1. Nisma’ u naqra mingħand persuni varji fuq
il-valuri tas-soċjetà u fuq tagħhom.
F’pajjiż fejn il-maġġoranza hija magħmula minn bnedmin twajba u minn dik
ir-rieda ħafna drabi jaħsbu li qed jisimgħu dak li ma jkunux. Jaħsbu li meta xi ħadd jitkellem dwar valuri
qiegħed jirreferi għal dawk insara.
Ir-realtà hija kompletament il-kontra.
Il-problema hija wkoll li ħadd ma jistaqsi lil dak u lill-ieħor x’tip ta’
valuri jħaddan.
2. Għax hemm min jaħseb li bħalma r-regoli,
il-liġijiet tal-pajjiż jistgħu jbiddlu b’maġġoranza parlamentari, daqshekk
ieħor jistgħu jinbidlu l-valuri u l-kodiċijiet ta’ etika. Hemm ordni fid-dinja, hemm esperjenza umana
twila li turi biċ-ċar x’sarraf u ma sarrafx għa-tajjeb li ħafna jinjoraw. Jaħsbu li jistgħu jivvintaw dak li ilu
ppruvat bħala żbaljat u jerġgħu jmorru lura għalih. Jimxu lura, mingħalihom li sejrin ‘il quddiem
fil-progress mentri marru lura fir-rigress.
3. Hemm min f’dan jimmaġina li għandu jġib
ruħu fil-poter b’kemm ikollu voti, kunsensi u maġġoranzi warajh. Iktar ma jkollhom, uħud mingħajr esperjenza
jħossuhom li jistgħu jimponu, jimxu bl-id tal-arroganza u ma jagħtux każ. Ma jħarsux warajhom biex jagħtu rendikont ta’
dak li qegħdin jagħmlu bil-mandat elettorali li ngħataw. Min huwa fil-poter demokratiku jrid jifhem li
dak kollu li jwettaq, dak li jagħmel u dak li ser jipprospetta jrid ikun kemm
jista’ jkun trasparenti.
4. L-esperjenza politika u parlamentari hija
f’dan element essenzjali. Argument sod
kontra t-teknokrazija hija proprja din.
Li min jiġi maħur f’karigi ministerjali ma jkollux għarfien
tal-istituzzjonijiet demokratiċi u anqas ma jkun sensittiv biżżejjed għal dak
li l-elettorat irid. L-esperjenza turi
kontinwament li min jiġi minn barra jispiċċa jieħu l-gambetti li huwa stess ma
jagħrafx. Jidħol fihom mingħajr ma
jirrealizza proprju għax ir-responsabbiltà politika tieħu l-ħin tagħha biex
timmatura f’moħħ il-bnedmin.
5. Il-valuri nsara f’dan ħallew il-marka
tagħhom fis-sistema demokratika u politika tal-Unjoni Ewropea. Ftit huma dawk li jistgħu jargumentaw
il-kontra. Biex sistema timxi hemm bżonn
li jkollha f’qalbha u f’moħħha l-onestà, il-verità, is-serjetà, l-integrità,
il-ħniena u l-ġustizzja. Meta tarmi jew
tiskarta partijiet minn dan it-tessut demokratiku allura l-affarijiet imorru
lura. Mhux biss, imma l-istess poplu,
l-elettorat isemma’ leħnu l-kontra.
6. Hemm min jimxi mal-linja li l-votant flus
f’idejh irid. Li jekk l-ekonomija tkun
sejra tajjeb, allura tista’ tagħmel li trid għax kull persuna ser tibqa’
siekta. Mentri l-esperjenza politika
turi li l-pajjiż iħares lejn ir-rettitudni morali. Iħares li jkolu bnedmin li jista’ jafda
bil-kaxxa u bl-eventi tal-pajjiż.
Mexxejja li, anki jekk kellhom diversi avversitajiet ekonomiċi, baqgħu
retti u dritti, baqgħu rispettati.
Il-valuri nsara f’dan jgħallmu u jagħtu direzzjoni.
7. Ngħid dan għax dan il-Gvern mill-mument li
ġie mqiegħed fis-siġġu tal-poter beda jimxi bis-sistema tal-pjaċiri,
tal-klijenteliżmu, tal-preferenzi esaġerati.
Flok serva u qiegħed lilu nnifsu bħala strument ta’ sewwa u ġustizzja
mar għal affarijiet oħra. Biex mingħalih
iżid il-kunsensi politiċi b’atti li huma fihom infushom ħżiena proprju għax
jagħtu lil min ma ħaqqux dak li huwa ta’ oħrajn. Biss, ladarba tibda tibqa’ sejjer. Ladarba titwieled fuq is-sieq il-ħażina
tibqa’ hemm.
8. Dan huwa li qiegħed jiġri issa wara tlett
snin ta’ dan il-Gvern ġdid, progressiv u movimentat. Illum wara nofsinhar, fuq it-taraġ ta’
Kastilja, ser tiġi organizzata attività li tipprova tibgħat il-messaġġ li
l-atti żbaljati li qed naraw, ta’ korruzzjoni, għandhom jieqfu
immedjatament. Din mhix waħda tal-partit
imma hija nazzjonali. Hija sejħa
għall-bnedmin ta’ rieda tajba li ma jridux li l-pajjiż, ikun min ikun
fil-Gvern, imexxi kif qiegħed. Sejħa
għas-sewwa sabiex il-fiduċja fit-tmexxija tal-pajjiż minn politiċi tkun hekk –
waħda bażata u ispirata fuq il-valuri nsara.
Għax hija dejjem, fl-aħħar mill-aħħar, kwistjoni ta’ valuri.
No comments:
Post a Comment