6.7.15

Xenati parlamentari li ħadd ma jrid jara.





1.      Din il-ġimgħa parlamentari bdejtha, dejjem fl-opinjoni tiegħi bit-tajjeb, però mhux hekk spiċċajtha.  L-inkwadru sabiħ li l-Arċisqof Charles Scicluna ta lill-Parlament il-ġdid ma baqax fuq pożizzjoni temporanja imma ħa postu mwaħħal mal-ħajt.  Ilni ngħid u naħseb, l-ewwel, kemm kienet lezzjoni mill-isbaħ li fost il-qaddisin għażel lil San Tumas More; it-tieni, proprju fuq kemm imrar il-patrun tal-membri parlamentari għadda minnu.  Għal min forsi ma jafx, Tumas More kien għaddieh proċess ir-Re Enriku VIII ta-Ingilterra għax ma riedx jiċħad il-fidi kattolika tiegħu.  Ma riedx imur lura mill-prinċipji nsara tiegħu u għal dan għaddewh proċess politiku u fl-aħħar qatgħulu rasu barra.  Hu kien magħruf li huwa politiku leali u onest u spiċċa martri tal-Knisja Kattolika.

2.      Biss, jiena u dieħel għad-dibattitu fuq l-Estimi tal-ETC rajtu mwaħħal sod u għadda ħsieb.  Forsi kien ikun aħjar li kieku ġie mdendel ġewwa milli barra l-kamra ta’ fejn jiltaqgħu l-membri.  Hemm nistgħu narawh aħna u deħlin għax meta noħorġu nistgħu biss nittamaw li ma seħħx aġir żbaljat ġewwa l-post għax l-effett tal-eżempju t-tajjeb ta’ Tumas More ma jkunx jista’ jseħħ.  Dan il-ħsieb żdiedli l-Erbgħa filgħaxija f’dak li ġara meta ftakart li huma l-membri tal-Oppożizzjoni li l-iktar li ser jarawh għax qiegħed imwaħħal viċin iktar tal-entratura tagħhom milli minn dik tal-membri tal-Gvern.  Forsi llum nistaqsi f’qalbi: għalhekk ġara li ġara?

3.      Attendejt għal numru sew ta’ seduti parlamentari u ħafna kienu kwieti, ċivilizzati.  Oħrajn mhux daqstant, imma kont ilni ma nisma’ dak li seħħ nhar l-Erbgħa filgħaxija.  Fil-fatt fittixti fil-memorja u stajt biss niftakar f’dak li kien seħħ f’numru ta’ seduti fil-leġislatura ta’ bejn l-1981 u l-1987, biex ma nsemmix dawk tul l-1998 li għalihom ma kontx preżenti.  Fil-Parlament membru m’għandux, kemm jista’ jkun, jitlef rasu.  Huwa kkunsidrat bħala l-post fejn ir-raġuni u l-kalma għandhom jirrenjaw.  Biss, dan il-parir, din id-direzzjoni hemm min ma jeħodhomx.  L-eżami prinċipali jsir fuq dawk li jkunu għadhom kif daħlu ġodda fjamanti.  Dawk li f’daqqa u ħabta l-poter jitla’ għal rashom u jibdew jaġixxu kif ma għandhomx, jitkellmu wisq iktar milli għandhom.

4.      Issa, sakemm id-dibattiti fil-Kamra tad-Deputati ta’ qabel kienet tasal għand il-poplu bir-radju, kien hemm biss l-element tal-immaġinazzjoni.  Uħud jaraw dak li jaħsbu li qed joħroġ mid-diskors b’lenti kbira, oħrajn b’waħda inqas.  Iżda llum il-pajjiż għandu l-vantaġġ li jara u jisma’.  Deputat li jitlef rasu, ministru li ma jistax jikkontrolla lilu  nnifsu huwa faċli li jinkixef.  Il-Parlament ma huwiex post faċli.  Fih ħafna eżamijiet u magħhom illum  żdied ieħor iktar qawwi u rigoruż.  L-elettorat jiġġudika issa mhux mil-lenti ġurnalistika ta’ naħa jew oħra, iżda huwa direttament.  Għalhekk anke jekk ma jkollokx l-esperjenza, l-għaqal politiku, xorta trid toqgħod attent.

5.      Il-kuntrasti f’dak li seħħ l-Erbgħa ħarġu iktar ma’ dak li seħħ it-Tnejn.  Ħadt sehem u għamilt l-argumenti tiegħi dwar il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ.  Dak li kelli ngħid naħseb li għidtu.  Biss il-Ministru Evarist Bartolo, li kien qiegħed jismagħni, f’ebda mument ma tilef rasu, wisq inqas il-kalma, u fehem li dak li kien qiegħed isir kien parti mis-sistema neċessarja tad-demokrazija indiretta tagħna li tiddependi fuqha.  Wieġeb għall-kritika li saritlu bl-intelliġenza, mingħajr ma b’xi mod għajjat jew tpastaż.  Kien f’dan żgur eżemplari.  Biss l-eżempju tiegħu, sfortunatament, ministru ieħor li għadu ġej u li jidher li t-termometru tiegħu tielgħa, ma ħadux.

6.      Forsi kien hemm xi segwaċi estremisti li ħadu pjaċir bl-għajjat u d-diskors tal-Ministru Korradu Mizzi.  Biss, in-normali u dawk li għandhom il-libertà tal-vot ħassewh li tilef rasu u ma kienx kapaċi jikkontrolla ruħu.  Huwa diġà żbaljat li titlifha, però ngħid li huwa iktar hekk meta qed tindirizza lill-Kap tal-Oppożizzjoni.  Dorti id-dibattiti kollha tal-aħħar leġislatura u f’ebda mument ma kien hemm xi ministru nazzjonalista li ġieb ruħu b’dan il-mod mal-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien.  Dr Simon Busuttil mhux biss kuwa l-Kap ta’ partit li għandu voti sew warajh, imma huwa figura kostituzzjonali.  Insulti lilu la għamlu ġieħ lill-ministru u wisq inqas lill-istituzzjoni demokratika.  Kienu verament xenati xejn dekorużi u żgur anti-demokratiċi.

7.      Wieħed għandu żgur jistħihom xenati parlamentari simili.  Żgur mhux forsi fihom infushom, iżda iktar minn hekk għal dak li jindikaw.  Għax ċert li mingħajr ma ried, l-istess ministru ġieb fuqu iktar attenzjoni u spekulazzjoni.  Smajt diversi jgħidu li r-reazzjoni tiegħu kienet tikxef dak li huwa għaddej minnu.  Il-pressjoni li qegħda ssir u ilha għal dawn l-aħħar sentejn skorruti mill-poplu u mill-Oppożizzjoni qegħda issa tilħaq fejn m’għandhiex.  Mhux ser nidħol fuq ir-raġuni ta’ ħaġa jew oħra, però kull min qiegħed fil-politika jaf li ministru ma jistax jippretendi li jkun fil-pożizzjoni li huwa huwa u kollox jgħaddi qisu xejn.  Din is-sitwazzjoni trid tiġi rimedjata.  Huwa żbaljat li jkollok ministru jaħdem f’din it-tip ta’ sitwazzjoni u huwa daqshekk ieħor żball li jitlef rasu.  Ix-xenati parlamentari bdew isiru.  Ladarba saru darba tul din il-leġislatura ser naraw iktar.  Nittama li xi ħadd jifhem u jipprova jwaqqaf dak li l-poplu ma jridx jara.



No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...