Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici sejjaħ bħala viżjoni limitata
u ħrafa l-għajta tal-Gvern Laburista u tal-kelliema tiegħu li jibqgħu jagħtu
l-impressjoni li qabel ma tela' dan il-Gvern tliet snin ilu, ma sar xejn
fin-naħa t'isfel ta' Malta. Fil-Parlament waqt il-ħin tal-Aġġornament, Carm Mifsud Bonnici fakkar kif
meta fl-1987 tela' fil-Gvern il-Parit Nazzjonalista, in-naħa t'isfel ta' Malta
kien fi stat żbaljat u kien mertu tal-PN li biddel l-immaġini ta' dawn
il-lokalitajiet bid-diversi inizjattivi u proġetti li saru u li llum jista'
jgawdihom kulħadd.
L-argument li llum qiegħed jitkompla x-xoġħol fuq dak li sab, hu ġust, iżda
ma jaċċettax li l-ħidma bdiet fl-2013 mill-Gvern tal-lum. Semma kif Gvern Nazzjonalista ta lill-parti tal-Kottonera importanza
kulturali b'diversi proġetti kbar u b'investiment qawwi li taw krettu li qabel
ma kienx hemm. Bit-twaqqif ukoll tal-Kunsilli Lokali, saret ukoll ħidma kbira
li komplew saħħu l-karatteristiċi u l-aspetti storiċi u kulturali. Illum,
il-Gvern qiegħed jikkonkludi proġetti li kienu bdew mill-amministrazzjoni
Nazzjonalista, fosthom dak ta' Baċir Numru 1.
Irrimarka li n-nies tan-naħa t'isfel għandhom sitwazzjonijiet ferm aktar
ta' nkwiet li jitolbu lill-Gvern jieħu deċiżjonijiet. Semma numru ta' toroq li
l-Gvern mhux qed jagħmel, uħud minnhom ukoll arterji prinċipali. Semma t-triq
li minn Bir id-Deheb tagħti għaż-Żejtun li hemm bżonn tinbidel, it-triq minn
Ħaż-Żabbar għaż-Żejtun, u dik minn Santa Luċija għal Raħal Ġdid li jeħtieġu
jitranġaw.
Tkellem ukoll fuq l-aspett soċjali tan-nies fin-naħa t'isfel. Sejjaħ bħala
ta' nkwiet li f'Bormla huma ħafna l-familji li qed jirrikorru għall-għajnuna
ta' ikel provdut mill-UE. Irrimarka wkoll li Bormla hu post ukoll fejn
il-Partit Laburista għandu l-aktar saħħa iżda wkoll fejn hemm l-aktar
diffikutajiet soċjali marbuta ma' sitwazzjonijiet ta' faqar jew fir-riskju ta'
faqar,
Appella lill-Gvern jidħol fid-dettal ta' din is-sitwazzjoni biex in-nies
f'Bormla u fiz-zoni ta' madwar ikollhom ħajja aħar milli għandhom illum. Semma l-kirjiet tad-djar mingħand il-gvern li żdiedu b'mod qawwi li wkoll
qed jaffettwaw lil dawn il-famijli l-aktar fil-bżonn u li qed jissarraf f'piż
esaġerat u kbir aktar mill jifilħu. Ta' niket ukoll is-sitwazzjoni ta' nies li
m'għandhomx pensjoni adegwata u li ma taqbiżx il-€500 fix-xahar, u ta' nies li
qed jaħdmu fuq bażi part-time u f'kundizzjonijiet ta' xogħol, definit bħala
prekarjat.
Semma l-aspett soċjali marbut ma' nies fir-riskju tal-faqar li qed
jinqatgħu u ma jiħdux is-servizzi tal-benefiċċji soċjali, u oħrajn li qed jinqatgħu mir-reġistru tal-qgħad u oħrajn li
qed jitilfu l-għajnuna tal-mard. Dan ukoll jimmerita attenzjoni immedjata
mill-Gvern. Fisser li qed tinħoloq idea li hemm xi ħaġa ħażina f'min jieħu
l-benefiċċji soċjali. Sejjaħ dan bħala żball għaliex dawn huma familji
fil-bżonn ta' dawn il-benefiċċji soċjali.
Id-Deputat Nazzjonalista sejjaħ lill-Gvern biex jirranġa wkoll
sitwazzjonijiet oħrajn fl-ambjent tan-naħa t'isfel ta' Malta bħalma huma l-bus
stops. Semma eżempju ta' bus shelter li kienet kbira u nbidlet għal
waħda iżgħar meta s-sitwazzjoni hi li jkun hemm kwantità ta' nies jistennew
fl-istess ħinijiet. Semma wkoll żewġ bus stops mill-Fgura sa Ħaż-Żabbar
li tneħħew.
Hemm problemi ta' immaniġġjar ta' traffiku fi Triq Sir Paul Boffa, fejn
kien hemm il-Marsa Shipbuildng, li llum saret karreġġjata waħda u qed ikun hemm
diffikulttajiet kbar anke biex tgħaddi ambulanza.
Carm Mifsud Bonnici tkellem ukoll dwar dak li hu proġettat li jagħmel dan
il-Gvern fiż-Żonqor, f'Wied il-Għajn, u kif il-Gvern tilef rasu warajh. Fisser
kif il-Gvern seta' solva l-problemi li ilhom pendenti u marbuta mal-Lukanda
Jerma minflok ma ttieħdet art ODZ fiż-Żonqor.
Innota wkoll li meta tikkunsidra kollox, malajr tirrealizza li saru diversi
wegħdi li mhux qed jiġu implimentati. Semma li dan jikkuntrasta bil-kbir ma'
dak li qed jintefaq fit-tieni distrett, fejn hemm numru ta' Ministri waqt li
appella biex l-istess ammont ta' flus
jintefqu fuq distretti elettorali oħrajn.
Staqsa kif il-Gvern jispjega li se jsir xogħol f'Ħal Tarxien b'nefqa ta'
€3,000 biex jirranġa ġnien, iżda lest jonfoq nofs miljun fuq arterja
industrijali f'Bulebel li sservi l-fabbriki. Mhux biss, illum il-viżjoni tal-Gvern hi limitata, iżda l-unika ċaqliqa hi
biss l-għoti ta' parti mill-Baċir Numru 1 lil istituzzjoni edukattiva u mhux
università.Tkellem ukoll dwar dak li qed jingħad li se jsir f'Raħal Ġdid, meta hemm
min qed jgħid li dan mhux se jsir u li talab lill-Gvern jaċċerta li dan se jsir
u li jkun hemm time frames.
Appella biex is-siġar fil-pjazza ta' Raħal Ġdid li ilhom għal dawn l-aħħar
40 sena, ma jitneħħewx u jkunu nklużi fil-proġett li se jsir. Filwaqt li qal li hemm bżonn li
l-Gvern iħares ukoll lejn il-postijiet l-oħrajn fin-naħa t'isfel biex jidħol
fid-dettal ta' dak li hemm bżonn li jsir, Carm Mifsud Bonnici semma l-problema
u l-isfida tal-immaniġġjar tat-traffiku fejn hemm nuqqasijiet kbar.
Irrimarka li jekk kif qed jingħad, il-Baċir li nfetaħ għat-traffiku se
jingħata lil kumpanija privata u jista' jingħalaq, dan ikun qed joħloq problemi kbar ta' traffiku f'din
iz-zona li diġà għandha problemi kbar ta' immaniġġjar ta' traffiku.
Appella għal pjan strateġku għan-naħa t'isfel ta' Mata quddiem ukoll
sitwazzjoni li fiha l-Gvern għadu ma tkellimx fuq il-pjan ta' immaniġġjar
tat-traffiku għall-proġett taż-Żonqor. Dwar dan, ir-residenti fl-inħawi huma
mħassba u wkoll qed jistaqsu ħafna u qed jistennew risposti.
No comments:
Post a Comment