13.2.25

MARSXLOKK – RAPPORTI TA’ DELITTI

25030. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti tul is-sena 2024 fil-lokalità ta’ Marsaxlokk u kemm kienu marbuta ma’ serq?

 

24/01/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat illi matul is-sena 2024 f’Marsaxlokk kien hemm mija u sebgħa u għoxrin (127) reat irrapurtat mal-pulizija, li minnhom tnejn u erbgħin (42) kienu każi ta’ serq, u każ (1) ta’ attentat ta’ serq.

 

Seduta  308

05/02/2025

RESTAWR TA’ KOTBA

25029. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19667 jista’ l-Ministru jelenka r-restawr tal-kotba kollha li saru minn kull entità taħt d-dekasteru tiegħu?

 

24/01/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li l-Arkivji Nazzjonali fis-sena 2024 lestew 100 proġett ta’ restawr fuq dokumenti. L-interventi li saru fuq dawn jinkludu tiswija tal-karta, tindif ta’ moffa, saru kaxxi u enclosures oħra għal preservazzjoni tad-dokumenti u saru polyester sleeves biex jiġu ppreservati r-ritratti.

 Ninsab infurmat ukoll li Heritage Malta matul 2024 għamlet diversi xogħlijiet fuq il-karta li l-informazzjoni dwarhom qed inpoġġiha fuq il-Mejda tal-Kamra.


Seduta  308

05/02/2025

MARSASCALA – RAPPORTI TA’ DELITTI

25028. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti tul is-sena 2024 fil-lokalità ta’ Marsaskala u kemm kienu marbuta ma’ serq?

 

24/01/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li matul is-sena 2024 f’Marsaskala kien hemm erba’ mija u tlieta u għoxrin (423) reat irrapurtat mal-pulizija, li minnhom mija u ħdax (111)  kienu każi ta’ serq, u erba’ każi (4) ta’ attentat ta serq.

 

Seduta  308

05/02/2025

TGĦID GĦANDHA RAĠUN?

1. Diversi awturi qed jiktbu dwar dak li qiegħed jiġri f’kull soċjetà. F’kemm persuni qed jinqatgħu mill-bnedmin u jgħixu waħedhom. Mhux bħala eremiti reliġjużi li jwettqu l-pass b’għażla ferħana tagħhom li jinqatgħu biex jidħlu iktar fil-fond, imma għax huma mwarrba minn oħrajn. Drabi wkoll imwarrba miċ-ċirkostanzi tal-ħajja. Dak li jseħħ f’ħajjet il-bniedem ma tistax tikkontrollah. Hemm lista twila ta’ affarijiet li jwasslu persuni f’dik il-pożizzjoni. Jistgħu jitilqu f’dan minn meta jkunu żgħar u jibqgħu sejrin, u jistgħu wkoll jgħixu hekk aktar tard fil-ħajja. Il-bniedem illum bit-tibdil li hawn, bit-teknoloġija u mingħajrha. Fil-familji u n-nuqqas tagħhom, inkella fin-nuqqas ta’ integrazzjoni li qed naraw isseħħ, bnedmin isibu ruħhom waħedhom, maqtugħa.

Il-kelma t-tajba


2. Diffiċli ssib definizzjoni preċiża għal dan u diversi jippreferu jużaw il-kelma ‘solitudni’. Biss intendi nara l-kelma ‘abbandun’ xi ftit aħjar. Fil-Miklem tal-mibki Erin Serracino Inglott (1904-1983) insibu l-kelma ‘solitudni’ spjegata bħala: “stat, qagħda ta’ kulfejn hu solitarju jew waħdu”, mentri ‘abbandunat’ bħala “mħolli, mitluq fl-abbandun; minsi għal kollox jew fit-tul; merħi waħdu jew għal riħu; li ma ħasbux fih aktar”. Kliem li jafu jgħoddu għall-bnedmin, imma wkoll għall-oġġetti. Madanakollu xorta nħoss li waħda tfisser iktar il-gravità tal-pożizzjoni li fiha l-bniedem isib ruħu. Mhux kulħadd jaqbel dwar dan, ċertament.

Loneliness

3. Difatti, fil-ktieb A Biography of Loneliness. The history of an Emotion (2019) ta’ Fay Bound Alberti (1971) hemm attentat interessanti lejn dan is-suġġett. F’parti minnu tiddikjara hekk: “Loneliness thrives when there is a disconnect between the individual and the world, a disconnect that is so characteristic of neoliberalism, but not an inevitable part of the human condition.” (L-abbandun jitkattar meta jkun hemm nuqqas ta’ konnessjoni bejn il-bniedem u d-dinja, nuqqas li huwa tant karatteristika tan-neoliberaliżmu, imma mhux parti inevitabbli tal-kundizzjoni umana.) Jeżisti u kiber fil-fatt li l-bniedem qiegħed isib aktar lilu nnifsu maqtugħ. Drabi għax jiddeċiedi hekk, jibda l-proċess huwa stess, u drabi għax oħrajn jaqtugħ barra, u ħafna għax hemm parti miż-żewġ elementi.

Hemm prezz

4. L-awtriċi tafferma li hawn iktar attenzjoni għal dak li qiegħed iseħħ fis-soċjetà għax hemm prezz ekonomiku. Tgħid hekk: “Loneliness is expensive, which is arguably why it has attracted so much governmental attention. The health and social care needs related to loneliness are escalating in the West, becuase of an ageing demographic.” (L-abbandun għandu prezz għoli, li jista’ jkun ir-raġuni għala ġibed tant attenzjoni tal-gvernijiet. Il-bżonnijiet tas-saħħa u dawk soċjali marbuta mal-abbandun qegħdin jikbru sew fil-Punent, u dan minħabba li hemm aktar persuni anzjani.) U tkompli tikkonkludi: “So loneliness is political, too.” (U għaldaqstant l-abbandun huwa politika wkoll). U dan huwa veru, kif ħassejt nhar il-Ħamis li għadda meta qrajt l-aħbar li “Sar il-funeral ta’ erba’ persuni li ħadd ma ħa ħsieb jidfinhom f’Għawdex”.

Ħadd ma staqsa?


5. Diversi semgħu jew qraw din l-aħbar bħali u qisu ħadd m’għamel xi forma ta’ analiżi għal seħħ dan. Mhux soltu li l-bnedmin jiġu abbandunati b’dan il-mod. Mhux normali li l-ġisem sagru ta’ dawk li jgħaddu għal ħajja aħjar jibqa’ fit-tul jistenna li jingħata difna denja. Iktar u iktar meta dawn jidhru li kienu lkoll Maltin. Jiġifieri kellhom rabtiet, għeruq f’dawn il-gżejjer. Ċertament, kull persuna għandha l-istorja partikolari tagħha li hawnhekk minix inċekken jew inwarrab, imma jista’ jkun ukoll li dan huwa kaġun ta’ mentalità ġdida. Għalija f’kuntest ċar meta niftakar li ftit snin ilu attendejt funeral fl-Isla ta’ mara li hija wkoll kienet waħedha. Niftakarni niġi milqugħ minn persuna fost dawk li ġew għall-quddiesa li qalli li għalkemm din il-mara kienet mietet mingħajr ħadd li jiġi minnha, kif ukoll li ma kellhiex mezzi, xorta waħda l-ġirien tat-triq, ilkoll f’daqqa ġabrulha somma u tawha difna denja u kif jixraq lil kull persuna.

X’qed jiġri aktar?

6. Nafu mill-istatistika li fl-2022, persentaġġ ta’ 55% (li jiena rajtu għoli) tal-Maltin u l-Għawdxin ddikjaraw li jħossuhom waħedhom. Imma l-figuri ħafna drabi ma jidħqux bina. Fil-fond tagħna hemm xi raġuni għala dan il-pajjiż, li dejjem jiddikjara kemm hu sejjer tajjeb fl-ekonomija, qed isib lilu nnifsu sejjer dejjem iktar lura fir-rabtiet umani. Jidher ċar li qlibna l-mod ta’ kif naraw il-ħajja u lil xulxin, u ġejna f’din il-pożizzjoni. Waħda li tinbet mill-konsegwenzi wkoll tan-neoliberaliżmu, li jikkalkula iktar il-bniedem f’dak li hu kapaċi jipproduċi u fil-messaġġ li wieħed m’għandux ‘jaħli’ ħinu mal-oħrajn. Strument tas-suq, mhux tal-pajjiż. Dik il-forma ta’ solidarjetà u rispett li kellna, u dik li nagħtu każ tal-oħrajn avolja ma jiġux minna, tmermret. F’dan qed insiru dejjem iktar kull persuna għal rasha u mhux aktar f’daqqa magħqudin bħala komunità.

Id-dinja

7. Jonathan Sacks, li kkwotajt magħkom ftit ilu, fuq dan is-suġġett jiddikjara proprju li: “We are not made to live alone.” (M’aħniex magħmula biex ngħixu waħedna.) Għandna bżonn xulxin u f’dan irridu nagħrfu li minkejja dak li ninsabu fih u dak li huwa ġej għalina, iktar u iktar b’din il-gwerra kummerċjali inutli li beda l-President Amerikan Donald Trump li fl-aħħar tal-ġurnata ser ikunu aħna li ser inbatu l-konsegwenzi tagħha, li nkunu magħqudin f’daqqa huwa neċessarju. Sacks ikompli jiddikjara hekk: “The human condition is overwhelmingly about relationships – about faithfulness, staying true, loyal and committed to one another despite all the tensions, setbacks, misunderstandings, backsliding and all the multiple ways in which we fall short. It is about consecrating the bonds between us.

Qlibna

7. Minn dak li nara u minn dak li nqis, jidher aktar ċar li s-soċjetà tagħna għandha bżonn il-valuri t-tajba. Dawk Insara, li jkattru l-opri t-tajba u ta’ ħniena fl-oħrajn. Dawk li jwasslu l-għarfien li hija ħaġa tajba li taqbeż għall-oħrajn, li tara li tipprova tgħinhom u li, fuq kollox, ma tabbandunahomx. F’soċjetà fejn kull persuna qed titqiegħed aktar tiġri, taħdem u tgħix għal rasha, hemm bżonn li niskopru mill-ġdid il-ġid li kellna. F’dan ngħid li hawn għatx għall-valuri Demokristjani li sostnew lil din is-soċjetà. Ngħid li hemm bżonn nagħrfu dan u niddeċiedu jekk Fay Bound Alberti għandhiex raġun meta tgħid li dak li qed ngħixu huwa konsegwenza u karatteristika tan-neoliberliżmu.

IŻ-ŻEJTUN - MISRAĦ KARMNU GRIMA - XOGĦLIJIET

25021. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19769, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żvilupp sabiex isiru x-xogħlijiet  fil-Misraħ Karmnu Grima, fiż-Żejtun?

 

24/01/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT: Ninforma lill-Onerovoli Interpellant li Infrastructure Malta qegħdha tiddiskuti mall-Kunsill Lokali rispettiv dwar ir-riorganizzazjoni tal-parkeġġ u xogħljiiet oħra f’dan il-misraħ.

 

Seduta 306

03/02/2025

 

ĦAL TARXIEN – TRIQ TAL-BARRANI - XOGĦLIJIET

25020. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju waslu x-xogħlijiet marbuta ma’ Triq Tal-Barrani, Ħal Tarxien? Tista tgħid dawn ix-xogħlijiet x’inhuma u kemm ser idumu sabiex ikunu lesti?

 

24/01/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

 

Seduta  306

03/02/2025

 

IŻ-ŻEJTUN – RAPPORTI TA’ DELITTI

25019. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti tul is-sena 2024 fil-lokalità taż-Żejtun u kemm kienu marbuta ma’ serq?

 

24/01/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li matul is-sena 2024 fiż-Żejtun kien hemm tlett mija u tmienja u sittin (368) reat irrapportat mal-pulizija, li minnhom tmienja u sebgħin (78)  kienu każi ta’ serq u erba’ (4) każi ta’ attentat ta’ serq.

 

Seduta  306

03/02/2025

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...