27.7.15

Beda jiċċafċaf





1.      Tul dawn l-aħħar sentejn il-Gvern, bl-aġir volontarju jew involontarju, bagħat sinjal qawwi barra.  Dak li ma hemmx għalfejn li wieħed jaħseb fil-futur.  Li ma hemmx wisq għalfejn tkun attent kif u b’kemm qiegħed tonfoq.  Ir-riżultat huwa li diversi ħadu l-impressjoni li ma hemmx ħafna għaqal fit-tmexxija tal-kaxxa ta’ pajjiżna.  Meta l-elettorat jara kif qed isir l-infiq u kif qiegħed isir fuq bażi rikorrenti jifhem li ser ikun hemm mument ta’ ingropp.  Jista’ jkollu raġun u jista’ jkollu tort.  Ħafna jafu li tkun f’liema pożizzjoni tkun trid taħseb dejjem iktar fil-futur.  Futur li f’dawn is-snin rajnih instabbli.  Daqqa ‘l fuq u daqqa l-iktar u iktar ‘l isfel.

2.      Din il-ġimgħa kienet iktar u iktar dominata mill-kriżi Griega.  Laqgħat barra minn xtutna, stqarrijiet ministerjali ġiebu fid-diskors tat-triq dak li huwa għaddej.  Min jifhem fl-ekonomija jitkellem mod, min jifhem fil-ħajja ftit differenti.  Għalkemm jidher li fil-kotba, skond il-manwali, pajjiżna m’huwiex ser jintmiss, hemm realtà oħra li ma toħroġx mill-kotba iżda mill-eventi ta’ kull ġurnata.  Ilkoll nafu li ftit snin ilu konna ħadna d-deċiżjoni tajba li ngħinu direttament lil dak il-gvern li kien dak il-mument immexxi minn Gvernijiet li kienu favur l-Ewropa u s-sistema ekonomika miftuħa li hija tħaddan.  Hemm min jitkellem fuq il-miljuni li ħarġu.  Biss, kif sewwa spjega l-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament, f’dawn is-snin pajjiżna għamel qabżiet ekonomiċi kbar.  Il-figuri juru dan u aħna iktar “sinjuri” milli konna.

3.      Dawn ir-riżultati seħħew għal numru ta’ raġunijiet però, żgur mhux forsi, kien hemm ferm ċentrali dik marbuta mal-istabilità ewropea u dik tagħna.  Dak li ħriġna għall-Griegi ssoda żgur indirettament iktar l-avvjament tagħna.  Biss il-Greċja llum l-affarijiet differenti.  Il-pajjiż mar lura ekonomikament u ma jistax ilaħħaq mal-bżonnijiet tal-poplu.   Il-Gvern fil-poter ma għadux wieħed wisq favur l-Ewropa.  Il-partit fil-gvern huwa anti-kapitalista u fuq ix-xellug estrem li l-komuniżmu għadu kapaċi jwelled.  Tlett fatturi li li qed jaħdmu l-ħin kollu.  Diversi m’humiex forsi japprezzaw biżżejjed li f’dan kollu hemm ġlieda ideoloġika qawwija.  It-tmiem tal-ewro u tal-Unjoni Ewropea hija parti minn attakk kontra s-sistema “kapitalista” li l-Ewropa bniet.  Is-sistema ekonomika u finanzjarja, li terġa’, sfortunatament marret iktar lejn il-lemin fl-aħħar snin b’teoriji liberali li ma ħadux ħsieb l-aspett soċjali.

4.      Hawn f’dan dħul lura tal-bżonn ta’ konfront politiku ideoloġiku li ħafna nsew jew konvenjentement neħħew minn rashom.  F’dan kollu li qiegħed isir, l-effetti ta’ “tmiem” il-Greċja u l-Griegi huma ferm differenti milli qed naraw.  Fir-referendum deher ċar li 60% tal-poplu diġà qiegħed iħossu li mess il-qiegħ u ma għandu xejn iktar x’jitlef.  Fil-faqar kbir qiegħed u ma jistax jiftaqar iktar.  L-40% l-oħra huma dawk li għadhom b’xi mod aġevolati u dawn illum huma minoranza.  Min jimmaġina lil-ħruġ li l-Griegi jidħlu għalih ser iġib xi rivoluzzjoni kontra t-tmexxija ta’ Tsypras qiegħed jilludi ruħu u fl-istess ħin jinsa l-lezzjonijiet ċari u qawwija tal-metodiu linji politiċi li dittatorjati ħadu fi ħdan id-demokrazija.  Hemm taqbiliet kbar li jistgħu jittieħdu imma sfortunatament jibqa’ jkun hemm min jaħseb li kulħadd jaħseb u jaġixxi bħalu.

5.      Min jaħseb li l-ħruġ tal-Greċja mis-sistema ewropea mhux ser tolqtu b’xi mod indirett huwa, naħseb, żbaljat.  Dan il-pajjiż, fil-pożizzjoni li qiegħed fit-tarf tal-Mediterran huwa bieb li jdur sija lejn l-Orjent kif ukoll lejn l-Oċċident – jiddependi min iħabbat u min irid jiftaħ.  Negozju, id-dinja marittima, ir-rabtiet soċjali u kulturali m’humiex statiċi u anqas partijiet minn logħbiet.  F’din id-dinja ma hemmx sitwazzjoni fejn parti toħroġ minn fuq il-mejda għax tilfet u ma tilgħabx, iżda tkompli għaddejja taġixxi kif tkun.  Bdil fis-settur ekonomiku kif ukoll f’dak politiku lura lejn ideat “sovjetiċi” ser idaħħlu influwenzi ġodda.  Min jiftakar jaf li qabel il-Ħajt ta’ Berlin kien hemm xkiel ekonomiku kbir.  Dak li llum żviluppa seħħ proprju wara t-tmiem ta’ dak il-ħajt u wara li l-pajjiżi ta’ wara dik il-purtiera bdew it-triq demokratika u ekonomika tagħhom.

6.      Il-Gvern qiegħed jiftaħar bil-figuri li ħadd ma jista’ jiċħad.  Però, x’qiegħed iwassal għal dawn ir-riżultati nibża’ li ma hemmx biżżejjed għarfien tiegħu.  Iktar u iktar meta preżentement fuq naħa qed ingawdu, l-ewwel mill-prezzijiet ‘l isfel taż-żejt, u t-tieni mill-flejjes li l-Unjoni Ewropea qegħda l-ħin kollu toħroġ biex toħloq ix-xogħol u fuq in-naħa l-oħra qed naraw iktar prekarjat u iktar persuni fir-riskju tal-faqar.  L-effetti tal-ħruġ tal-Greċja ser inaqqru u jżidu rispettivament minn dan, żgur fuq il-livell dirett ta’ oħrajn u indirettament f’tagħna.  Dan iktar u iktar f’soċjetà ewropea fejn nafu li madwarna għandna soċjetajiet f’diffikultà.  Diġà qed immissu b’idejna ma’ bnedmin minn stati oħra li qed jiġu ħawn, jiftħu negozji li mhux kollha jibqgħu hawn, jekk ma jżarmawx u jitilqu b’kontijiet pendenti.

7.         Jekk din is-sitwazzjoni ma titlobx attenzjoni, ma nafx liema titlob.  Gvern Nazzjonalista, li ġie kkritikat ħafna inġustament, kien għaqli u kawt f’dan.  Dan preżenti ma huwiex, jew aħjar nittama ngħid li ma kienx sa issa.  Biss, anke jekk mid-djar u t-twieqi tal-karozzi tagħna ser inkunu qed inħarsu lejn baħar kalm, fir-realtà dak ekonomiku qed jitqalleb.  Il-Gvern ta’ pajjiżna għandu jieħu dan bħala sinjal u jibda jikkontrolla aħjar u jnaqqas il-ħela u l-infiq bla kontroll li diversi qed jaraw għaddej.  Jekk il-kaptan m’huwiex qiegħed jinduna, sejrin lejn ilmijiet li fihom ir-riħ qiegħed jonfoħ sew.  Dan, mingħajr allarmiżmu, jitlob attenzjoni.  Jitlob li nbiddlu dak li għaddej.  Min kien hemm qabel irnexxielu jifhem x’inhuwa ġej, ma tgħabbiex u wassal f’ilmijiet ċari lil pajjiżna li ilu sentejn fihom.  L-għażliet ma humiex, din id-darba, f’idejn il-Partit Nazzjonalista iżda huma f’idejn ħaddieħor.  Però dan ma jfissirx li ma aħniex ser inkomplu nwettqu dmirna mal-poplu tagħna.  Għandna l-interess nazzjonali li l-affarijiet isiru sewwa u li l-attenzjoni tingħata kif għandha.




No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...