1. Ftit jiem ilu waqafna sabiex
infakkru l-Jum tal-Memorja, ix-Shoah.
Niftakru f’dak li ħutna Lhud għaddew minnu tul l-aħħar gwerra
dinjija. Għax it-trapass taż-żmien ma
għandu, bla ebda mod, inessina minn dak li seħħ fil-kampijiet ta’ konċentrament
nażisti varji. Għax għalkemm għal certi
eventi tad-dinja iservi biex inessi, ifejjaq u jirrikonċilja, dan ma jistax
jgħodd għal dan il-ġenoċidju.
2. L-atroċitajiet, is-sistema
djabolika li biha sitt miljun persuna nqatlu, ma jistgħux ma jżommuniex nieqfu
u nifhmu kemm iż-żerriegħa tax-xenofobija, tar-razziżmu u anti-semitiżmu hija
sterili u perikoluża. Dak li ġara
fil-Ġermanja u fl-Italja huma eżempji ta’ kif popli twajba, ħawtiela, onesti bi
prinċipji ta’ rettitudni, jispiċċaw jinħakmu minn mexxejja populisti, minn
persuni fuq il-lemin estrem u japprovaw dak li ma għandhomx. Sfortunatament diversi nħakmu minn dan.
3. Hemm żerriegħa ta’ ħażen, li
tinżera’ proprju minn punti żgħar, diskors żejjed, aġir żbaljat li jnibbet iktar
il-quddiem l-irwiefen tal-mibgħeda.
Għalhekk, kull soċjetà demokratika għandha tibni fiha l-bilanċ bejn
id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u, fuq in-naħa l-oġra, l-penalizzazzjoni
ta’ diskors li jsir biex isaħħan, ixewwex jew jinkoraġġixxi bnedmin oħra biex
jaġixxu b’mod żbaljat fil-konfront ta’ minoranzi. Il-libertà tal-espressjoni hija dritt li
kollha għandna, però m’għandniex nużawha sabiex inkabbru mibgħeda kontra dawk
li mhumiex parti mis-sewwa. Bħalma anqas ma għandna nippermettu li jsir
diskors żbaljat fil-konfront tar-reliġjon.
4. Hemm f’dan il-bżonn dejjem ta’
informazjoni u edukazzjoni. Ħidma li
l-midja f’pajjiżna hemm bżonn li tagħmel.
L-ewwel, b’iktar dokumentarji, diskussjonijiet u analiżi ta’ dak li seħħ
taħt in-nażiżmu u l-faxxiżmu ta’ kemm kienu verament żbaljati u li ma għandhomx
jiġu ripetuti. Għax hemm bżonn li jiġu
preżentati l-fatti b’mod ċar u li ma jħallix dubju f’ras ċerti nies li jitħawdu
jew jinħakmu minn falsitajiet.
5. It-tieni, li nibdew naraw iktar
awto-dixxiplina u kontroll minn min jikteb u jirrapporta sabiex ma nagħmlux
minn argument żbaljat wieħed li jista’ jkollu xi bażi, sempliċement għax
għandna bżonn inbiegħu. Il-liġijiet
tagħna huma mekkaniżmu ta’ kontroll legali, biss huwa ferm iktar indikat li min
juża d-dritt li jesprimi ruħu, ma jisparlax.
Iż-żerriegħa tal-mibgħeda razzjali trid tiġi miżmuma milli tieħu n-nifs,
inkella tattakka d-demokrazija. Għax huwa
fl-interess tagħna li nkomplu ngawdu u nħaddmu l-mekkaniżmi kostituzzjonali li
għandna mingħajr ma nitilfuhom.
L-esperjenza tat-Tieni Gwerra Mondjali għandha tfakkarna li d-diskors
intolleranti ġieb fix-xejn id-demokrazija, qered diversi ħajjiet u ġieb miegħu
straġi sħiħa.
6. Li nfakkru x-Shoah huwa
essenzjali sabiex nifhmu dak li għaddew minnu ħutna l-Lhud, però wkoll sabiex
nifhmu x’inhuma l-elementi essenzjali ta’ sistema demokratika b’saħħitha. Essenzjali u attwali anki llum li nkunu
magħquda kontra dan l-aġir anti-uman li jiżra’ biss il-banalità tal-ħażen. Għax għalkemm għadew is-snin għandna xorta
obbligu morali u legali li nkomplu nfakkru.
Jekk irridu iktar sewwa u verità rridu niftakru li kull ġurnata hija Jum
il-Memorja.
No comments:
Post a Comment