċjetà u fuq kollox, tal-Knisja Kattolika. Imma dan seta’ jwettqu għax il-karriera preċedenti tiegħu fis-servizz tal-prinċpijiet tad-dinja tatu dimensjoni differenti, flimkien mal-qari u l-istudju kontinwu tiegħu. Kien, kif jikteb Garin, dak li: “Insisteva che la cultura, la nuova cultura formata allo studio degli antichi, aveva un’importanza centrale per la vita politica.” (Kien jinsisti li l-kultura, il-kultura ġdida kif iffurmata fuq l-istudju tal-antiki, kellha importanza ċentrali fil-ħajja politika.) F’dan, meta wieħed jaqra ħajtu jifhem iktar minn fejn kienet ġejja l-ħerqa u d-determinazzjoni kostanti tiegħu li jwettaq is-sewwa.

Jacob Burckhardt (1818-1897)

5. L-istoriku Svizzeru magħruf sew fil-ktieb daqshekk ieħor kbir La Civiltà del Rinascimento in Italia (1860) jirrimarka li kellu sal-aħħar: “... tanto vigore giovanile e tanto entusiasmo” li żammewh sal-aħħar determinat li jġib Ewropa magħquda lura lejn kruċjata ġdida. Dan huwa iktar rilevanti llum meta m’għadx għandna bnedmin fil-politika li għandhom din il-formazzjoni. Garin jikkwotah jgħid: “Chi ha responsabilità di Governo deve essere esperto nelle discipline morali, ossia in quell’‘arti’ mondane che, insegnate con i metodi nuovi ispirati ai maestri di Grecia e Roma.” (Min għandu r-responsabbiltà tal-Gvern irid ikun espert fid-dixxiplini morali, jiġifieri f’dawk l-‘arti’ tad-dinja li jgħallmu b’metodi ġodda ispirati mill-kbar tal-Greċja u Ruma.) Kliem rilevanti għalih u għalina li ngħixu f’dawn iż-żminijiet u li m’għandniex niskartaw, anzi nikkultivaw.

Kellu ħafna x’jaffronta

6. Kien hemm perjodu ieħor diffiċli fl-istorja tal-bniedem bi ġlied bejn ir-renjanti ta’ Angio u dawk ta’ Aragona dwar Napli, flimkien mar-rivalità ma’ Venezja, bil-kriżi kontinwa fl-Imperu u l-avvanzati ta’ Mawmettu II, li terġa’, kienet “... favorita dai contrasti fra gli stati cristiani che a gara cercavano di servirsi del Turco per eliminare i propri nemici.” (... favorita mill-kuntrasti bejn l-istati Nsara li kienu jikkompetu bejniethom kif jużaw lit-Torok biex jeliminaw l-għedewwa tagħhom.) Mument li jfakkarna f’dak li qed naraw illum. Kien proprju f’dan li kien ifforma l-opinjoni li jista’ jwaqqaf dan il-ġlied permezz ta’ kruċjata. Is-sabiħ għalina f’dan kollu huwa proprju li għandna għad-dispożizzjoni tagħna ħafna riflessjonijiet, apparti diversi kotba varji tal-memorji miktuba minnu fil-Commentari bħala Papa. Dawk li raw id-dawl tax-xemx għall-ewwel darba mija u għoxrin sena wara mewtu: varjati, korretti, mnaddfa min-neputi Isqof tiegħu, Francesco Bandini Piccolomini, imma li xorta fihom infushom huma qawwija.

Is-Sigriet

7. F’dan Garin innifsu jiftħilna għajnejna fuq ir-raġuni għas-suċċess tiegħu fid-dinja politika. Huwa jgħidilna: l-ewwel, l-imħabba għat-tagħlim: “Oltre l’imitazione di grandi modelli antiche c’è questa ricerca storico-scientifica di Enea, tanta curiostià nuova, tanta ansia di conoscere e di fare.” (Minbarra l-imitazzjoni tal-mudelli l-antiki l-kbar hemm f’dan riċerka storika-xjentifika li Enea jieħu b’tant kurżità ġdida, b’tant ħeġġa li jkun jaf u jwettaq.) It-tieni, jkompli bil-karriera tiegħu hekk: “... le grandi opere storico-geografiche, le monografie storiche, le discussioni politiche, sono interessute di esperienze dirette, di conoscenze profonde, e animate dall’interesse di chi ai grandi avvenimenti è abituato ad assistere da posizioni eminenti e a partecipare.” (Il-kitbiet storiċi-xjentifiċi verament kbar, il-monografiji storiċi, id-diskussjonijiet politiċi, huma mibnija f’esperjenzi diretti, ta’ għarfien profond tas-sitwazzjoni, u mħeġġa mill-interess ta’ min l-avvenimenti l-kbar huwa mdorri li jkun parti u li jieħu sehem fihom.)

Nifhmu

8. F’dan iż-żmien fejn qisna għaddejjin minn forma ta’ barbariżmu ġdid, fejn il-valuri t-tajba qed jintesew u jitwarrbu, fejn il-bniedem jaħseb biss u huwa mmexxi minn kunsiderazzjonijiet materjali, jibqa’ rilevanti. F’ħafna sens kliemu huwa dawl għax il-Papa Piju II wettaq u ħadem ħafna għall-ġid tal-proxxmu u l-Knisja Kattolika. Kien il-bniedem li wettaq kemm seta’ atti biex iġib il-paċi fl-Ewropa u jħares ’il quddiem. Wara tant snin, nammetti li sibtu ta’ benefiċċju li qrajt dwaru. Għax huwa parti mill-għerf li l-Umanisti ħallewlna u li nittraskuraw.

No comments:

SANTA LUĊIJA - INFRASTRUCTURE MALTA - SPIŻA FUQ TOROQ

31629. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid...