20.7.15

Statistika u realtà.



1.      Hemm dokumenti li jiddikjaraw il-fatti kollha, juruk l-istampa sħiħa u hemm oħrajn li jagħtuk parti minnha.  Drajna issa nisimgħu lill-Gvern joħroġ stqarrijiet jiftaħar kemm id-dinja tax-xogħol sejra apparentement ‘il quddiem.  Il-figuri maħruġa mill-NSO tul il-ġimgħa għal dawk li għandhom impjieg full-time għax-xhur ta’ Jannar-Frar 2015 stabilew il-bank ta’ iktar ftaħir u inqas attenzjoni għad-dettalji.  Dan qiegħed jingħad mhux biex wieħed jipprova jtappan, iżda sempliċement biex wieħed jifhem sewwa sew x’qed jiġri fid-dinja tax-xogħol f’pajjiżna.  Ngħid iktar dan għax din l-istatistika reġgħet irrepetiet li ż-żieda ta’ bejn wieħed u ieħor 4% ta’ dawk li għandhom impjieg full-time baqa’ kostanti ma’ tas-sena l-oħra.  Għalkemm minn eżami tal-aħħar rappor tal-Bank Ċentrali jingħad aħjar: The annueal growth rate slowed down somewhat to 3.8% in December (2014) from 4.1% three months earlier.  On average, employment in 2014 was up by 3.6% on a year earlier, sustaining the 3.5% growth recorded in 2013.

2.      Il-figuri li nħarġu jikkonfermaw żieda, però ma hemmx xi kwalità ta’ żieda qed nitkellmu fuqha għal min qiegħed isib ix-xogħol.  Ma nippretendix dan mill-NSO, però hemm insensittività min-naħa tal-Gvern li sempliċement joħroġ jiftaħar u jinjora realtajiet oħra.  Ir-realtà li toħroġ mill-ewwel mill-pożizzjoni ta’ persuni fl-għalqa l-kbira u varja tal-prekarjat.  It-tieni, ta’ dawk li huma f’diffikultajiet finanzjarji li qed ifittxu xogħol ieħor part-time, u t-tielet ta’ dawk li jew għax pensjonanti fl-iskali ta’ isfel jew għax qed jgħixu għar-raġunijiet varji fuq forom ta’ għajnuniet soċjali tħallew żbaljatament barra.  Hemm statistika oħra li ma tiġix ikkunsidrata, u minflok jintbagħat barra l-messaġġ li jżid il-melħ fil-ferita ta’ diversi persuni li qed ibatu fis-soċjetà tagħna.

3.      Il-prekarjat jibqa’ b’rasu għolja.  Minn numru sew ta’ domandi parlamentari li ressaqt jidher ċar li mhux biss għandna żieda qawwija fil-persuni li qed jaħdmu part-time, iżda wkoll ta’ kuntratti ta’ xogħol varji li huma b’xi mod dipendenti mill-Gvern.  Meta l-NSO jitkellem fuq il-figura ta’ 43,892 persuni li jaħdmu mal-Gvern qiegħed fl-istess waqt ma jinkludix id-diversi li għandhom kuntratti marbuta ma’ xogħol part-time u ta’ dawk li għandhom impjieg mal-Gvern fuq bażi ta’ self-employed.  F’dawn is-sentejn jidher li l-pożizzjoni tal-prekarji, flok tnaqqset, żdiedet.  Huwa żgur li sija l-ETC kif ukoll il-Bank Ċentrali qed jaqblu li kien hemm żieda ta’ madwar 8% ta’ persuni fis-settur part-time.

4.         Ippruvajt ikolli f’idejja kif kienet il-pożizzjoni lejn l-aħħar ta’ Marzu 2015 dwar dan is-settur biex nifhem aħjar dak li għaddej, però għaż-żewġ domandi li ressaqt il-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol irreferieni għal dik ta’ l-aħħar ta’ Diċembru 2014.  Però minn dawn hemm 34,057 li kienu hekk reġistrati u li minnhom jidher li kien hemm 10,479 li kienu ilhom hekk għal iktar minn ħames snin, l-oħrajn nibtu iktar reċentement.  Mhux biss, imma jidher li hemm 13,946 raġel u 20,111 nisa li għandhom il-part-time bħala l-impjieg prinċipali.  Ma’ dawn hemm 15,689 raġel u 7,691 nisa lig ħandhom impjieg part-time u full-time f’daqqa.  Dawn il-figuri juru li 23,380 persuna li għandhom xogħol full-time u li l-istatistika ta’ din il-ġimgħa tal-NSO tinkludi li parti sew minnhom ma jistgħux ikampaw u għandhom bżonn impjieg ieħor biex ivinċu l-ispejjeż tal-ħajja.  Dan ifisser li 13.47% tal-persuni li qiegħed jiftaħar bihom il-Gvern qegħdin f’pożizzjonijiet ekonomiċi diffiċli.

5.         Mhux ser nidħol fil-kwistjoni ta’ jekk huwiex minnu li iktar nisa qed jidħlu lura għad-dinja tax-xogħol għax għad ma għandniex l-istampa sħiħa, però hemm żgur żewġ punti li rrid sempliċement insemmi li juru li hemm tnaqqis fl-impieg full-time u ż-żieda fil-part-time.  L-ewwel li l-aħħar rapport tal-Bank Ċentrali, meta jqabbel il-figuri tal-2013 u l-2014 jgħid: During the 4th quarter the total employment rate stood at 61.6% and was thus 0.2% of a percentage point higher than a year earlier.  This reflected developments in the male employment rate, which rose by 0.8% percentage point on a year earlier, to 74.9%.  The largest rise was registered in the 35-54 age bracket.  On the other hand, the female employment rate dropped by 0.3% percentage point on a year earlier, to 47.8%.  It-tieni f’dak li hemm fl-aħħar rapport tal-ETC fejn jingħad: Overall, the increase in part-time employment has originated from the female cohort of the labour force.

6.         L-istqarrija tal-Gvern għażlet ukoll li tinjora lil dawk li jinsabu f’pożizzjoni diffiċli għar-rigward tal-pensjoni tagħhom.  Minn informazzjoni mogħtija fil-Parlament għandna 22,221 persuna li tirċievi inqas minn ħames mitt ewro fix-xahar.  Figura li trid tinqara’ wkoll ma’ domanda oħra li għamilt minn fejn jidher li hemm numru ta’ persuni li qabżu t-62 sena li qed jaħdmu fis-settur part-time.  Fil-fatt hemm 6,228 li minnhom 5,716 għandhom il-part-time bħala l-impjieg primarju u 512 li għandhom dan flimkien ma’ impjieg full-time.  Statistika li ġiet injorata li però titlob li tiġi eżaminata.  Jista’ jingħad: ara kemm sejrin tajjeb, però minn dak li nara u mmiss miegħu jidher li l-maġġoranza tagħhom huma dawk li mhux qed iwasslu bil-pensjoni baxxa tagħhom.

7.         L-istess stqarrija tal-Gvern taħrab mill-pożizzjoni preżenti ġewwa l-gżira ta’ Għawdex.  Filwaqt li qed tiġi kull darba injorata l-istatistika tal-ETC li l-persuni reġistrati jaħdmu f’Ghawdex ma naqsux iżda żdiedu.  Jidher ukoll li l-impjieg part-time għadu b’saħħtu.  Fil-fatt, minn domanda parlamentari jidher li hemm 4,065 li huma hekk reġistrati li minnhom 2,126 il-part-time huwa wieħed primarju u 1,939 huwa flimkien ma’ full-time.  Dan jindika li hemm il-figura ta’ 11.9% tal-persuni reġistrati part-time qed jaħdmu f’dik il-gżira li huwa 5.3% ‘il fuq minn dak li wieħed jistenna distrett, distrett.

8.         L-istess dikjarazzjonijiet tal-Gvern jinjoraw li hemm issa żidiet oħra ta’ persuni li huma “third country nationals” li qed jaħdmu fis-suq f’pajjiżna li ma jissemmewx ukoll.  Fil-fatt, minn domandi li għamilt jidher li filwaqt li fl-2010 (fl-eqqel tal-immigrazzjoni irregolari) kellna 3,431 jaħdmu, illum fl-2015 għandna 6,112 jiġifieri żieda ta’ kważi d-doppju.  Figura li tirrappreżenta 3.5% tal-persuni li huma reġistrati jaħdmu full-time u li hija viċin ħafna dik taż-żieda nazzjonali li l-Gvern qed jitkellem dwarha.

9.         Hemm ferm iktar li jista’ jingħad fuq dan is-suġġett, ma hemmx dubju, speċjalment kif inħoloq iktar xogħol mal-Gvern u l-effetti tiegħu fuq is-settur privat.  Li huwa żgur hu li ma hemmx kollox ileqq, u l-Gvern jagħmel tajjeb li jorbot saqajh mal-art u jħares lejn ir-realtà tal-fatti u mhux jintilef fi statistika parzjali, li m’hijiex sħiħa.  Il-fatti li elenkajt hawn anzi juru li hemm iktar nies li qed ibatu fil-partijiet ta’ isfel tas-soċjetà li stqarrijiet bombastiċi żgur m’humiex balzmu għalihom, anzi melħ aħrax fuq fil-feriti miftuħa.



No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...