14.3.16

Il-bżonn tal-ġustizzja soċjali


 1.     Kull soċjetà żviluppata għandha tħares li tibni lilha nfisha fuq il-pilastri tal-ġustizzja u l-ugwaljanza.  Ilkoll nafu li din hija sfida f’kull żmien u mument.  Nafu li trid issir ħidma motivata, determinata u kostanti sabiex wieħed jipprova jassigurahom.  Tmexxija demokratika li tifhem dan u s-soċjetà li għandha f’idejha trid tkun attenta biex tagħraf il-polz tal-pajjiż u tqis sew jekk kemm-il darba hix qegħda tittraskura, toqgħod lura jew tkun kaġun hija stess u f’dan tħalli diversi ċittadini tagħha nieqsa, b’oħrajn jieħdu dak li ma għandhomx.

2.     Fi żminijiet oħra, it-tqassim tal-ġid fid-dinja ekonomika seta’ jitqiegħed lura f’postu forsi b’numru mhux esaġerat ta’ miżuri determinanti.  Niftakru dak li l-magħruf Henry Ford kien jgħid, li jekk wieħed jassigura paga ġusta lill-ħaddiem, allura l-konsegwenza hija li tikber magħha wkoll l-ekonomija.  Fi kliemu: “If you don’t pay workers decent wages, the economy will lack the demand to sustain economic growth”.  Illum id-dinja hija iktar komplikata minn dak li kienet u għalhekk irridu noqogħdu attenti għal dak li għaddej biex il-ġustizzja tikber u mhux tiċkien.  Għax il-gambetti għaliha kibru sew.

3.     Għax jista’ jkollna pajjiż li r-riżultati ekonomiċi tiegħu huma meqjusa bħala tajbin ħafna, kif il-ħin kollu nisimgħu b’tifħir kontinwu li però fuq in-naħa l-oħra għandu r-realtà li huma l-ftit li qed igawdu minn dan il-ġid.  Hemm disugwaljanza li trid toħroġ frott diversi fatturi, uħud passati u oħrajn iktar evidenti u qawwija bħall-klijenteliżmu u preferenzi attwali llum.

4.     Għandna tlett fatti li minn analiżi ġenerali kostantement joħorġu.  L-ewwel, id-differenzi kbar fis-salarji bejn dawk li qegħdin ‘il fuq, li qegħdin jitilgħu iktar u dawk li qegħdin taħt u li qed jinżlu iktar ‘l isfel.  It-tieni, li għandna wkoll it-tnaqqis fil-valur ekonomiku li s-salarji tal-ħaddiema jirrappreżentaw fil-pakkett sħiħ tal-ġid nazzjonali.  It-tielet, li qed naraw bidla fid-direzzjoni, fil-proċess ta’ distribuzzjoni fejn ta’ taħt qed jikkontribwixxu iktar għal dawk li qegħdin fuq u mhux il-kontra.  Dan kollu għax il-pagi f’pajjiżna mhumiex jimxu bl-istess pass ta’ bidla bħal dik tal-ekonomija nazzjonali, anzi kif qed naraw, niżlin lura.

5.     Naqblu li għandna nħarsu lejn soċjetà li trid timbotta u tassigura li dak li huma minn taħt jitilgħu ‘l fuq mingħajr estremiżmi.  Fejn is-sistema tat-tassazzjoni tibqa’ waħda ġusta u li kemm jista’ jkun tħajjar li jsir iktar xogħol.  Biss, meta naraw li l-ġid tal-pajjiż qiegħed biċċa biċċa jikkonċentra ruħu f’inqas dejn, meta naraw li l-istatistika turi li iktar ħaddiema qed ifittxu li jkollhom xogħol part-time mal-full time u li l-pakkett tas-salarju tagħhom qiegħed jiġi mhedded b’iktar ħaddiema barranin li lesti jagħmlu l-istess xogħol b’salarji ferm inqas, allura wieħed irid jieqaf jirrifletti.

6.     Irridu nżommu lura minn dik il-linja deċiża li tħalli din is-sistema tkompli għaddejja fejn l-iżbilanċi finanzjarji huma aċċettati u fis-silenzju promossi.  Nafu l-effetti fuq diversi familji li jgħaddu minn tbatijiet kbar, uħud jibdew jitilfu mill-umanità u d-dinjità tagħhom, oħrajn jitkissru kompletament.  Diġà uliedna għandhom trobbija f’familji fejn il-ġenituri jaħdmu t-tnejn sa’ ħinijiet fit-tard, fejn iridu jfendu għal rashom u jaħsbu huma għall-bżonnijiet fid-dar.  Hawn għajta għall-ugwaljanza u għall-ġustizzja li qegħda tikber u tinfirex.

7.     L-agħar f’dan hu li hemm min fix-xenarju politiku li mhuwiex jara l-bżonn li jbiddel u jikkumbatti din l-inġustizzja soċjali.  Fejn hemm min jimmaġina li dik hija s-sistema li tħadem u allura ma għandekx tmissha.  Għalhekk qed narawha tissoda iktar għax uħud magħżula qed jingħataw dak li ma ħaqqhomx flok jitqassam fuq kulħadd.  Irridu nwasslu l-messaġġ li dan huwa żbaljat, li anzi l-verità hija li iktar ma jkun hawn ugwaljanza fil-ġid, l-ekonomija iktar tikber u tissaħħaħ.

8.     Għalhekk hemm bżonn nifhmu li mhux minnu li min qed idaħħal ħafna ser jaqsam ma’ min għandu inqas, li l-ġid ta’ fuq ser żgur jinżel ‘l isfel.  Anzi, is-sistema qegħda ġġid li kollox jibqa’ fejn hu, kull persuna għal rasha.  Għandna iktar persuni li qed jiġġieldu fiż-żona tar-riskju tal-faqar, li jitolbu minna azzjoni malajr u fit-tul.  Għalhekk il-bżonn tal-ġustizzja soċjali hija ferm iktar u din hija l-vera sfida politika tallum.


9.     Proprju fuq dan wieħed irid jgħid li l-Partit Nazzjonalista fil-prinċipji tiegħu ħares kontinwament lejn il-ġustizzja soċjali li għandha valur miżjud u aqwa.  Għax kif ingħad minnu: “Biex issalta il-ġustizzja fil-pajjiż, mhux biżżejjed li jkun hemm liġijiet li jassiguraw li ċittadin ma jgħallatx b’ieħor (ġustizzja kommutattiva).  Lanqas mhu biżżejjed li jitqassam b’mod xieraq il-qligħ li jipproduċu bejniethom (ġustizzja distributtiva).  Neħtieġu wkoll liġijiet li jassiguraw it-twettiq tad-dmirijiet ta’ l-individwu lejn il-komunità u tal-komunità lejn l-individwu (ġustizzja soċjali).”  L-impenn u r-responsabbiltà fuqna bħala difensuri ta’ dawk li huma ‘l isfel fis-soċjetà hija ferm ikbar.

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...