5.8.21

 

Forom awtoritarji ġodda

 

1.    Mhux dejjem forzi ta’ prepotenza u kontroll ikunu fid-deher.  Hemm min jagħti l-ordnijiet li ma jmissux, u dawn narawhom jew immissu magħhom.  Hemm però setgħat oħra li jiddominaw u jirnexxilhom f’dan mingħajr ma jkunu identifikati.  Hemm awturi varji, bħal George Orwell, li kiteb dwar min jikkmanda b’abbuż tal-jedd fuq l-oħrajn.  Il-kotba tiegħu jibqgħu għad-dispożizzjoni tagħna, iktar u iktar għal min irid jifhem iktar ir-realtà li qed ngħixu fiha.  Il-ħajja u l-għarfien tal-kurrenti tagħha mhumiex dejjem fl-għajn esterna u interna tagħna.  Nafu nkunu “maħkuma” mingħajr ma nirrealizzaw jew nindunaw.

 

Argument xejn faċli

 

2.    Diġà qed ngħixu f’dinja fejn il-moħħ ta’ diversi huwa maħkum mit-teknoloġija moderna.  Id-dominazzjoni ġejja fl-attwalità, dak ta’ issa, kif ukoll fil-mudelli li l-bniedem qiegħed jimita mingħajr ma jinduna.  Hemm bżonn li wieħed jifhem biex jafferma mill-ġdid lill-bniedem.  Jafferma d-dinjità tiegħu, l-umanità sħiħa tiegħu.  Ikun attent li ma jiġix de-umanizzat.  Li ma jitlifx minn dak li huwa biex isir iktar dak li m’għandux ikun.  Is-soċjetà tagħna, fil-mument attwali għandha ħakma għaddejja fuqha.  Il-bniedem fil-ħajja ġie iktar għas-servizz tat-teknoloġija moderna.  Huwa iktar taħt id-dominju tal-apparati li għandna, bħall-mobiles avvanzati li hawn għad-dispożizzjoni.

 

Distratti

 

3.    Tmur fejn tmur, tara forom ta’ “imħabba” lejn dak li jidher fuq il-mobiles avvanzati.  Hemm forom ta’ aljenazzjoni u tixrid tal-moħħ.  Hemm ħakma tal-attenzjoni fis-sens li l-ħsieb u l-prijoritajiet jiġu kontrollati.  Tħares lejn min tħares, ħafna drabi tinnota li l-għajn qed issegwi iktar dak li dawn il-kaxxi żgħar għandhom iktar mill-ħajja ta’ madwar.  Mhux biss bnedmin qed ikunu f’dan mitlufa, imma qed jgħixu ‘realtà’ apparenti.  Mhux biss, imma l-linja tal-ħsieb tagħhom hija dominata minn dak li ħaddieħor irid jaħkimhom biha.  Hija ferm iktar faċli biex tmexxi linji ta’ propaganzda ta’ tmexxija ta’ ideat żbaljati.  Anzi, iktar li tmexxi l-gideb bħala verità.  Li tabbuża mis-sistema.  U l-bieb għal tali aġir huwa iktar għas-servizz ta’ mexxejja politiċi li għarfu l-vantaġġi għall-politika tagħhom li dawn jagħtu.  Ċertament, jekk Orwell kellu jerġa’ jitwieled, naħseb li kien jagħraf li l-mezzi li għandna fl-idejn u li nġorru magħna qed jinfluwenzawna wisq.  Kien jikteb kotba oħra.

 

Il-bniedem

 

4.    F’dan wieħed jifhem iktar li l-bniedem qiegħed jieħu indirettament ordnijiet li huwa stess jaċċetta mingħajr ma jifhem li qed iwettaq dan.  Ċerti drabi, bil-ħakma tal-ħsieb li wieħed għandu jsegwi lill-ieħor.  Jekk wieħed għandu apparat, l-ieħor għandu jkollu wkoll.  Jekk wieħed juża tali apparat fil-‘vantaġġi’ li oħrajn qed jieħdu, daqshekk ieħor huwa.  Imma, iktar minn hekk hemm id-diffikultà li l-bniedem qiegħed, għal darb’oħra jżarma lilu nnifsu biex isir jimita karatteristika u sura li m’għandux, jew aħjar, li m’għandux ikollu.  Il-bniedem, għal darb’oħra, flok jafferma l-indipendenza tiegħu, flok iħalli l-ispirtu liberu tiegħu jkun sod, qiegħed jippermetti lilu nnifsu jsir magna jew parti minn sistema mekkanizzata.  Fil-ħsieb li qiegħed isegwi ‘n-natura’ tiegħu, qiegħed jipprova jilħaq dak li mhuwiex.  Jipprova forom ta’ perfezzjonijiet organizzattivi li jwassluh biex la japprezza lilu nnifsu u anqas lil dawk li għandu miegħu.

 

Waqt u wara l-Pandemija

 

5.    Fil-bidu tas-sena, il-ġurnal The Economist, fil-pubblikazzjoni tiegħu ‘The World in 2021’ jiftaħ f’iktar gravità u attenzjoni għal dan.  Hemm hemm it-twissija indiretta: “The post-Covid world will be far more digital.  From remote working to online retail, the pandemic has compressed years’ worth of transformation into months, bringing with it a dramatic shake-up on how people live, what they buy and where they work.”  Li jfisser li billi ġejna iktar dipendenti fuq it-teknoloġija, m’aħniex sejrin inneħħuha wara.  Anzi, ser taħkimna iktar.  Ser nibqgħu, f’kelma waħda, f’livell ogħla fil-bidliet li ser isiru.  Il-ħajja tal-bniedem ser iktar tgħaddi mit-teknoloġija biex tirreġistra avvanz.  Dan ikun perikoluż, jekk ma jagħrfux li hemm f’dan l-opportunità għal ħaddieħor biex jaħkem.  Sija jekk ikunx fis-suq, sija jekk ikunx fil-politika, sija iktar fl-istil tal-ħajja li qed tiġi mposta fuq dawk li ma jikkonformawx.  Fuq dawk li jridu jipproteġu l-umanità tagħhom.  Jirreżistu sabiex il-libertà tagħhom tinżamm.

 

Algoritmi

 

6.    Diġà għandna sistema fejn hemm kontrolli u influwenzi li ma narawx.  Imwielda mill-ħsieb li l-moħħ tagħna għandu jiġi nfluwenzat.  Anzi, li huwa, għas-sistema, ‘leġittimu’ li niġu mgħoddija informazzjoni li ma tlabniex.  Sistema li tidher ‘intelliġenti#, imma fin-nuqqas ta’ kontroll qed issir dejjem iktar ‘abbużiva’ u invadenti.  Jekk tfittex suġġett partikolari fil-libertà li t-teknoloġija suppost tagħtik, tibda ssib li ddur fejn iddur, għandek ‘suġġerimenti’ li ma tlabtx.  Hemm asfissjar qawwi li hemm min iħossu, u hemm ħafna li mhux talli ma jħossuħx, imma talli qed jinħakmu f’dak li huwa ‘normali’.  Dan iktar f’dak li hemm min qiegħed jitkellem fuqu bħala ‘new normality’.  Flok nieħdu lura l-arja u l-ispazju tagħna, il-prospett huwa anzi ta’ ħakma ikbar.

 

Hemm bżonn difiża

 

7.    Jista’ jkun li wieħed jista’ jipproteġi ruħu minn dan, li jaqbeż għaċ-ċittadin normali tagħna u vulnerabbli f’dan.  Biss, is-sistema taf tkun iktar ikkumplikata biex toħroġ minn dan l-abbuż.  Mhux biss, imma iktar gravi li s-sistema tmexxik sabiex dan l-aġir ta’ reżistenza jkun l-eċċezzjoni, u mhux ir-regola ġenerali.  Il-bniedem mhux mgħarraf fil-fruntieri l-ġodda tat-teknoloġija, anzi llum, fil-prospett ta’ futur iktar dominat, għandu bżonn protezzjoni effettiva.  Għandu bżonn li jkollu mekkaniżmi legali u li jinbnew linji politiċi, prijorità nazzjonali, li jagħrfu dan u l-importanza li wieħed jiddefendi ‘l-bniedem.  Għandna drittijiet fil-liġijiet tagħna li huma ta’ garanzija f’ħafna abbuż.  Biss, f’dan, l-ambjent tekonoloġiku qiegħed jiftaħ xenarju li jitlob difiża.

 

Il-ħakma

 

8.    Il-ħakma m’għandhiex neċessarjament issir mill-persunaġġi u l-karattri li George Orwell fir-‘Razzett tal-Bhejjem’.  Qed issir b’iktar intelliġenza u poteri li mhumiex jidhru.  Qed issir b’idejn li ma jidhrux, imma li qegħdin, fil-fatt, ‘jikkontrollawna’.  M’hemmx trasparenza f’dan.  Hemm il-kawżi, u minnhom il-konsegwenzi u l-effetti tagħhom.  Il-bniedem diġà qabad toroq li qed jeħduh fejn huwa stess ma jagħrafx.  Qed jagħti l-kunsens tiegħu mingħajr ma huwa jara li qed jaċċettahom.  Isir ‘kompliċi’ indirett mingħajr ma għandu lil min jiftaħlu għajnejh.  Bejn dak li qiegħed jiġi prospettat li ser iseħħ waqt u wara l-pandemija, jibqa’ ċert li huwa dmir tagħna li naraw li ma jkollniex twelid ta’ forom awtoritarji ġodda fis-soċjetà tagħna.

Fis-Sagrifiċċju, it-Tama.

 

 

1.    F’dawn iż-żminijiet, meta pajjiżna għaddej minn mument kbir ta’ prova.  Meta ninsabu fl-għarfien li tlifna ħafna mill-isem tajjeb li kellna.  Meta qegħdin naraw li ġejna umiljati.  F’dan il-mument politiku xejn faċli, xorta m’għandniex ninqatgħu minn dak li aħna.  Il-ħidma pubblika hija importanti, deċiżiva, imma m’għandhiex tnessina jew taljenana.  Mhix, u m’għandniex nagħmlu minnha alla falz, u nispiċċaw saċerdoti naduraw fuq altari mejta.  Is-sitwazzjoni hija gravi, anzi gravissima, imma m’għandniex nitilfu l-valuri tagħna.  M’għandniex ninżgħu mill-umanità tagħna.  Nibqgħu bnedmin li rridu naħdmu għas-sewwa billi nirrispettaw li barra ġisem, għandna lkoll ruħ.

 

Dmirna

 

2.    F’dan il-Ħadd il-Palm, anki jekk id-direzzjoni għaqlija hija dik li ma nistgħux nattendu fiżikament għall-quddies, xorta m’għandniex nabbandunaw.  Xorta m’għandniex naħsbu li allura għandna ninsew dak kollu li aħna u dak li jsawwarna, l-għeruq sodi.  L-appuntament reliġjuż jista’ ma jkunx bħas-snin ta’ qabel, imma m’għandux ma jiġix rispettat.  Iktar u iktar meta dan il-Jum jimlina u jdaħħalna iktar fit-Triq li tagħmel, u tagħti lill-persuna, skop u direzzjoni.  Direzzjoni tant iktar vitali meta r-ritmu ta’ qabel inbidel.  Ħajjitna m’aħniex ngħixuha l-istess bħal qabel, imma xorta qegħdin ngħixuha.  Jekk qabel stajna ħallejna f’dak li konna, li kull sena insibu lest, f’din irridu nippersistu aktar.  Dan huwa mis-sewwa, imma iktar, huwa dmirna.

 

Il-preġju

 

3.    Huwa mument ta’ sagrifiċċju għalina lkoll.  Huwa iktar, għal diversi, mument ta’ passjoni.  Il-Pandemija ħatfet il-ħajja ta’ ħutna, dgħajfet dik ta’ soċjetà sħiħa u għadha ddur minn kantuniera għal oħra, tonsob.  Tistenna u tattakka mingħajr distinzjoni jew raġuni.  Bnedmin minn fostna huma esposti u vulnerabbli għal dan, anki jekk huma stess ma jafux.  Anki jekk ma hemmx xi sinjal jew qanpiena li tindaqqilna.  Ħadd ma jifhem biżżejjed għala, jew kif.  Imma r-realtà u l-fatti tal-ħajja huma dawk.  Hemm verità li, jum wara jum, immissu magħha, u għandna nagħrfuha u mhux naħarbu minnha.  Għax soċjetà tista’ tifehm iż-żmien li għandha u dawk li jistgħu jiġu fuqha jekk tagħraf ma taħrabx minnhom.  Il-mewġa qegħda tħarbatna, imma ma jfissirx li għandna ninqatgħu mill-verità jew ma napprezzawx is-siwi tas-sagrifiċċju personali u kollettiv.

 

Mill-muxrabija

 

4.    Il-fatti li qed immissu magħhom huma evidenti.  Dawn jistgħu jitkellmu waħdehom u jistgħu jiġu interpretati.  Wieħed jista’ jara dan bħala proċess ‘tan-natura’, u jista’ jmur pass iktar fil-fond.  Ifittex jifhem iktar li dak li għaddej minnu għandu wkoll lezzjonijiet qawwija.  Dawk li jindirizzaw domandi essenzjali tal-ħajja u eżistenza umana.  Il-punt bażilari li jiddireġina iktar, li għandna nagħrfu li l-bniedem mhuwiex biss ġisem, imma għandu ruħ, spirtu intern li jibqa’ hemm anki wara tmiem il-ħajja fuq din l-art.  Punt prinċipali li għandu jiftaħ iktar il-bieb biex wieħed japprezza iktar li l-ħidma ekonomika għandha s-sehem tagħha fl-eżistenza umana, imma l-bniedem mhuwiex maħluq biex ikun hekk biss.  Huwa li huwa mhux skond kemm jipproduċi jew jaqla’.

 

Mill-matmura

 

5.    F’dawn il-jiem għandna nkunu iktar opportunisti u nfittxu sew min aħna u l-bażi li fuq ħajjitna hija msejsa.  Inniżżlu jdejna iktar fil-qalb u fil-wirt ta’ dak li ħallewlna missirijietna għad-dispożizzjoni tagħna.  Għandna għerf li ġej mit-tagħlim tal-ġenerazzjonijiet tal-bnedmin.  Konoxxenza li ssudat frott l-esperjenzi varji umani li dawk li għexu fuq dawn il-gżejjer qabilna ħaddnu.  Dawk li fil-ġlieda qawwija tagħhom għall-ħajja, għall-eżistenza għarfu li hemm sapjenza unika, vera, u li għandha mill-ħajja.  Gwida u direzzjoni li mill-għawġ, it-tbatija, is-sagrifiċċji tal-ħajja tagħmel u tagħti sens.  Il-fidi Nisranija mhix impożizzjoni fil-ġenerazzjonijiet, jew aħjar, minn ġenerazzjoni għal oħra.  Hija qamħa li tagħti u tmexxina fil-jiem tagħna fuq din l-art.  Huwa l-għerf li anki jekk jiġi kontestat, jerġa’ jiġi aċċettat.  Qiegħed hemm għad-dispożizzjoni tagħna.  Irridu ninżlu għalih.

 

Battami

 

6.    F’dan li qed insofru fih.  F’dan li qed nissaportu.  F’dan li qiegħed jitlob minna dejjem iktar sabar.  F’dan li qisu l-jum ħlasu ma jridx jitla’ u jisbaħ.  Irridu nżommu iktar u iktar f’qalbna dak li għaddewlna.  L-estern tal-ħajja qed jiġi limitat fl-attività kostanti preċedenti tiegħu.  Biss, dak intern, li qabel seta’ ma kienx ikkultivat, u anzi ridott għall-inqas, issa jista’ jingħata spazju.  Il-bniedem ifittex dejjem, jagħmel x’jagħmel u jgħid x’jgħid, il-paċi f’qalbu, is-serenità.  Ifittex li jħossu sielem, u f’dan il-mument, iktar sieber.  Jaħdem fuqu nnifsu biex ikun iktar preparat.  Iktar immarkat fi ħsibijietu u f’għemilu.  Jara kif l-esperjenza kiefra li għaddej fiha tgħinu jsir iktar battami tajjeb.  Jissoda s-soqfa interni tiegħu biex wara jkun f’pożizzjoni aħjar.  Isir bniedem aħjar milli kien qabel.  Japprezza iktar dak li huwa, u jifhem dak li hu mistenni minnu.

 

Battilori

 

7.    Fis-sagrifiċċju li għaddejjin minnu.  F’dan il-mument ta’ prova għalina lkoll fil-qies u l-kejl differenti li għandna napprezzaw.  Għandna ngħarfu iktar li għandna soċjetà mimlija b’għerf, sens, sustanza, ideat, onestà, awtentiċità, fraternità u solidarjetà.  Għandna materjal uniku għad-dispożizzjoni tagħna.  Għandna sinjurija unika.  Deheb li jistenna li jitqiegħed minna biex jindura lis-soċjetà.  Li jitlob iktar battilori li ma jaqgħux għat-tentazzjonijiet li jiċħdu li huma.  Li flok jibqgħu bnedmin li jibnu u jħaddmu s-sengħa tas-sewwa, isiru għodda tal-banalità tal-ħażen.  L-oriġinalità tagħna, l-elementi li jiddistingwuna tul din il-Ġimgħa Qaddisa għandna aktar napprezzawhom u nikkultivawhom.  F’dawn iż-żminijiet ta’ sagrifiċċju għandna nifhmu aktart dan, u nissudaw lilna nfusna fit-tama.

 

 

F’din is-Sena

 


 

1.    Nammetti li ħarist ‘il quddiem tul is-sena li għaddiet lejn din li fiha nkunu nistgħu nisimgħu u niċċelebraw festa sabiħa bħal din.  Imma ma kellux ikun.  Hemm toroq għalina li għandna naċċettaw li għandna nieħdu.  Forsi għad ma wasalx il-mument li noħorġu minn dan id-deżert li ninsabu fih.  Għadu mhux il-waqt li nerġgħu ngħixu lura mingħajr ir-restrizzjonijiet fil-libertà li għandna fil-preżent.  Li fil-fatt inkunu nistgħu niċċelebraw u noħorġu l-vari tagħna lura biex nittamaw li jaffermaw il-preżenza tagħhom fostna, kif kienu.  Li nerġgħu nisimgħu u naraw il-murtali, il-briju tal-baned, il-ferħ ġenwin u d-dmugħ li jitwieled f’għajnejn il-bnedmin.

 

Parti minn dak li aħna

 

2.    Dan kollu huwa fortunatament kollu parti minn dak li aħna.  Partijiet essenzjali sabiex nassiguraw li ma nkunux differenti, imma li għandna nibqgħu li aħna.  Nistennew lura l-mument, imma fl-istess ħin nassiguraw li ma ninbidlux.  Inżommu sod, nippreservaw dak li jagħmilna.  Għax dan jista’, minflok, ikun mument meta naħsbu mill-ġdid dak kollu li kellna u konna wkoll ma napprezzawx biżżejjed.  Dan tul din is-sena li għaddiet u dik li ser tiġi aktar fuqna, sakemm is-sena li ġejja niċċelebraw id-19 ta’ Marzu.  Kif ngħidu, u għandna nitolbu iktar: reġġagħna għal dak li konna.  Mhux talli m’għandniex naqtgħu qalbna, talli għandna nissudaw iktar sabiex nifirdu dak li jagħmel il-ġid minn dak li jwettaq id-deni.  Forsi nittama inqas, ferm inqas piki inutli li jafu jwassluna fejn m’għandniex inkunu.  Iktar għaqda u koperazjoni biex inqajmu lura mill-ġdid fit-tajjeb li hemm.

 

Nużaw iż-żmien

 

3.    Hemm min, l-ewwel jaġixxi, u wara jaħseb fuq dak li jkun wettaq.  Hemm oħrajn li ma jaħsbux, u jsegwu biss dak li jkunu għamlu ta’ qabilhom.  Imma l-passi t-tajba jsiru, ħafna drabi, billi naħsbu sew qabel naġixxu.  Naħsbu b’attenzjoni u nidħlu fil-kalma neċessarja għat-twettiq ta’ programmi għal festi fejn il-bnedmin jiċċaqilqu u jibdlu ħajjithom.  Għandna għal darb’oħra mument u opportunità unika.  Iktar u iktar dawk li huma segwaċi u devoti ta’ San Ġużepp.  Dan il-qaddis, fil-Vanġeli diskorsi mingħandu m’għandniex, imma esegwixxa atti determinanti biex jipproteġi lil Sidna Ġesù Kristu u lil Ommna Maria Santissima.  Fis-“servizz ta’ sigurtà” li kellu mal-arkanġli u in ubbidjenza tagħhom.

 

Is-sena li għaddiet

 

4.    Tul is-sena li għaddiet ersaqt iktar viċin tiegħu, għalkemm mhux daqskemm nixtieq.  Imma nammetti li l-ktieb ta’ Donald Calloway, Consecration of Saint Joseph, wassalni ħafna.  Għalkemm għamilt ħilti biex naqrah biċċa biċċa, xorta meta kien lest, ħassejt il-vojt tiegħu.  Bqajt u għadni ndur lejh u nirrifletti.  Fuq il-partijiet sħaħ li jduru f’moħħi tul il-qari waqt il-quddies.  Kif ukoll fil-ħajja ta’ kuljum.  Kelli, f’dan, l-għażla li jew naqrah mill-ġdid, inkella li nsib ktieb ieħor “aqwa” minnu.  Insib fonti oħra ta’ għerf.  Fittixt u ma kienx faċli, għax dak il-kittieb ħabib ta’ pajjiżna dar ħafna punti.

 

Ktieb ieħor

 

5.    F’dan il-proċess sibt, però, ktejjeb li komplieni fit-triq li kont bdejt.  Għalkemm ħassejt li wasalt, erġajt imbuttajt ruħu sabiex imxejt pass ieħor.  Kont segwejt lill-Kardinal Gianfranco Ravasi f’diversi programmi u dibattiti.  Moħħ ċar u kapaċi jispjega dak li jidher kumplikat f’termini sempliċi.  Il-kitbiet tiegħu huma varji, imma ma kont xtrajt jew qrajt xejn minnhom.  Proprju għalhekk li bdejt, u l-ewwel ktieb li deher quddiemi kien dwar San Ġużepp.  Titolu sempliċi, imma dirett: Giuseppe.  Il Padre di Gesù.  Sibtu u xtrajtu.  Ma bdejtux kif wasal, imma l-fatt li l-festa kienet ġejja, tlaqt naqrah.  Ma ddispjaċieni xejn, u għal dawk li jridu jkunu jafuh iktar, tajjeb li jaqrawh.

 

Kontinwazzjoni

 

6.    Fir-realtà sarraf għalija passi ta’ kontinwazzjoni fuq dak li kont qrajt qabel.  Mexxieni sabiex nifhem ferm iktar fil-fond numru ta’ punti li Donald Calloway ħallieli, u dan minkejja l-isforzi li għamel.  Fil-fatt ħassejt li qiegħed iwieġeb sew għall-proċess li nsir naf iktar.  Fid-dawl li napprezza dejjem iktar li hemm aktar li t-teoloġiċi qed jiskopru.  Dan huwa li l-Kardinal jispjega fl-introduzzjoni li hemm bżonn li ssir b’dan il-mod: “Con un occhio all’universo biblico e un altro alle traccie culturali che nei secoli lo hanno recepito e tradotto” (B’għajn lejn l-univers bibliku u lejn it-traċċi kulturali l-oħra li fis-sekli rċevewh u ttrasmettewh).  Fuq dawn l-aspetti li huwa jikkonċentra l-isforzi tiegħu.

 

Recepito e tradotto

 

7.    Il-kittieb, filwaqt li jitlaq mill-Vanġelu ta’ San Mark, jeħodna fl-għelieqi tar-riċerka li daħal fihom huwa li jinsisti li l-istudju storiku dwar il-preżenza ta’ Sidna Ġesù Kristu f’din id-dinja ma tistax tiġi mifruda minn oħra.  Kif speċjalment marbuta mal-istudji arkeoloġiċi li mexxewh f’ħajtu.  Kif ukoll fil-frott tal-qari estensiv li għamel sabiex skopra diversi dokumenti oħra li jindikaw u jiftħu bibien oħra sabiex wieħed jifhem iktar.  Dokumenti li mhux ser issibhom faċli.  Fil-fatt, il-ktieb fih l-aktar partijiet rilevanti, is-sustanza, ta’ dan il-proċess ta’ ħsieb u riflessjoni li huwa għamel fuq San Ġużepp.  Fl-istess ħin ippreserva dak li mill-paġni varji li studja għandhom jiġu trasmessi.  Dan dejjem fit-triq sabiex wieħed jifhem iktar sew il-figura silenzjuża u diskreta tal-kustodju tar-Redentur u Salvatur tagħna.

 

Patris Corde

 

8.    Din il-kitba fiha iktar rilevanza għalina llum wara l-ittra appostolika tal-Papa Franġisku.  Min jaqraha jsib iktar x’jifhem u japprezza dwar San Ġużepp.  Però, dan jibqa’ dejjem parti minn proċess.  Parti minn triq biex wieħed jiskopri u jifhem aktar.  Fil-fatt, huwa josserva li l-Evanġelisti Mattew u Luqa l-iktar li jsemmuh.  Biss, “tell us very little, yet enough for us to appreciate what sort of father he was, and the mission entrusted to him by God’s providence” (jgħidulna ftit, imma biżżejjed biex napprezzaw ferm aktar x’missier kien u l-missjoni li l-Providenza fdatlu).  Mhux biss, imma wkoll fuq is-sehem determinanti tal-Papiet f’din it-triq.  Huwa jgħid: “My Predecessors reflected on the message contained in the limited information handed down by the Gospels in order to appreciate more fully his central role in the history of salvation” (Dawk li ġew qabli rriflettew fuq il-messaġġ li l-informazzjoni limitata li l-Vanġeli għaddewlna sabiex japprezzaw fis-sħiħ is-sehem ċentrali tiegħu fl-istorja tas-salvazzjoni).

 

Napprezzawh

 

9.    Kitbet il-Kardinal Ravasi hija interessanti u frott ir-riċerka akkademika sabiħa.  Papa Bergoglio jħares f’direzzjoni oħra, għax jgħidilna li kiteb din l-ittra sabiex wieħed iżid fl-imħabba lejn dan il-qaddis kbir, kif ukoll sabiex nitolbuh jinterċedi għalina u li nimitaw il-virtujiet u l-ħeġġa tiegħu.  Tul din is-sena forsi jkun siewi jekk din l-ittra tiġi mxandra aktar.  Jekk tinqara fuq il-mezzi tax-xandir.  Jekk tiġi mibgħuta fid-djar ta’ diversi li ċertament japprezzaw u jifhmu aktar l-importanza ta’ San Ġużepp.  Ħidma li għandha tkun determinanti f’din is-sena li għaddejjin minnha.

 

 

 

 

 

 

  

 

Raġuni u Intransiġenza

 

 

1.     Kif qed naraw jum wara ieħor, l-umiltà mhix proprju l-linja tas-saħħa tal-Gvern.  Smajna u rajna fil-Parlament, tul din il-ġimgħa, dikjarazzjonijiet li jmissu l-ogħla livell ta’ ftaħir.  Wieħed jifhem, u anzi jaqbel, li Ministru jesprimi sodisfazzjon għal xi mira li tkun intlaħqet.  Tajjeb li l-poplu jkun infurmat.  Biss, ikun itjeb jekk il-fatti kollha jingħadu.  Aqwa, li jkun hemm iktar modestja fl-għarfien li l-bniedem jibqa’ dak li huwa, u ma jistax jimmaġina li huwa perfettissimu tant li jwettaq kollox tajjeb.  Dan, iktar u iktar f’dan iż-żmien partikolari meta, b’saħħa kbira, il-forza tan-natura qed tiddetta l-aġenda.

 

Pandemija

 

2.     Kien iktar evidenti dan kollu fl-isfond ta’ dak li żviluppa tul din il-ġimgħa.  In-numri ta’ persuni li ġew identifikati li ttieħdu żdied konsiderevolment.  Kiber ħafna iktar milli l-awtoritajiet kienu qed jaħsbu, jew b’xi mod jipprevedu.  Għalhekk, fi ftit jiem kellhom jittieħdu passi oħra sabiex wieħed jipprova jilqa’.  Jipprova jifhem iktar, fis-sottomissjoni umana, li n-natura għandha forza li ma nistgħux nilħqu jew inżommu.  Fil-Parlament smajna, fil-kontra, ħafna dikjarazzjonijiet bombastiċi, mimlija ftaħir u b’dożi ta’ ‘arroganza’ politika.  Ma kienx hemm bżonn l-aggressività li ħarġet fid-diskors, u lingwaġġ li ġie użat.  Ingħatajna l-impressjoni li dan qiegħed isir fl-isfond ta’ forma stramba ta’ kompetizzjoni interna.

 

Huma biss jafu?

 

3.     Hemm l-umiltà tat-tkabbir li hija valur indikat għal min irid imexxi f’dawn iż-żminijiet diffiċli.  Imma forsi qed naraw sinjali li l-pressjoni kibret sew, u r-reazzjonijiet qed joħorġu esternament.  Jidhru fid-dawl li minkejja dak kollu li ddikjara l-Gvern, l-affarijiet sejrin, f’dan il-mument, il-kontra.  Proprju għalhekk li wieħed jippretendi dożi akbar ta’ prudenza fuq diversi livelli.  Inqas diskors li kollox diġà għadda minn fuqna.  Inqas diskors dwar kemm kollox ġej lura għan-normal.  Inqas dikjarazzjonijiet ta’ ftaħir bla sens u mhux f’postu.  Inqas diskors fuq kemm huma, tal-Gvern, jafu kollox, u aħna ma nafux.

 

Għaddejna wkoll

 

4.     Tul il-ġimgħa ta’ qabel, għaddiet bħal żiffa t-tifkira qsajra ta’ dak li pajjiżna għadda minnu fil-Gwerra Ċivili Libjana.  Kien ukoll mument ta’ diffikultà u kumplikazzjoni.  Wieħed li ġie affrontat, u li fih, pajjiżna baqa’ protett.  Dawk li kienu eletti fil-Parlament fi ħdan il-Partit Nazzjonalista wieġbu għas-sejħa u mexxew sewwa.  Ma kienx hemm ftaħir bla sens.  Kien hemm kawtela, attenzjoni u informazzjoni korretta.  Seta’ kien hemm min ħaseb li m’aħniex kapaċi, jew li ma konniex ippreparati.  Imma l-fatti wrew il-kontra.  Dawk li ħasbu li jistgħu jmaqdru, jew iċekknu, sabu li għandhom jirrikonoxxu.

 

Kieku

 

5.     Forsi sabiex jikkonfortaw ruħhom fil-pożizzjoni attwali.  Fis-sens li wieħed jifhem li minkejja l-isforzi li saru, xorta s-sitwazzjoni mhix kontrollata, u ħarġet mill-idejn.  Fejn wieħed jifhem iktar il-pressjoni qawwija li hemm proprju għax għaddejna aħna wkoll minnha.  Imma s-soluzzjoni għal din l-isfida nazzjonali mhix dik li l-bnedmin fil-Gvern jaħsbu li huma biss għandhom is-soluzzjoni, u li huma biss ‘kapaċi’.  Fil-mument partikolari, minn dak li rajt ħadt ferm iktar l-impressjoni li hemm bżonn iktar koperazzjoni, u mhux intransiġenza koċċuta min-naħa tal-Gvern.

 

Ma tantx ikampa

 

6.     Missirijietna ħallew warajhom il-ħsieb li min huwa intransiġenti ma tantx ikampa fost, u mal-oħrajn.  Min ma jridx jaf, jew ma jridx jasal fit-triq tan-nofs għal ftehim, jiżbalja.  Il-politika demokratika hija bażata fuq id-diskussjoni.  Hija bażata fuq l-għarfien tal-pożizzjonijiet rispettivi, u li wieħed jasal biex ikun hemm linja li tħares l-interess nazzjonali.  Qegħdin fil-politika lkoll mhux għall-‘ego’ tagħna.  Qegħdin hemm biex inservu b’umiltà, u fl-għarfien li aħna għodda għas-sewwa.  Għodda biex nassiguraw li jsiru liġijiet tajba.  Imma, f’dan il-mument partikolari, li ngħinu biex ikun hemm proċessi.  L-ewwel: li fuq naħa jassigura li kull persuna fis-soċjetà tagħna tieħu t-tilqima kemm jista’ jkun malajr.  Fit-tieni, li nikkontrollaw it-tixrid tagħha, għax kull ħajja hija importanti.

 

Jekk kien hemm żmien

 

7.     Mhuwiex iż-żmien ta’ kunflitti inutili bejn il-partiti politiċi.  Il-poplu jippretendi mingħandna iktar ħidma f’daqqa.  Jitlob li l-imħuħ tagħna jinġiebu f’daqqa.  Dan jista’ jseħħ b’inqas kumplikazzjonijiet li qiegħed nara.  Meta ż-żewġ naħat jinxeħtu fit-trunċieri ma jsir xejn, salv immobiliżmu.  Nistgħu jkollna muskoli sodi, imma dan ma jfissirx li l-ideat huma insuperabbli.  Dan huwa vitali fis-soċjetà tagħna llum iktar minn qabel.  L-esperjenza politika, li ma tantx qegħda tingħata importanza, tgħallem dejjem iktar dwar dan.  Il-kuntrast jew id-differenza mhix proprju l-mument li wieħed jipprova jimmarkahom.  Iktar u iktar illum, meta l-Gvern qed jiddependi fuq dak li ma jistax jiddependi minnu.

 

Vulnerabilità

 

8.     Fil-politika, dawk li jaħsbu li huma b’saħħithom isibu li mhumiex.  Dawk li jispiċċaw jikkonfortaw ruħhom fis-smigħ tal-vuċi tagħhom jifhmu aktar mir-realtà li jgħaddu minnha.  Jifhmu aktar li l-politika hija, minnha nfisha, dipendenti minn ħafna fatturi li mhumiex ċerti.  Diġà l-opinjoni umana għandha l-pożizzjoni tagħha.  Imma li l-Gvern ikun tant mitluf li jaħseb li jista’ jorbot il-futur tiegħu fuq kif, u lejn fejn sejra l-Pandemija, hemm nuqqas ta’ loġika.  Il-pajjiż huwa f’pożizzjoni diffiċli u iktar vulnerabbli min-natura stess ta’ din il-mewġa.  Ma hemmx bżonn li magħha tiżdied dik ta’ Gvern li qed jaħseb li wasal fil-mument tal-glorja tiegħu u qed jistenna biss il-midalji jżejnuh.

 

Forsi tirbaħ ir-raġuni

 

9.     Forsi nittama li r-raġuni terġa’ tidħol lura fix-xenarju politiku.  L-Oppożizzjoni qed turi li l-linja tagħha hija bbażata fuq dan.  L-isforzi tagħha jista’ jkun hemm min jipprova jwaqqa’ jew jiżżuffjetta bihom.  Imma r-realtà qegħda tolqot sew fl-imħuħ tal-bnedmin f’din is-soċjetà li jridu li l-affarijiet isiru sew.  Tul din il-ġimgħa ħareġ iktar dan waqt li l-Gvern ħabbar, b’forom strambi ta’ trijonf, kemm ser jiżdiedu l-pieni, kemm ser jingħalqu postijiet u kemm ser jidħlu restrizzjonijiet.  Forsi f’din l-illoġika, xi ħadd jibda jinduna li l-politika tal-intransiġenza hija żbaljata, u dik bażata fuq ir-raġuni, soda.

Ħarisna mix-xibka tan-Nassaba

 1.    Dak li seħħ tul din il-ġimgħa wassal għal diversi biex jifhmu ftit iktar dak kollu li, kif qed naraw, inħema fid-dlam.  L-eventi juru paġni oħra tal-kumplikazzjonijiet li hemm.  F’pajjiż li r-realtà hija li l-bnedmin fid-dinja tad-delinkwenza ħassew li għandhom ‘spazju’ u ‘libertà’ f’idejhom, li fihom jistgħu jaslu li jeliminaw oħrajn.  Dak li seħħ verament għad irridu nkunu nafu mix-xiehda u mir-rapporti ta’ dawk li għandhom id-dmir li jinvestigaw.  Għad irridu nisiltu l-verità min-nuqqas tagħha.  Il-qlajja mill-fatti.  Kawtela u attenzjoni huma d-direzzjonijiet li għandna nsegwu biex ma nittiħdux fejn ħaddieħor, għar-raġunijiet tiegħu, iridna mmorru.  Fit-triq lejn is-sewwa ma nsibux ruħna f’dawk li jwasslu għal sqaqien.

 

Ċlampu

 

2.    Il-Ġimgħa filgħodu, il-pajjiż qam f’temp imsaħħab u mdallam.  Qam jifhem li għal snin ġie mċaħħad mid-dawl tas-sewwa.  Għax il-poplu għex fil-messaġġ li xejn m’hu xejn.  Fil-ħsieb li l-valuri t-tajba m’hemmx bżonn daqshekk tagħhom, u li l-aspett ekonomiku huwa iktar importanti.  Id-direzzjoni kienet li ladarba hawn il-flus fl-idejn, dan waħdu jfisser li hawn ukoll tmexxija li tixraq lill-pajjiż.  Forsi sforz in-nuqqas ta’ maturità u esperjenza politika.  Forsi wkoll għax ikun hemm diġà f’moħħ il-bniedem il-ħsieb, il-pre-dispożizzjoni, li wieħed jgħid ħaġa mentri fil-fatt iwettaq, jew jippermetti, li jsir il-kontra.  Ċertament li l-mekkaniżmu ntern ta’ kif kienu jittieħdu d-deċiżjonijiet u r-raġunijiet warajhom kellu l-piż tiegħu.

 

Fit-triq

 

3.    Fir-realtà, il-pajjiż qiegħed fit-triq biex jipprova jiddritta l-iżbalji tal-passat.  Hemm min qiegħed jipprova jieħu kredtu politiku għal dan.  Biss, fir-realtà hemm żewġ punti li joħorġu.  L-ewwel: huwa Gvern b’maġġoranza Laburista li qiegħed jipprova jissupera u jnaddaf dak li ħalla warajh ta’ qablu.  Hemm proċess li fih tallum qiegħed, fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi jgħid li m’għandux x’jaqsam ma’ ta’ qablu.  Mhux biss fl-aġir, imma wkoll fil-bnedmin li jikkomponuh.  F’kelma oħra, il-Gvern tallum jistrieħ fuq il-maġġoranza li ġieb ta’ qablu, imma fl-istess ħin irid jiddistakka ruħu minnu.  Fit-tieni, però, waqt li qiegħed għaddej b’dan, huwa qiegħed indirettament, fl-istess ħin ikun huwa stess li jesponi kemm l-affarijiet kienu żbaljati qabel.  Waqt li kienet qed tiġi ndirizzata konferenza tal-aħbarijiet fl-aqwa ħin għas-smigħ, il-pajjiż kien wieqaf jisma’.  Jiġbor fih il-punti li saru, u fl-istess ħin jifhem ferm u ferm iktar il-gravità tal-pożizzjoni.

 

Għexna dan

 

4.    Meta tneħħi l-gwardjani u dawk li jservu ‘l-poplu biex iħarsuh, tkun qed tiftaħ iktar il-bibien għall-ulied li jinsabu fid-dell.  Mill-bidunett tat-tmexxija fl-Amministrazzjoni preżenti sar dan.  Twarrbu ħafna li kienu taw snin u ħajja sabiex, kif ngħidu, is-sewwa ma jonqosx.  Dan sar b’direzzjoni ċara.  Ħafna minn dawn il-bnedmin ma setgħux jifhmu, u wħud ukoll ħasbu li kienu wettqu xi ħaġa li  ma kellhomx.  Imma llum il-ġurnata qed naraw dejjem iktar ir-riżultat.  Qed immissu l-konsegwenzi ta’ dawk il-passi.  Jekk tneħħi l-esperjenza li takkumula f’dan is-settur, tkun qed tmexxi lil ħaddieħor biex isibha iktar faċli biex iwettaq dak li qed nisimgħu bih.  Ħaġa li, neċessarjament, fiha nfisha ġġib lill-oħra.

 

Tarma lura

 

5.    Biex tarma lura dak li tkun żarmajt huwa ferm iktar diffiċli.  L-ispazju jkun ġie okkupat minn oħrajn.  Mhux biss, imma fil-frattemp trid tiffaċċja l-konsegwenzi, l-effetti ta’ dak li tkun ħallejt jgħaddi.  Il-Gvern preżenti qiegħed jipprova jerġa’ jġib l-affarijiet kif kienu.  Qiegħed iwettaq dan proprju għax ta’ qablu żarma li kien hemm.  Ir-responsabbiltà politika hija fuq dawk li kienu jmexxu pajjiż f’isem mandat elettorali li kien preċiżament il-kontra.  Iddikjaraw ħaġa, u wettqu oħra.  Din hija r-realtà li ċertament min-naħa tal-Gvern preżenti mhix sejra tingħad.  Mhux ser ikun hemm ammissjoni tal-iżbalji.  Ser ikun hemm biss dawk li jinfurmaw b’dak li ġara, bħallikieku jistgħu jieħdu xi mertu tiegħu.  Imma l-effett veru huwa li, fl-istess waqt, impliċitament qed jaċċettaw kemm hemm konsegwenzi li jridu jiġu ffaċċjati.

 

Mhux f’li kieku

 

6.    M’għandniex il-lussu li nħarsu akkademikament lejn is-sitwazzjoni.  Illum hemm il-konsegwenzi.  Hemm persuni fis-soċjetà li tilfu ħajjithom.  Persuni li nqatlu kiesaħ u biered.  Persuni li kienu fir-riskju għal ħajjithom u ma ngħatawx il-protezzjoni li kien ħaqqhom.  Ġew abbandunati minn Stat li abbanduna lilu nnifsu.  Ġew imħollija jfendu għal rashom f’soċjetà li, suppost, tħares il-membri tagħha.  Nistgħu niddikjaraw ħafna llum.  Imma dik hija l-pożizzjoni, u dawk li nqatlu, ma nistgħux inġibuhom lura.  Nikkommemorawhom u niftakru fihom.  Imma r-realtà hija li dan seħħ f’pajjiż bħal tagħna, li minn dak li ġie mwiegħed lilu, wieħed kien jippretendi li dan ma jseħħx.

 

Lejn il-futur

 

7.    Il-futur jiddependi fuq ħafna fatturi.  Jiddependi fuq kemm ser isir sforz sabiex toħroġ il-verità sħiħa.  L-Istat ġieb lilu nnifsu dipendenti fuq proprju dawk li ppermettilhom.  Il-kelma tagħhom issa għandha, u ser tingħatalha saħħa li s-soltu ma jkollhiex.  Mhux biss, imma ser tibqa’ f’dik li hija.  L-ispazju għal dan wieħed jifhmu iktar meta jqegħdu fil-kuntest attwali, bil-kurrenti u l-kumplikazzjonijiet politiċi li twieldu fil-bidla bejn amministrazzjoni u oħra fi ħdan l-istess partit.  Is-soċjetà tagħna għandha, oġġettivament, il-bżonn ta’ tmexxija ferm aħjar milli għandha.  Waħda, f’dan, distakkata.  Għax għandha bżonn, fuq kollox, li l-istituzzjonijiet demokratiċi jitmexxew minn min m’għandux rabtiet.  Minn min huwa, f’dan, indipendenti u jista’ jieħu deċiżjonijiet iktar fil-fond.

 

Limitazzjonijiet

 

8.    Hemm, f’dan kollu, il-limitazzjonijiet umani.  Dawk imwielda mill-kundizzjoni tagħna bħala bnedmin.  Imma rridu, f’dan, inħarsu lejn il-futur u nifhmu l-passat tagħna.  Il-bidla, jum wara jum, hija l-alternattiva unika li tista’ ssarraf fi proċess ta’ verità u ġustizzja.  Waħda li hija kredibbli.  Waħda li tiġi emmnuta li qed issir sewwa, u li mhix iżżomm xejn lura milli joħroġ fil-pubbliku.  Il-proċess għal dan fih tiegħu.  Proprju għalhekk li l-Gvern preżenti qiegħed jinseġ ix-‘xibka’ li huwa jista’ jwettaq dak li, fil-fatt, huwa evidenti li oġġettivament ma jistax.  Għax wieħed jista’ jistaqsi: kif jista’ jassigura dan, meta hemm persuni li fil-passat mexxew, li għandhom forom varji ta’ responsabbiltà politika?  Proprju għalhekk li f’dan il-Ħadd wara din il-ġimgħa, għandna nħarsu lilna nfusna mix-xibka tan-Nassaba.

 

 

 

 

 

Fil-labirinti li ninsabu

1.     Fil-kitba ta’ Octavio Paz, El Laberinto de la Soledad, li qrajt fil-verżjoni Ingliża The Labyrinth of Solitude, f’parti minnha jgħid hekk: “It might be said that by turning what ought to be the cause for shame into a virtue, we are only trying to relieve our guilt feelings and cover up a cruel reality.”  Meta dak li jsir ħażin nippruvaw inpinġuh u nressquh bħala virtù, inkunu biss qed intaffu mit-tniggiż tal-kuxjenza u ngħattu r-realtà tal-iżbalji li saru.

 

Ninsabu wieqfa

 

2.     Għandna forsi nirrealizzaw li dħalna, u ninsabu f’permanenza kontinwa, f’labirinti varji.  L-isfida soċjali u politika tagħna llum tibda jekk nifhmu fejn aħna u wara, f’dan, jekk aħniex lesti li noħorġu minnhom.  Jekk aħniex nidħku bina nfusna, li naħsbu li aħna “komdi” li nibqgħu nduru fl-istess passaġġi mingħajr ma naraw jew infittxu l-bżonn li noħorġu u naffrontaw ir-realtà.  Li nifhmu, anzi, li hemm aġenda soċjali u politika li trid tgħidilna li aħna “tajba” għax protetti ġewwa fil-labirint.  U iktar fil-fond, f’jekk verament irridux nieqfu nagħmlu kollox l-istess bħal qabel.  Biex nimxu f’sistema, rotta, direzzjoni li biha jirnexxilna noħorġu minnhom.  Hemm, f’dan, sejħa qawwija għal bidliet għat-tajjeb futur tagħna.

 

Rassenjati

 

3.     Hemm, f’dan, sejħa għas-sewwa.  Dik li tkisser dak li dħalna fih ta’ bnedmin li sirna naħsbu aktar li m’għandniex bżonn lill-bnedmin u li nistgħu ngħixu fis-solitudni tagħna mingħajr impenn lejn il-proxxmu.  Dak li huwa żbaljat qiegħed jitqiegħed lilna bħala virtù.  Dak li ma ħadimx fis-sekli qiegħed jitqiegħed bħala li huwa soluzzjoni.  Kif jgħid Paz, qegħdin fil-pożizzjoni mhux wisq ‘il-bgħid, fejn naraw min qiegħed jistabbilixxi iktar fina l-ħsieb li: “Resignation is one of our  most popular virtues”.  Dan proprju fis-soċjetà tagħna, li hija iktar u iktar imħajra taċċetta dak li għandha inadegwat, impreċiż, żgangat, ripetittiv, milli tħares li tibdel.

 

Eżempji żbaljati

 

4.     Fi proċess tal-ħsieb li aħjar poplu li jiddependi minnek milli li jkun grat lejn, żammejna l-istess mekkaniżmi.  Il-ħsieb huwa: “Kemm qiegħed jagħtik il-Gvern”, u mhux kif qiegħed jitqassam b’ġustizzja soċjali.  Il-kunċett fil-labirint preżenti huwa tad-dipendenza.  Ta’ dawk li jduru l-passaġġi pre-stabbiliti biex isibu li reġgħu bdew fejn kienu.  Fejn ħallew bil-ħsieb li ser jimxu, u sabu li baqgħu jduru lura hemm.  Fil-kunċetti u eżempji żbaljati li Gvern Laburista preċedenti daħħal.  Nagħmlu l-istess biex jibqa’ kollox l-istess.  Fil-ħsieb li fil-politika żżomm il-kunsens b’magna ta’ klijenteliżmu, fejn l-avvanz mhuwiex f’kuntest ta’ proġett ta’ ġid komuni u nazzjonali.

 

Dak li daħal f’rasna

 

5.     Minkejja li għandna quddiemna l-effetti negattivi tal-hekk imsejjaħ “Proġett-Muscat”, fejn rajna l-isfruttament li twieled min-nuqqas ta’ għaqal u esperjenza politika ta’ mexxej li mexxewh li jkollu linja monarkika iktar milli demokratika.  Fejn rajna, fil-ħsieb tal-“ġdid”, id-disprezz lejn il-valuri Nsara li jiffurmaw is-soċjetà, u għalhekk, magħha, il-ġustizzja u l-ugwaljanza.  Fejn dħalna f’forom ta’ anarkija sofistika tat-tħaddim tal-Istat.  Fejn rajna sistema elaborata, u b’kollaboraturi varji, li fiha wieħed jirnexxilu jidħak bil-poplu, li jivvota favur dak li sar il-kontra ta’ xewqatu.  Fejn min ħadem b’onestà jiġi redikolat, u l-avversarji politiċi jitkissru fil-proċessi medjatiċi kontinwi.  Fejn l-attakk kien li l-għaqal u l-prudenza huma superati, u għalhekk nistgħu naqbżu, nafdaw lil min ma nafux sewwa, anki jekk ser insibu mhux baħar fond, imma l-blat jistenniena.  U dan, kif nafu, li seħħ.

 

Fl-impressjonijiet żbaljati

 

6.     Fil-ħatriet ġodda, il-mexxejja politiċi li jidħlu fil-poter, hemm minnhom min jaħseb u jilludi ruħu li b’dan waħdu biss, huwa biżżejjed sabiex isiru għaqlin u kapaċi fl-amministrazzjoni tal-ġid komuni nazzjonali.  Imma din, fl-evidenza, fil-fatti li rajna f’dawn l-aħħar snin, għandna quddiemna prova li hija biss impressjoni żbaljata.  Alcide De Gasperi kien qal, quddiem Ewropa maħkuma mill-ġenn tal-lemin-estrem: “Preghiamo Dio perché faccia tornare tra gli uomini la saggezza.  Poiché non sono le istituzioni che la creano, ma è la saggezza che migliora e rende efficaci le istituzioni.” (Nitolbu ‘l Alla li jagħti lura lill-bnedmin l-għerf u l-għaqal.  Għaliex mhumiex l-istituzzjonijiet li jġibu dan, imma huma l-għerf u l-għaqal li jtejbu u jġibu effikaċi l-istituzzjonijiet).  Dan il-politiku, iktar tard ta prova ta’ dan.  Proprju meta f’età ta’ maturità u formazzjoni mexxa ‘l pajjiżu, l-Italja, biex taqbad triq ‘il-bgħid mil-labirinti li l-Gvern Faxxista ta’ Benito Mussolini kien daħħalha fihom.

 

Nimitaw

 

7.     Huwa, ħafna drabi, aħjar li tkun oriġinali, milli li timita.  Però, jekk għandek tagħmel dan, agħmlu għall-eżempji u l-metodi t-tajba, mhux dawk ħżiena.  Huwa minnu li l-Gvern Muscat ġieb kunsensi elettorali qawwija, voti u maġġoranzi parlamentari.  Però għandna naċċettaw li dan sar fil-kuntest ta’ dak li ma kienx.  Fil-kuntest li l-elettorat ingħaditlu ħaġa u sar bil-kontra.  Fil-kuntest li fondamentalment tidħak, tiddisprezza u tabbuża mill-innoċenza popolari.  Jekk dak li seħħ ma jservix lilna lkoll, fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra bħala lezzjoni, inkunu qed inkomplu sejrin biex nagħtu kredtu lil dak li m’għandniex.  Partit li jrid jiġbor il-kunsens elettorali, illum kull ma jrid huwa li jkun awtentiku, imur għal dak li verament isawru mingħajr daħk fil-wiċċ jew fil-proċess tal-ħaġa moħġaġa.

 

Soċjetà li taqbad triqitha

 

8.     Biex noħorġu mil-labirinti li ninsabu fihom irridu naqbdu toroq ġoda.  Irridu nifhmu kemm huwa iktar importanti Stat Demokratiku li jiggarantixxi l-ġustizzja mingħajr ma wieħed iħawwad dan ma’ kunċetti varji ta’ “ġustizzjaliżmu”.  Fejn b’imparzjalità attenta, wieħed irendi futur aqwa lil kull klassi u lil kull grupp fis-soċjetà.  Biex il-ġid nazzjonali jitqassam b’dak li huwa ġust.  Dan huwa mument fl-istorja li huwa mill-iktar importanti għal pajjiżna.

 

Dak li huwa sewwa

 

9.     Wieħed li, fil-kuntrast ta’ dak li seħħ, jitlob attenzjoni speċjali biex l-opportunitajiet li ser jiġu, minnhom isir il-ġid u ma jintilfux.  Hawn diġà ferm iktar milli naħsbu mewġ ta’ bidla għal iktar sewwa fis-soċjetà li tqabdet u titlob li titwettaq.  Għandna f’dan, għalhekk, dmir li nagħżlu t-tajjeb.  Nagħżlu li nkunu li aħna, mingħajr ma nimitaw dak li huwa żbaljat.  Inwettqu dan sabiex bil-għaqal u bl-għerf, fl-aħħar noħorġu mil-labirinti li ninsabu mwaħħla fihom.

KANA

1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...