1. F’ħafna, hemm is-sorpriża tal-ħajja. Fejn tistenna difiża ma ssibx, u fejn ma taħsibx, issib. Dawn is-snin twal fl-Oppożizzjoni kienu u għadhom f’dan parti minn dan il-proċess ta’ tagħlim. Dawk li tippretendi minnhom ma ssibx fihom, u dawk il-kontra, issib. Ħafna aktar meta aħna niġġudikaw lill-bnedmin ħutna minn dak li jidhru esternament. Ħafna drabi żbaljatament, skont xi jkunu liebsa u skont x’bagalja ta’ ġid materjali jġorru magħhom. Inkella, aktar ukoll fil-kamp politiku, skont x’jidhru li qed jgħidu, qishom jifhmu f’dak li qed jitkellmu meta ma jkunux. Hija verament l-era akbar tad-dehra, imma din mhijiex neċessarjament it-triq tas-sewwa. Biex tifhem il-bniedem trid tqegħdu għall-prova, jew aħjar, tarah fiha. Minn barra ħafna, imma minn ġewwa le.
Preġudizzji
2. Aktar u aktar meta aħna, bħala bnedmin, inbatu mill-kurrenti tas-simpatiji u antipatiji fl-oħrajn. Meta m’għandniex, u anzi l-ħajja turina kemm inkunu żbaljati fuq dan. Kemm għandna nisimgħu lil kull persuna u ma niġġudikawx, salv jekk kliemha humiex veri jew le, awtentiċi jew foloz. Fit-triq, fil-ħajja, ħlief lezzjonijiet bħal dawn ma nieħdux għal dawk li jridu jfittxu l-verità. Għal dawk li jaqbdu t-triq tal-umiltà biex ma jidħqux bihom infushom imma jfittxu aktar dak li hu u dak li mhuwiex. Dan tmissu fil-bniedem li huwa ktieb miexi u wkoll fil-kotba nfushom. Meta tara qoxra ta’ ktieb u tiġġudikah minn dak li tara aktar minn dak li taf ser taqra fil-paġni ta’ ġewwa.
F’Milan
3. Ftit ġimgħat ilu kont hemm. Belt interessanti u organizzata, mimlija b’wirt storiku uniku. Ma’ kull kantuniera tiftakar f’dawk li għaddew minn ġewwa fiha. Tħoss polz ta’ attività umana unika ġejja fil-ġenerazzjonijiet. Dħalt għax ridt nara jekk kotba li kont imħajjar nixtri kinux dak li kont qed nistenna minnhom. Fost dawn sibt wieħed partikolari li għadu kif ħareġ. Frisk frisk quddiem bniedem li nassoċjaw mad-divertiment, maċ-ċajt u mal-pellikola. It-titolu, Il Sogno (Il-Ħolma) laqatni, għalkemm nammetti li ma kontx verament ċert minn dak li kont qiegħed nixtri. L-awtur prinċipali, Roberto Benigni (1952), li llum qabeż is-sebgħin sena, f’dawn is-snin fetaħ faċċata ġdida aktar serja biex iwassal messaġġi diretti.
L’Europa s’è desta! ...
4. Fil-fatt ħsibt li ser insib ġabra ta’ paġni li fihom insib kritika varja kontra l-Unjoni Ewropea. Ġbid tas-saqajn kif jaf jagħmel hu biex iwassal il-messaġġi tiegħu. Imma minflok sibt wieħed li fih jiddefendi sew lil dak kollu li seħħ tul dawn l-aħħar tmenin sena. Mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, bil-persunaġġi varji li missejna magħhom u li għamlu differenza kbira. L-awtur jibda hekk fuq dak li kiteb: “Non potete sapere la bellezza di questo libro. È talmente bello che mi dispiace averlo scritto. Vorrei averlo letto. Perché questo libro è proprio bello da leggere. È una soddisfazione.” (Ma tistgħux tkunu tafu s-sabiħ ta’ dan il-ktieb. Tant hu sabiħ li qed jiddispjaċini li ktibtu. Kont nippreferi li kieku qrajtu. Għax dan il-ktieb huwa verament sabiħ biex taqrah. Huwa sodisfazzjon għalija.)
Estremista
5. Jiddefendi l-kunċett b’passjoni imma b’attenzjoni. Hekk, fil-fatt, jiddeskrivi lilu nnifsu. Jgħid hekk: “... sono un europeista estremista. Io sono innamorato dell’Europa: per me l’Europa unità è l’unico sogno, l’unica utopia ragionevole che noi europei abbiamo coniato.” (... jien Ewropew estremist. Jien inħobb din l-Ewropa: għalija din l-Ewropa magħquda hija l-unika ħolma, l-unika utopija raġjonevoli li aħna l-Ewropej iffurmajna.) F’dan, għalhekk, Benigni jispjega għala jagħmel sens li jkollna Unjoni Ewropea. Jispjega wkoll id-diversi bnedmin li fis-sekli kellhom quddiemhom dan il-kunċett, li ħolmu dwaru u li fl-aħħar wasalna għalih. F’kitbietu jġib lil Giuseppe Garibaldi (1807-1882) u lil dawk li kienu responsabbli tal-Manifest ta’ Ventotene: Ernesto Rossi (1897-1967), Arturo Spinelli (1907-1986) u Eugenio Colorni (1909-1944) u diversi oħra.
Spjega
6. Fil-kliem sempliċi u diretti tiegħu jirnexxilu jfiehem il-proċess sħiħ b’mod li kull persuna tifhem kif wasalna. B’ħafna dettalji sbieħ u personali li jagħtu ħajja qawwija lil dak kollu li għaddejna minnu. Jikteb b’mod interessanti u b’serjetà qawwija li ma tneħħilniex mill-interess fuq is-suġġett. Idaħħal ukoll fin-nofs dak li seħħ fl-Istati Uniti tal-Amerika u jqabbel. Kif tant stati ngħaqdu sabiex ikunu aktar organizzati, daqshekk ieħor jagħmel sens li nkunu f’daqqa. Min irid il-ġid lill-kontinent Ewropew m’għandux alternattiva vera salv din l-għaqda li trid timxi, imma wkoll tifhem il-bilanċi nterni tagħha. Kull min jaqrah fil-fatt iżomm ruħu ffukat bil-preċiżjoni loġika tiegħu.
Dokument veru
7. Kieku kellna dan il-ktieb f’idejna tul il-kampanja għar-Referendum dwar id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea l-ħajja kienet tkun ferm aħjar. Fih l-awtur mhux biss jiddefendi l-kunċett tal-għaqda, imma wkoll il-konsegwenzi naturali tiegħu. Huwa jikteb hekk fuq dawk li ma jridux dan: “Vogliono dividerci, hanno paura di noi.” (Iridu jifirduna għax jibżgħu minna.) Ikompli jiddefendi hekk: “Perché l’Europa è l’unico luogo al mondo che riesce a far convivere la democrazia con il mercato e con il welfare, lo Stato sociale, che è la sola, era difesa dei più deboli.” (Għax l-Ewropa hija l-uniku post fid-dinja li jirnexxilha jkollha f’daqqa id-demokrazija mas-suq u mal-Istat soċjali, dak li huwa verament id-difiża ta’ dawk l-iktar dgħajfa.) Jiddikjara wkoll: “Perché l’Europa incarna gli ideali più alti dell’umanità: giustizia, uguaglianza, libertà, democrazia, pace. E per questo ci temono, e non solo ci temono, ci invidiano; non ci sopportono proprio, uniti.” (Għax l-Ewropa tagħti ħajja lill-ideali l-iktar għolja tal-umanità: il-ġustizzja, l-ugwaljanza, il-libertà, id-demokrazija, il-paċi. Għalhekk jibżgħu minna, u mhux biss jibżgħu minna iżda jgħiru għalina, għax ma jifilħuniex magħquda.)
Inkomplu
8. F’dan u tul dan il-ktieb ftit issib li ma taqbilx miegħu. Huwa fil-fatt kontra l-veto li kull pajjiż għandu fil-Kunsill tal-Ministri, mentri għal min ħadem ġewwa l-Unjoni Ewropea jifhem li huwa utilissimu għax iżomm il-proċess miexi mingħajr ma ssir ħsara. Jiddibatti wkoll b’interess in-nazzjonaliżmu u l-patrijottiżmu. Imma l-iktar li tammirah huwa li jara lill-Unjoni Ewropea bħala strument veru għall-Paċi li tant għandna bżonn illum u fil-futur tagħna. Però waqt li lestejt minnu u għalaqtu u bdejt sejjer għal ktieb ieħor li xtrajt għidt ukoll li l-proġett mhux biss irridu niddefenduh imma hemm bżonn li nsostnuh. M’għandniex nabbandunawh imma nagħmlu aħjar jekk nesiġu li nibqgħu niktbu dwaru. Li nibqgħu nesiġu li jkollna lil dawk li fil-gazzetti u fil-medja jispjegaw bid-dettall dak li huwa għaddej. Għandna bżonn aktar Ewropa fil-ħajja politika tagħna. Iktar kitba intelliġenti dwarha. Għax għal kull ċittadin tifhem aktar kemm għandu dritt għaliha. Kunċett spjegat tajjeb bħal ma sibt f’dan il-ktieb verament barra mis-soltu.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
23.10.25
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
GUDJA - TRIQ SANTA MARIJA U L-MADWAR - PROBLEMA TA’ INDAFA U SANITÀ PUBBLIKA
31453. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlame...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...
No comments:
Post a Comment