23.2.20

IT-TEMPJI NEOLITIĊI– VIŻITATURI

12882. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni żaru t-Tempji Neolitiċi tul is-sena 2019, kif ukoll xi spejjeż saru fil-post u xi dħul kien hemm mill-istess?

05/02/2020

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li żaru t-Tempji Neolitiċi tul is-sena 2019 kien jammonta għal 545,199.

Id-dħul finanzjarju ammonta għal €3,153,313.37.  Id-dħul finanzjarju huwa relatat ma gift shop sales u entrance fees .

L-ispejjes ġenerali fuq l-istess sit ammontaw għal €1,313,894.90. Dawn huma relatati ma’ manutenzjoni, telefonija, tindif, dawl u ilma, kirja tal-bini, stationery, saħħa u sigurta’ u organizazzjoni ta’ attivatijiet oħra.

Seduta  300
18/02/2020


FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN – PERSUNI LI QED JISKONTAW SENTENZA

 12881. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u kemm kien hemm jistennew il-proċess tagħhom jiġi deċiż tul is-sena li għaddiet?

05/02/2020

  ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-31/12/2019, kien hemm 509 persuni li kienu qed jiskontaw sentenza, u 245 oħra kienu qed jistennew il-proċess tagħhom jiġi deċiż.

Seduta  300
18/02/2020

L-IPOĠEW TA’ ĦAL SAFLIENI – VIŻITATURI


12880. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni żaru l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni tul is-sena 2019, kif ukoll xi spejjeż saru fil-post u xi dħul kien hemm mill-istess?

05/02/2020

ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li żaru l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni tul is-sena 2019 kien jammonta għal 32,582.

Id-dħul finanzjarju ammonta għal €779,254.65. Id-dħul finanzjarju huwa maqsum bejn entrance fees u gift shop sales.

L-ispejjeż ġenerali fuq l-istess sit ammontaw għal €352,673.69. Dawn huma relatati ma manutenzjoni, telefonija, tindif, dawl u ilma, stationery, saħħa u sigurta u organizazzjoni ta’ attivitajiet varji.

Seduta  300
18/02/2020


FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN – PERSUNI LI DDAĦĦLU




12879. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi: Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tul is-sena 2019?

05/02/2020

  ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li ddaħħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin matul is-sena 2019 kien 966. Dan in-numru jinkludi fih persuni li bdew jiskontaw sentenza u ohrajn li kienu qed jistennew il-proċess tagħhom jiġi deċiż

Seduta  300
18/02/2020

SPTAR MONTE KARMELI – PERSUNI AMMESSI





12878. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm persuni ġew ammessi fl-Isptar Monte Karmeli tul is-sena 2019 u jista’ jindika kemm kien hemm persuni rikoverati sal-aħħar tas-sena 2019?

05/02/2020

ONOR. CHRIS FEARNE: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2019 ġew ammessi 1947 persuni fl-isptar Monte Carmeli. In-numru ta' pazjenti li kienu qed jiġu rikoverati fl-istess sptar fl-aħħar tas-sena tal-2019 kien ta’ 350.

Seduta 300
18/02/2020

QRATI TA’ MALTA – SPIŻA F’IKEL U AKKOMODAZZJONI GĦAL ĠURATI




12877. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li tħallset mill-Qrati ta’ Malta f’ikel u akkomodazzjoni għal ġurati fis-sena 2019?

05/02/2020

  ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS:  Ninsab infurmat li l-ispiża li tħallset mill-Agenzija dwar is-Servizz tal-Qrati f’ikel u akkomodazzjoni għal ġurati fis-sena 2019 kienet kif indikata hawn taħt:

Akkomodazzjoni
€ 24,802.33
Ikel
€ 6,838.02

Seduta  300
18/02/2020

Statistika veru jew tal-ingann?




1.     F’dan il-mument partikolari, il-pożizzjoni politika ta’ pajjiżna tista’ tkun aħjar.  Imma wieħed irid jifhem li t-tlett xhur li għamilna, l-ewwel naraw il-Gvern ta’ Muscat jaqa’; u t-tieni, nistennew min ser jieħu t-tmun ħallew, u għadhom qed iħallu, l-effett tagħhom.  Ngħid dan fid-dawl ta’ fatti mill-iktar ċari li qed naraw.  Il-kuntrarju ta’ dak li s-soltu jseħħ.  Għax gvern, ladarba elett, jieħu fuqu li jkompli ħafna minn dak li jkun ħalla ta’ qablu.  Jippreserva, ikompli jmexxi, jżid, u fejn jidhirlu jbiddel.  Mhux biss, imma jassigura, fuq kollox, li l-programm soċjali ta’ ġustizzja soċjali jipprova jrendih f’kull parti tas-soċjetà.  Dan kollu batta lura.

Morna lura

2.     Laqatni diskors tul il-ġimgħa ta’ deputat Laburista proprju fuq dan.  Il-bżonn li wieħed jieħu ħsieb diversi postijiet li ġew, sfortunatament, abbandunati.  Fil-ħin tiegħu għamel elenku ta’ siti abbandunati.  L-intenzjoni tiegħu kienet ċertament li jiġbed l-attenzjoni ta’ min huwa nkarigat sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji.  Dmir ta’ kull deputat, imma f’dawn l-aħħar seba’ snin ma tnatx kien hemm, min-naħa tal-Gvern, li jissugraw jgħidu l-verità.  Imma issa hemm pass lura lejn forma ta’ “normalità”, li fiha hemm min issa qiegħed jifhem li jista’ jerġa’ jibda jitkellem għax il-“kontrollur” spiċċalu t-terminu tiegħu.

Delimara

3.     Id-deputat semma’, fost l-oħrajn, iż-żona ta’ Delimara.  Waħda li fiha, Gvern Nazzjonalista kien biddel b’ħidma tajba l-post f’ak li huwa magħruf bħala ‘Xrobb l-Għaġin Nature Park’.  Waħda li fha l-Fortizza ta’ Delimara, taħt l-istess Gvern, inġiebet lura f’idejn l-Istat.  Waħda li fiha, il-magħrufa “Lighthouse tal-Kalanka” ingħatat ħajja ġdida.  Huwa semma dak li ħafna jaraw.  Telqa ġenerali u stat ta’ abbandun fiż-żona.  Dak li kellu jinbidel komplessivament għall-aħjar mill-passi li ttieħdu minn Gvern Nazzjonalista, dan il-Gvern Laburista telaq.  Telqu għar-raġunijiet tiegħu, imma ċertament huwa indikazzjoni ta’ tmermir tal-istat tal-affarijiet.  Mhux biss, imma nuqqas ta’ ħeġġa, għax anki l-Fortizza ta’ Delimara, b’dawn il-flus li qed jingaħad li hemm fil-kaxxa ta’ Malta xorta, wara seba’ snin, ma ġietx restawrata jew infetħet għall-pubbliku.

Postijiet oħra

4.     Mhux qed nagħmel il-każ biss minn dan il-post.  Fil-pajjiż hemm żoni oħra mitluqa u abbandunati.  L-iktar li jolqtuk huma dawk li ħafna jaraw, jum wara jum, b’għajnejhom.  Jarawhom u ma jseġħux il-passi biex jiġu rranġati u utilizzati tajjeb, bħal per eżempju wkoll il-ground f’Bormla msemmi għall-mibki Peppi Delceppo.  Proġetti li saru mill-Gvern ta’ qabel, li ġew imħollija jaslu fejn huma llum, mitluqa.  Trid tagħmel domandi parlamentari u diskorsi biex forsi jiċċaqilqu.  Imma l-attitudni ġenerali tindika li ġew illaxkati kontrolli, mekkaniżmi interni, u sens ta’ dmir fit-twettiq ta’ dak li għandu jseħħ.

Ordni u disordni

5.     Is-sens tad-dmir li kull gvern għandu jkollu fil-konfront tat-twettiq ta’ ħidmietu mal-pajjiż qiegħed ikompli jintilef.  Din il-ġimgħa wkoll, il-pajjiż waqaf jisma’ x’seħħ ġewwa l-Korp tal-Pulizija.  Issa li l-għatu qed ikompli jitneħħa, qed joħorġu iktar każijiet skandalużi.  Issa hemm iktar li qed jaraw li jistgħu jikxfu u jkun hemm riżultati.  Imma fir-realtà, kollox juri li l-Istat, taħt il-Gvern Laburista ta’ Muscat, kien mimli b’tajn tal-korruzzjoni li l-iktar iwaħħal.  Ħadd ma emmen li dan każ uniku, ta’ darba.  Ħafna huma iktar konvinti li l-pajjiż kellu, u għad għandu, linja ġenerali li tmur fid-direzzjoni kuntrarja għas-sewwa.  Il-kontroll intern kontra t-tentazzjonijiet intilef.  Bħal ma ntilfet ukoll il-preparazzjoni tal-Istat fis-settur, dejjem iktar qawwi, tal-immigrazzjoni irregolari.  Hawn, kull ma kien hemm ġie żarmat, u għadna ferm lura.  Ix-xhur li ġejjin ser jagħtuna iktar pariri.

Ġustizzja Soċjali

6.     Fl-istess dibattitu parlamentari sar diskors tajjeb ħafna tad-deputata Nazzjonalista Maria Deguara dwar il-pożizzjoni soċjali li diversi anzjani u bnedmin fis-soċjetà jinsabu fihom.  Elenkat numru ta’ problemi din id-deputata, li hija magħrufa għas-serjetà tagħha.  Punti marbuta ma’ kif l-anzjani tagħna qed ikollhom diffikultà, meta jimirdu, sabiex ilaħħqu mal-ħajja.  Kif l-aħħar Performance Audit – Community Care for Older Persons tal-Awditur Ġenerali tħalla fuq l-ixkaffa, bil-konsegwenza li t-trattament li huma intitolati għalih mhumiex qed jeħduh.  Tkellmet dwar kemm is-servizzi mediċi għal dawk l-iktar fil-bżonn qed imorru lura, bil-kumplikazzjonijiet tal-isptarijiet tagħna li qed trasferiti lill-Vitals u Steward b’dejn nazzjonali qawwi.  Punti oħra ta’ telqa ġenerali tal-pajjiż.

Pożizzjoni Soċjali

7.     Il-pajjiż għandu ħafna fi ħdanu li qegħdin ibatu sew.  Dawn qegħdin, sfortunatament, jiġu njorati minn Gvern li kien moħħu fi ħwejjeġ oħra.  Dan joħroġ ċar ħafna mill-EU-SILC 2018 Report.  Rapport analizzat u pubblikat fis-7 ta’ Awissu 2019, seba’ xhur ilu.  Minnu joħorġu numru ta’ punti.  L-ewwel: li 22% ta’ dawk li qegħdin fir-riskju, jew fil-faqar, jinsabu prinċipalment fl-ewwel u t-tieni distrett elettorali, msemmija Southern Harbour.  It-tieni: li żdiedu, mis-sena li għaddiet, dawk li ma jistgħux iżommu darhom sħuna, u dan 7.6% - 35,692 persuna.  It-tieni: li 7%, kważi 12,000 persuna ma jistgħux ilaħħqu mal-ħlasijiet tal-kera ta’ darhom.  It-tielet: li għandek 5.7% - 26,688 persuna li ma jifilħux jieklu tajjeb minħabba ż-żieda fl-għoli tal-ħajja.  Ir-raba’: li l-maġġoranza ta’ dawn huma anzjani jew pensjonanti.  Punti oħra li jimmeritaw attenzjoni urġenti u indikaturi ta’ telqiet varji.

Statistika

8.     Dan kollu huwa, jew jista’ jkun, parti minn ġbir ta’ statistika korretta u neċessarja għal min irid imexxi ‘l quddiem pajjiż.  Biss, hemm aljenazzjonijiet oħra.  Fosthom, dak li rajna din il-ġimgħa meta l-poplu ġie mistoqsi: l-ewwel, jekk huwiex tajjeb li l-Gvern Laburista m’għadux, fil-ġenn assolut tiegħu, li jneħħi l-fjuri minn quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir; it-tieni: jekk huwiex tajjeb li rriżenja l-Kummissarju tal-Pulizija li kienu xebgħu jindaħlulu f’xogħlu; u tielet: jekk huwiex tajjeb li Ministru kompetenti tirriżenja għax żewġha siefer ma’ min ma kellux isiefer.  It-tweġibiet huma ovvji ħafna.  Naturalment, il-kredtu ħadu l-Prim Ministru attwali, li qiegħed fil-honeymoon tiegħu.

Imma li kieku

9.     Imma li kieku flok dawn id-domandi ovvji li jwasslu, f’kull każ, għar-riżultati li rajna, saru oħrajn, kien ikollna rating fil-popolarità differenti.  U oħra.  Kieku l-poplu ġie mistoqsi: l-ewwel, jekk huwiex japprova, jew jikkundannaw dawk li wettaq il-Gvern Laburista ta’ Muscat fil-korruzzjoni organizzata tiegħu?  Jew, it-tieni: x’jidhirlu mill-fatt li l-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien involut ma’ min allegatament wettaq delitt daqshekk gravi u tal-waħx?  Jew it-tielet: jekk taqblux li Prim Ministru ta’ pajjiż jirċievi arloġġi u mbejjed ta’ valur f’rigali?  Jew ir-raba’: jekk kemm-il darba s-soċjetà hix tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja, partikolarment il-pensjonanti u persuni vulnerabbli?  Inkella, l-ħames: jekk il-Korp tal-Pulizija tmexxiex ‘il quddiem f’dawn is-seba’ snin jew le?  Jew, is-sitta: kif il-bnedmin qed jiffaċċjaw l-għoli sproporzjonat fil-kirjiet li qed jaraw il-futur tagħhom?  Jew, is-seba’: jekk jaqblux li l-Istat biegħ l-isptarijiet lil Vitals u Stewards u jrid, kull sena, jgħaddi miljuni li tagħhom m’huwa jieħu lura xejn?

Kompletament differenti

10.   Ċertament, ir-riżultat kien ikun differenti.  Ferm iktar ġust u li jersaq sabiex wieħed jaffronta l-problemi veri fis-soċjetà.  L-argumenti politiċi ta’ sustanza jsiru fil-konfront tar-realtà, mhux tal-irrealtà.  Isir fil-konfront tal-problemi li hawn u jekk, wara, iż-żewġ partiti humiex jaffrontawhom jew jaħirbu minnhom.  Bħalissa, fil-pajjiż hawn telqa ġenerali, li ġejja mill-effett ta’ Gvern li kien inkompetenti u ppemetta ruħu jiġi maħkum mill-korruzzjoni qawwija u diżorganizzazzjoni organizzata.  Wieħed li kien iktar moħħu fil-ħakma tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, iktar milli li jgħid il-verità.  Ħafna kienu jaħsblu li qegħdin viċin l-ogħla smewwiet.  Illum jagħrfu li huma qed ixommu sew it-tajn li ninsabu fih.  Għalhekk nibqa’ nippreferi l-istatistika tal-verità, u mhux dik tan-nuqqas tagħha: l-ingann.


L-istorja parti mill-ġid komuni




1.     Waqt li kont qiegħed nipprepara diskors parlamentari li sa issa, sena wara sena żammejna, ltqajt ma’ numru ta’ punti interessanti u, sa ċertu punt, ħafna ġodda.  Jum il-Memorja jiġi mfakkar kull 27 ta’ Jannar.  Fortunatament, anke aħna d-Deputati, nagħtu eżempju u nieqfu billi nġibu mill-ġdid dak li, żbaljatament, seħħ taħt il-ħakma Nażista u Faxxista.  Din is-sena fiha iktar importanza, għax hija l-75 Anniversarju mil-liberazzjoni tal-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz.  Infakkru kif, u għala mietu daqshekk bnedmin innoċenti bl-att tal-akkuża li huma wlied il-poplu Lhudi.

Preparazzjoni

2.     Ġew quddiemi kitbet Hans Kung, Primo Levi u dawk ta’ nannuwi, li semmejthom fid-diskors li għamilt.  Imma wara ġew, kif jiġrili numru ta’ drabi, punti oħra, kotba oħra, ideat varji.  Missejt ma’ tlett passi: il-ktieb ta’ Elie Wiesel “Il-Lejl”, mal-istorja ta’ dak li llum huwa l-Kardinal Albaniż Ernest Simoni, fil-ktieb dwaru ta’ Mimmo Muolo, u ma’ inizjattiva interessanti tal-Ministru tal-Edukazzjoni Taljana attwali Lucia Azzolina.  Fihom hemm parti minn proċess kontra l-materjaliżmu tal-bniedem.  Parti mill-bżonn li wieħed ifakkar u jafferma li kull persuna umana għandha dinjità, drittijiet inaljenabbli.  Pożizzjoni li m’għandniex ninsew, imma nżommu quddiemna.

Elie Wiesel (1928-2016)

3.     Wiesel, il-bniedem li għadda mill-kampijiet tal-konċentrament, u li wara l-Gwerra ġie mogħti l-Premju Nobel għall-Paċi, għandu lezzjonijiet x’jagħti.  L-ewwel: dak li għadda minnu.  Deskritti bi kliem diretti, espressivi, li jmexxuk, minuta wara minuta, f’lejl twil sabiexminn qoxra sa’ qoxra taqra kif bnedmin ġew trasformati f’oġġetti.  F’dak kollu huwa jgħid li huma biss dawk li għaddew mill-esperjenza ta’ Auschwitz li jafu x’inhija verament.[1]  Kif jgħid Primo Levi: “L’opera della bestializzazione, intrapresa dai Tedeschi trionfanti, era stata portata a compimento dai Tedeschi disfatti.[2]  It-tieni: id-diffikultà li Wiesel għaddha minnha biex kitbietu jiġu ppubblikati.  Huwa jgħid: “Is that why my manuscript was rejected by every major publisher, French and American, despite the tireless efforts of the great Catholic French writer and Nobel laureate François Mauriac?  Kitba li ġiet tradotta f’lingwi varji.  Kitba abbundanti fil-bżonn li wieħed jibqa’ jgħid x’ġara.

M’għandniex ninsew il-passat

4.     Proprju f’dan, u t-tielet punt huwa jġib quddiemna li minħabba l-gravità assoluta ta’ dak li seħħ, kif ukoll minħabba l-inkomprensibilità ta’ aġir il-bniedem kontra bnedmin oħra, daħlet iktar it-tentazzjoni tal-indifferenza.  Wieħed li jġarrab tant iwelled il-ħsieb li għandu jinsa biex ma jiftakarx f’dak kollu li huwa għadda minnu.  Mhux biss huwa, imma wkoll dak li s-soċjetà tkun għaddiet minnu, li l-istorja għandha fiha.  Għax Auschwitz mhix biss traġedja Lhudija, iżda tas-seklu sħiħ, tal-bniedem innifsu sħiħ.  Dik it-tbatija li ma tistax titħalla fil-ġenb.  Li, anzi, hemm bżonn li niftakru fiha biex nieħdu lezzjonijiet minnha.  Nifhmu kemm l-estremiżmu tal-Lemin u dak tax-Xellug huma żbaljati.  Mhux biss għax sa hawn ħafna għandhom jaqblu, imma wkoll fil-punt ulterjuri li l-kontra ta’ dan kollu għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-vuċi Nisranija.  Dik li hija mimlija sens, sustanza u direzzjoni fl-istorja tal-bniedem.

Ernest Simoni

5.     M’għandniex ninsew dak li seħħ.  Punt li jagħmel il-Kardinal Albaniż Ernest Simoni, huwa u jispjega dak li għadda minnu taħt reġim Komunista li fih l-atejiżmu kien dikjarat bħala parti mil-liġi prinċipali tal-Istat, il-Kostituzzjoni.  Kif ġie kundannat darbtejn għall-mewt.  Kif ġie mibgħut fil-minjieri.  Kif baqa’, kontra kollox, jgħix ta’ Nisrani: jqaddes, jgħallem il-katekiżmu u xhud tas-sewwa.  F’lezzjonijiet semliċi u diretti ta’ kif wieħed għandu jgħix.  F’riflessjoni fuq x’tgħid espliċitament jew indirettament il-liġi fil-prinċipji etiċi materjalisti u anti-Kristjani u minflok jibqa’ jgħix il-bniedem fis-sewwa tal-ħajja.

Lucia Azzolina

6.     F’dan, laqtitni iktar proposta verament interessanti tal-Ministru tal-Edukazzjoni Taljana Lucia Azzolina.  Waħda mħabbra proprju fis-27 ta’ Jannar ta’ din is-sena.  Proposta li twelled kummissjoni ta’ akkademiċi.  Kif qalet hija, li jressqu proposti biex jagħtu importanza lill-istorja bħala parti mill-ġid komuni.[3]  Bażat fuq il-prinċipju jew il-linja gwida li mhuwiex iktar biss dmir tal-istudenti, imma dritt għal ċittadinanza li hija konxja u mgħarrfa bis-sħiħ bl-istorja ta’ dak kollu li seħħ.[4]  Kunċett li għandu jiġi koltivat minn soċjetajiet oħra.  Għax, kif jgħid tajjeb il-Profs. Andrea Giardina f’intervista li dehret fil-gazzetta Taljana La Repubblica: “L-abbuż tal-memorja mhuwiex inqas ta’ ħsara minn użu żbaljat tal-istorja.”[5]

Kotba

7.     L-istorja għandna lkoll naqblu li hija fil-fatt parti mill-ġid komuni tagħna.  Dan huwa punt importanti, iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li għandna niftakru li f’Auschwitz din is-sena nġabru forsi l-aħħar ta’ dawk li ġarrbu u għadhom ħajjin.  Għadhom jistgħu jiġu intervistati.  Proprju għalhekk li għandna naraw li biex tiġi assikurata iktar il-memorja korretta tal-istorja għandna dmir li niftakru fiha.  Għandna dmir qawwi li nsemmuha.  Għandna, anzi, naraw li d-diversi kitbiet li l-bnedmin li ġarrbu, u ħallew warajhom, jinxterdu aktar.  Għandna naraw li l-libreriji pubbliċi jkollhom iktar kopji ta’ din il-kitba diretta.  Mhux biss, imma li nimxu pass wara ieħor, wara tant snin, u naraw li jiġu maqluba għal-lingwa nazzjonali tagħna.  Naqraw u nħajru oħrajn biex ma jseħħux mill-ġdid.  L-indifferenza, il-forma stramba ta’ newtralità f’dan hija għadu tal-umanità, tal-patrimonju uman tagħna.

27 ta’ Jannar

8.     F’dan il-jum, pajjiżna għandu jkollu iktar is-sens li jassigura li niftakru lkoll.  Mhux biss it-temporali, imma wkoll l-ispiritwali, direttament fil-knejjes tagħna.  Dan għandu jkun proġett nazzjonali, li jassigura iktar li l-memorja ta’ dawn il-bnedmin ma tintesiex, għax hija parti sħiħa mill-wirt komuni tagħna.


[1] “Only those who experiences Auschwitz know what it is.”
[2] Primo Levi, Se Questo è un Uomo
[3] “Che faccia proposte per dare importanza alla storia.”
[4] “Non più solo un dovere per gli studenti, ma un diritto per una cittadinanza consapevole.”
[5] “L’abuso della memoria non è meno dannoso di un cattivo uso della storia.”, La Republica, 28 ta’ Jannar 2019

Insellmulu




1.     Illum, fil-ħarġa ta’ din il-gazzetta, qed jiġi ċelebrat Eddie Fenech Adami.  Diversi diġà taw ix-xiehda tagħhom dwar dak li kien messhom fih tul ħajtu.  L-attività tal-Ħamis fuq l-istazzjon tal-Partit, Net, kienet f’postha.  Diversi segwew dak kollu li ħafna persuni validi, fiż-żmien raw u messew miegħu.  Fil-mumenti tal-glorja u f’dawk tad-dulur.  Ħafna ddikjaraw aspett jew ieħor ta’ dak li kien laqathom fih.  Ħafna rrakkuntaw dak li qallhom, dak li rawh iwettaq u dak li llum huwa, fil-fatt, parti mill-patrimonju ta’ dan il-pajjiż.

Minn fejn beda

2.     Ma kellux triq faċli bħala Kap tal-Partit.  Niftakar ħafna minn dak iż-żmien, proprju għax ismu kien wieħed li jissemma’ sew fil-familja waqt il-jum.  Ma ġiex, fil-bidu, aċċettat minn kull persuna fi ħdan il-Partit.  Speċjalment minn dawk li kienu l-iktar fuq il-lemin tiegħu.  Fil-fatt, il-pass determinanti tiegħu kien dak li jbiddel il-linja sabiex il-Partit jidħol lura fil-linja ta’ partit taċ-Ċentru.  Partit li jħares lura u jwettaq il-missjoni tiegħu li jiddefendi ‘l-pajjiż, u fl-istess ħin japplika l-politika soċjali mwielda mill-gwida tal-enċikliċi tal-Papiet.  Lura għal partit Demokratiku-Nisrani.

Bid-demokrazija, u fid-demokrazija

3.     Kellu rispett lejn il-proċess demokratiku.  Wieħed mill-ewwel passi li nġiebu fis-seħħ kien dak li l-istrutturi tal-Partit jaħdmu u jitħaddmu.  Kunsill Amministrattiv kull nhar ta’ Sibt.  Kunsill Eżekuttiv kull xahar, u l-Kunsill Ġenerali skont l-Istatut u l-bżonn politiku.  Kull persuna kellha l-vuċi tagħha.  Kien jassigura li kellu l-opinjonijiet ta’ diversi, avolja kien ovvju li tant kien jaf il-bnedmin madwaru li kien jaqta’ minn qabel dak li kienu ser jgħidu.  Ma kien faċli xejn li jamministra partit bejn l-1976 u l-1981, u mill-1981 sal-1987.  Żewġ perjodi diffiċli ħafna u kkumplikati mmens.

Żewġ mumenti fl-Oppożizzjoni

4.     Fl-ewwel leġislatura tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni kellu kontestazzjonijiet varji.  Ma ġiex aċċettat, u kien hemm min kien esprima dubji fuq kemm il-proċess demokratiku fil-partit kien ħadem.  Id-dubju huwa, kif nafu, parti mill-proċess lejn iċ-ċertezza.  U hekk ġara miegħu.  Ma kienx elitista u preċiżament, anzi, kien iben il-poplu ħaddiem.  Wild il-proletarjat, li jifhem il-problemi u d-diffikultajiet li l-klassijiet soċjali jmissu magħhom.  Kien bena, biċċa biċċa, ġabra ta’ bnedmin li ħadmu miegħu. Daqqa jaqblu, daqqa le.  Imma ladarba tittieħed deċiżjoni, wieħed kien jimxi magħha.  Mhux monarkija, imma demokrazija ħajja.

15 t’Ottubru 1879

5.     Meta kien fil-Parlament beda, biċċa biċċa, jieqaf lil Dom Mintoff, dak iż-żmien fl-aħjar tal-potenza politika tiegħu fit-tieni leġislatura.  Anki jekk kien hemm kampanja sistematika kontra tiegħu li tipprova ċċekknu.  Li tipprova tpinġih, jum wara jum, b’nuċċali kbir u qisu xi tarbija politika quddiem “il-ġgant”.  Mhux biss, imma kien hemm vuċi ta’ propaganda qawwija dominanti.  Dak iż-żmien ikkontrollata, immanipulata u toħnoq dak kollu li mhuwiex parti mill-Gvern.  Xorta kien effettiv kontra kull kurrent.  Proprju għalhekk li, fil-15 t’Ottubru 1979, daħlu f’daru u farrkuha.  Riedu jintimidawh, u miegħu lill-Partit kollu.  Seta’ telaq.  Seta’, quddiem dan żarma, imma baqa’ hemm, jaħdem.

12 ta’ Diċembru 1981

6.     Kontra dak li kienu qed jaħsbu.  Kontra kull kurrent.  Fi stat fejn il-Gvern kien iqassam il-ħin kollu.  Fl-Elezzjoni Ġenerali tal-1981, il-Partit Nazzjonalista, immexxi minnu, għeleb u rebaħ il-maġġoranza tal-qlub tal-Maltin.  114,132 votant, 51% tal-poplu, kienu ddikjaraw li jridu Gvern ġdid.  Kif nafu, imma, id-distretti kienu maħduma biex min huwa fil-gvern ikollu iktar siġġijiet, b’maġġoranza ta’ tlieta: 34-31.  Dan kien mument ieħor iebes ħafna ta’ prova qawwija.  Anki jekk kienu kissrulu daru, xorta kien ġie kontestat internament u esternament.  Kien hemm ġabra ta’ persuni li kienu influwenti fl-opinjoni pubblika, fil-gazzetti, li kellhom il-ħsieb li l-linja demokratika tiegħu ma kinetx biżżejjed.  Kien hemm dawk fosthom li kienu jinvokaw vjolenza għall-vjolenza tal-Istat.

9 ta’ Mejju 1987

7.     Wara l-itwal leġislatura: ħames snin u ħames xhur.  Wara bidla fil-Mexxej tal-Partit Laburista.  Wara kampanja twila, li bdiet bil-bojkott tal-Parlament u kompliet b’Mass Meetings kull nhar ta’ Ħadd.  Li ħaditna lkoll iż-Żejtun, niġu attakkati bil-gass tad-dmugħ skadut u bil-ġabra ta’ vjolenti li l-Laburiżmu ta’ dak iż-żmien kien, sfortunatament, ikkoltiva.  Li kellha l-mewt ta’ dak iż-żagħżugħ twajjeb u mill-iktar innoċenti, Raymond Caruana.  F’dan il-maltemp politiku estern u intern, baqa’ jżomm il-boxxla interna tiegħu.  Baqa’ jesiġi li d-demokrazija tieħu l-perkors tagħha.  Sabiex isiru l-emendi Kostituzzjonali li bihom il-maġġoranza fil-voti ġiet garantita f’dik parlamentari.

Prim Ministru (1981-1996)

8.     Ma kienx faċli f’dik it-tieni leġislatura fl-Oppożizzjoni, għax il-Partit Laburista għamel minn kollox sabiex iżid u jġib lura għandu l-voti li kien tilef.  Ma rnexxilux, minkejja l-pjaċiri kbar li saru, speċjalment lejn l-aħħar tal-leġislatura.  Imma l-maġġoranza, minkejja kull tentazzjoni, hemm baqgħet.  Ġiet konfermata wara triq twila u diffiċli.  Niftakar sew jum l-għadd tal-voti.  Niftakru wkoll dieħel f’Kastilja jieħu l-ġurament, b’ġabra ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu telgħu ħdejh jiftħu l-folla li kienet bdiet tħoss l-arja tal-liberazzjoni minn dittatura twila ta’ ħmistax-il sena.  Pass pass bdiet il-bidla fil-poter.  Ma kien faċli xejn għalih, imma rnexxilu jibdel.

Prim Ministru (1998-2004)

9.     Għadda minn diversi mumenti iebsa hawn ukoll.  Lura fl-Oppożizzjoni kien hemm min ried il-‘bidla’.  Kien hemm min ħaseb li issa kellu jitlaq.  Imma żamm sod il-Partit, u taħt il-linja tiegħu reġa’ ġieb maġġoranza f’elettorat fejn il-vot kien beda jsir iktar likwidu minn qabel.  Il-missjoni hemm kienet lura għat-tbatija li ġġib maġġoranza tal-poplu li jivvutaw favur id-dħul tagħna bħala membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea.  Irnexxilu bl-għaqal tiegħu.  Irnexxilu jġib kunsens sabiex illum il-pajjiż qiegħed igawdi minn legat uniku.

Wirt uniku

10.   Pajjiżna għandu ħafna x’jgħid dwar Eddie Fenech Adami.  Ċertament, kull persuna tiġi bl-esperjenza tagħha fil-ħajja tad-dinja, imma huwa ħaqqu rispett u tifħir kbir.  Insellmulu u nawgurawlu, f’dan il-mument, għal iktar snin snin magħna.




IN WORK BENEFIT PERSUNI F’GĦAWDEX LI BBENEFIKAW





12888. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jindika kemm persuni f’Malta  bbenefikaw mill-In work benefit tul is-sena 2019? Jista’ jindika kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel u kemm tħallsu?

05/02/2020

  ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kif ġej ;

Benefiċċjarji skont il-Ġeneru f’Għawdex
Numru ta’ Benefiċjarji
Nefqa għall-Għoti tal-In-Work Benefit
Nisa
119
€105,015.33
Irġiel
402
€366,747.59
Total
521
€471,762.92

Seduta  301
19/02/2020



IN WORK BENEFIT - PERSUNI F’MALTA LI BBENEFIKAW





12887. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jindika kemm persuni f’Malta  bbenefikaw mill-In work benefit tul is-sena 2019? Jista’ jindika kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel u kemm tħallsu?

05/02/2020

  ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kif ġej ;

Benefiċċjarji skont il-Ġeneru f’Malta
Numru ta’ Benefiċjarji
Nefqa għall-Għoti tal-In Work Benefit
Nisa
1,735
€1,490,059.35
Irġiel
2,837
€2,416,619.85
Total
4,572
€3,906,679.20

Seduta  301
19/02/2020

ĊENTRU TAL-ARBITRAĠĠ – ARBITRAĠĠI PENDENTI


 12886. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm arbitraġġi pendenti fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ fl-aħħar tas-sena 2019 u jista’ jindika kemm kienu volontarji, kemm mandatorji u kemm internazzjonali?

05/02/2020

  ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS: 
Ninsab infurmat li sal-aħħar tas-sena 2019, fiċ-Ċentru kien hemm 634 każ pendenti minn 5,868 każ li ġew ippreżentati sa minn Marzu tas-sena 2000.  Il-każijiet pendenti huma 24 każ ta’ arbitraġġ internazzjonali, 145 każ ta’ arbitraġġ volontarju u 465 każ ta’ arbitraġġ mandatorju.

Seduta  301
19/02/2020

RAĦAL ĠDID - UFFIĊĊJU TAS-SIGURTÀ SOĊJALI - ĦADDIEMA


 12885. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni kien hemm jaħdmu fl-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ġewwa Raħal Ġdid u jista’ jindika kemm persuni wżaw is-servizz tal-post tul is-sena 2019?

05/02/2020

  ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm ħames persuni li jagħtu servizz lill-pubbliku fl-uffiċċju distrettwali ta’ Raħal Ġdid. Matul is-sena 2019, kien hemm 3,741 persuna li rrikorrew għal xi servizz minn dan l-uffiċċju distrettwali. Kien hemm għadd ta’ persuni oħra li marru l-uffiċċju distrettwali msemmi għall-informazzjoni ġenerali, li dwarhom ma tinżammx statistika b’mod uffiċjali mid-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali.

Seduta  301
19/02/2020


ĊENTRU TAL-ARBITRAĠĠ – ARBITRAĠĠI DEĊIŻI





12884. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew deċiżi arbitraġġi fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ tul is-sena 2019 u jista’ jindika kemm kienu volontarji, kemm mandatorji u kemm internazzjonali?

05/02/2020

  ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS:  Ninsab infurmat li matul is-sena 2019 ġew deċiżi 267 ka¿, li minnhom 2 kienu deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ internazzjonali, 25 kienu deċizjonijiet ta’ arbitraġġi volontarji u 240 deċiżjoni ta’ arbitraġġi mandatorju.

Seduta  301
19/02/2020

ARBITRU TAS-SIGURTÀ SOĊJALI - KAŻIJIET




12883. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet quddiem l-Arbitru tas-Sigurtà Soċjali tul is-sena 2019? Jista’ jgħid kemm ġew deċiżi, ċeduti jew abbandunati?

05/02/2020

  ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba hija kif ġej ; 
Appelli  quddiem l-Arbitru
Numru ta’ każijiet irreġistrat sa Diċembru 2019
Appelli li daħlu sa Diċembru 2019
912
Appelli deċiżi sa Diċembru 2019
370
Appelli ċeduti sa Diċembru 2019
218
Appelli abbandunati mill-appellant, sa Diċembru 2019
44

Seduta  301
19/02/2020

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...