14.3.16

Inbidlet il-pożizzjoni.


1.     Hemm mumenti u eventi li jbiddlu t-triq u l-passaġġ tal-istorja.  Wieħed jista’ jħares lura u jittama li dak li seħħ ma jkunx.  Jipprova jifhem għala ġrat ħaġa u mhux oħra.  Jittama li dak li qiegħed jara quddiemu ma ġarax.  Biss ir-realtà hija li ladarba dawn ikunu seħħew ma tista’ tagħmel xejn, salv li taċċetta u timxi ‘l quddiem.  F’ħafna sens dan huwa dak li għaddej minnu l-Gvern tal-ġurnata.

2.     L-arloġġ ma jistax jieħdu lura.  Anzi llum, il-mument attwali huwa tant mibdul li flok reazzjonijiet attivi qiegħed nara nostalġiji passivi.  Il-mentalità, il-linja tal-ħsieb għadha dik ta’ partit li jew għadu ser jidħol fil-poter jew fil-bidu tiegħu meta tant seħħew punti gravi li m’għadux iktar il-każ.  Fi żmien tlett snin ġie fl-istess livell ta’ partit li ilu jżomm ir-riedni tal-poter f’idejh għal ħafna.  Ministri tiegħu spiċċaw, oħrajn qdiemu u oħra m’għadhom ileqqu xejn.

3.     Il-mument kompla jinbidel bl-aġir u ħidmet l-istess Gvern li xeba’ jidħol f’borom li m’għandux.  Però wieħed irid jirrimarka f’dan li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd li għadda kienet mument li mmarkat il-passaġġ minn perjodu għall-ieħor. Il-bnedmin li nġabru ma ġewx għax ser jivvutaw lill-partit tal-Oppożizzjoni.  Ġew biex juru li ma jaqblux mal-korruzzjoni li ħafna qed jaraw għaddejja quddiemhom.  Bnedmin ta’ ideat varji, mhux biss nazzjonalisti jew ex- nazzjonalisti, imma laburisti u oħrajn li nġabru fis-skiet.  Inġabru biex jibgħatu messaġġ bil-kelma t-tajba.

4.     Hemm wara dak il-jum sfida ġdida li qegħda titressaq.  Dik li titlob li jkun hemm miżuri li bihom dak li sar jittieħed kont u rendikont tiegħu u li fil-futur ma jkunx hemm aġir simili.  Il-Ħadd immarka b’linja ħamra kbira f’ras diversi li ġew u dawk li xtaqu imma ma ġewx.  Immarka bidla fir-riħ li għandu jingħata attenzjoni proprju għax mhux biss seħħ imma seħħ kmieni fil-leġislatura.  Kmieni ħafna meta fil-bidu tagħha sar diskors li dawk ser ikunu l-ewwel ħames snin minn ħafna u ħafna oħrajn.  Jekk il-Gvern jinjora din is-sejħa sempliċi għas-sewwa jkun qiegħed ikompli u jżid fl-iżbalji tiegħu.
5.     L-ilmijiet politiċi f’ħakka t’għajn huma verament aġitati.  Hemm, kif sewwa ngħad, tempesta qawwija li qabdet.  Il-pajjiż iddaħħal f’fażi elettorali bikrija.  Fejn qabel il-jum tal-elezzjoni ġenerali kien il-bgħid, moħbi fil-moħħ tal-Prim Ministru, illum huwa parti mid-diskors kontinwu fit-triq.  Il-Gvern daħal u daħħal lilu nnifsu f’mekkaniżmu li bih il-pajjiż qiegħed jarah jersaq malajr għall-vot, proprju biex ma jitlifx iktar kunsensi milli qiegħed.  L-ispekulazzjonijiet huma verament varji u hemm kriżi li diffiċli titqiegħed lura f’postha.  Waħda li daħħlet instabilità li ftit ippretendew li sejra tiġri.

6.     Ngħid diffiċli mhux għax ma hemmx soluzzjoni.  Hemm waħda ċara u ovvja.  Hemm anzi għajta nazzjonali u maġġoritarja li għal raġunijiet varji qed jintalbu bidliet malajr.  Biss, it-tmexxija qegħda tkompli ttawwalha.  Qed tipprova taljena bi proposti differenti li flok jirnexxu qed iktar jissudaw l-ideat kuntrarji.  Flok dak li huwa abjad jingħad hekk qed nisimgħu ċaħdiet kontinwi tal-verità.  Indikazzjoni evidenti f’moħħ numru ta’ persuni li l-kontroll tal-poter ħareġ mill-idejn u ġie perikolat u mdgħajjef.

7.     Ebda tmexxija fi stat demokratiku ma tista’ tipprevedi l-futur tagħha.  Tista’ biss tieħu l-passi neċessarji kif jinqalgħu l-eventi u l-mumenti kkumplikati.  L-abbiltà tat-tmexxija hemm qegħda.  Dak li jiġi fuqha jew taħtha trid tagħraf tieħu azzjoni għalih.  Meta ma tagħrafx tindika li jew mhux qed tifhem jew ma tistax għax għandek moħħok jew idejk marbuta.  Fit-tielet sena l-arja nbidlet sew.  Ħadd ma jista’ jibqa’ jaħseb li kollox għadu l-istess u li, kif jgħidu, qisu ma ġara xejn.  Anzi, kif qed naraw, il-pożizzjoni nbidlet u għalhekk jew tinbidel għaliha inkella tibdlek hi.


No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...