29.1.18

ĊENTRU TAL-ARBITRAĠĠI – ARBITRAĠĠI PENDENTI



3210. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm arbitraġġi pendenti fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ tul is-sena 2017 u jista’ jindika kemm kienu volontarji, kemm mandatorji u kemm internazzjonali?

03/01/2018

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li preżentamenthemm 785 każ pendenti minn 5,270 każ li ġew irregistrati maċ-Ċentru tal-Arbitraġġ sa minn meta beda jopera dan iċ-Ċentru. Dawn jammontaw għal 15% tal-każijiet ipprezentati, li minnhom 608 huma każijiet mandatorji; 159 każ ta’arbitraġġ volontarju u 18-il każ internazzjonali.

Seduta  73
24/01/2018

ĊENTRU TAL-ARBITRAĠĠI – ARBITRAĠĠI DEĊIŻI



3209. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew deċiżi arbitraġġi fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ tul is-sena 2017 u jista’ jindika kemm kienu volontarji, kemm mandatorji u kemm internazzjonali?

03/01/2018

  ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li 285 każ ġew deċiżi matul is-sena 2017, jiġifieri każijiet fejn ingħatat deċiżjoni, li minnhom 268 kienu każijiet mandatorji; 12-il każ ta’ arbitraġġ volontarju u 5 każijiet internazzjonali.

Seduta  73
24/01/2018

26.1.18

Povru Proletarju.



1.      Fl-aħħar leġislatura niftakarni nindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-pożizzjoni legali u finanzjarja li numru ta’ ħaddiema sabu ruħhom fiha taħt ‘l hekk imsejħa Community Workers Scheme.  Fiha kien hemm madwar sitt mitt persuna li ġew direttament meħuda minn fuq ir-reġistrar u impjegati taħt skema mmexxija minn fondazzjoni amministrata mill-General Workers’ Union.  Waħda li konna għamilna l-kritika għaliha, li fir-realtà kienet tikri s-servizzi tagħhom lill-Gvern u lill-Kunsilli Lokali u taqla’ minn fuqhom.

2.      F’dik il-konferenza konna qajjimna l-pożizzjoni skandaluża li kienet sfortunatament żviluppat.  Il-paga ta’ dawn il-persuni kienet, u għadha, fl-inqas livelli possibbli, fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma verament ħżiena.  Konna, ġustament, tkellimna dwar prekarjat istituzjonalizzat.

3.      Iktar u iktar meta din il-klassi tal-ħaddiema, proprju minħabba l-fatt li sabu ruħhom imħaddma minn Union tal-ħaddiema, sabu ruħhom mhux rappreżentati.  L-ironija tal-affarijiet kienet, u għadha, appuntu li wieħed kien jistenna paga aqwa, trattament u dinjità aqwa.  Minflok, is-sitwazzjoni kienet u għadha differenti.

4.      Għal dawn l-aħħar xhur, dawn il-bnedmin li ttieħdu minn fuq ir-reġistru ta’ dawk li ma kellhomx impjieg, sabu li għandhom madwar sitt mija u ħamsin ewro (€650) fix-xahar.  Mhux biss, imma ngħalqu f’pożizzjoni legali fejn ma setgħux japplikaw għal xogħol ieħor, speċjalment sabiex ikunu jistgħu jidħlu jaħdmu mal-Gvern jew korporazzjonijiet.

5.      Il-pożizzjoni tagħhom ġiet li, għalkemm qed jagħmlu l-istess xogħol bħal ħaddiema oħra, qegħdin jitħallsu inqas.  Xortihom ma tantx kienet tajba tul dawn is-snin.  Sofrew u ma sabu lil ħadd biex jaqbeż għalihom, salv lill-Partit Nazzjonalista.

6.      Tkellimna diversi drabi fil-Parlament favur tagħhom.  Ktibna artikoli sabiex immissu l-kuxjenza ta’ min daħal għal din l-iskema.  L-iktar għall-boxxla soċjali, għax rajniha barra minn lokha li f’pajjiżna tiġi żviluppata din il-pożizzjoni daqshekk kerha.

7.      Issa, stranament, fl-aħħar diskors tal-Budget kien hemm paragrafu li fih ġie dikjarat f’sentenza waħda solitarja li l-paga tal-ħaddiema f’din l-iskema sejra tiżdied b’mitejn ewro (€200) fix-xahar mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena.  Tweġiba, ma hemmx dubju, għall-kritika qawwija li saret mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

8.      Deherli, però, li m’għandix naċċetta dan bħala biżżejjed.  Għax hemm żewġ punti importanti li wieħed għandu jikkunsidra.  L-ewwel: jekk il-Gvern qiegħed jiddikjarah fid-diskors tiegħu tal-Budget allura wieħed jaħseb li, minkejja l-iskema, dawn sejrin jitħallsu direttament mill-kaxxa ta’ Malta.

9.      Għalhekk, permezz ta’ domanda parlamentari numru 2652, staqsejt lill-Ministru tax-Xogħol jekk din iż-żieda hix ser titħallas direttament mit-Teżor, jew jekk hemm xi ftehim differenti.  It-tweġiba ħarbet mill-interpellanza u kienet xotta ħafna, li: “ż-żieda msemmija ser tkun riflessa direttament fil-paga tal-ħaddiem”.  Għalhekk nibqa’ ngħid li jekk il-Gvern mhux ser iħallas għaliha, għandi nifhem li din ser titħallas mill-istess Fondazzjoni mmexxija mill-GWU.

10.    Dan naħseb li għandu jfisser, għal kulħadd, li tul dawn l-aħħar għallinqas tnax-il xahar, din il-Fondazzjoni kienet qegħda, kull xahar, iddaħħal mija u għoxrin elf ewro (€120,000) qliegħ fuq ħidmet dawn il-bnedmin.  Xejn inqas minn elfejn u erba’ mitt ewro (€2,400) għal kull ħaddiem fis-sena, u xejn inqas minn miljun, erba’ mija u erbgħin elf ewro (€1,440,000) f’sena sħiħa fuqhom kollha.  Pożizzjoni ferm u ferm iktar immorali u ta’ eżempju xejn tajjeb fis-suq tax-xogħol.

11.    Proprju fuq dan, b’domanda parlamentari oħra numru 2432, għalhekk tlabt lill-Ministru sabiex jinforma ‘l-Kamra jekk kemm-il darba kienx ser ikun hemm ħlas tal-arretrati.  Punt li nħoss li huwa leġittimu u ġust fil-konfront ta’ dawk li x-xogħol jagħmluh, però li baqgħu ma tħallsux fis-sħiħ għalih.  It-tweġiba lili però kienet li: “Ma hemm l-ebda arretrati dovuti”.

12.    Ktibt dan l-artikolu għax jidhirli li jekk hemm min għad għandu kuxjenza u boxxla soċjali, għandu jifhem li l-qligħ kollu li sar minn fuq dahar dawk il-ħaddiema li jinsabu fl-inqas livell soċjali, f’dawk li huma litteralment il-proletarjat, għandu jitħallas lura.  F’soċjetà fejn ix-xejn ma huwa xejn, fejn il-bniedem qiegħed jitlef id-dinjità u d-drittijiet tiegħu tax-xogħol, nappella verament sabiex ikun hemm l-interventi neċessarji u dawn il-flus jingħataw lura lil dawn il-ħaddiema fl-ewwel paga tas-sena.

13.    Jekk għad hemm min jikkunsidra ruħu li huwa soċjalista f’dan il-Gvern, nittama li jiċċaqlaq.  Nittama li jagħmel ġustizzja, fl-aħħar, mad-diversi xhur ta’ inġustizzja li ilhom ibatu dawn il-povri ħaddiema.  Għax il-klassi tal-proletarjat jixirqilha trattament aħjar milli qegħda tingħata.


Knisja li tibqa’ kuraġġuża




1.      Naqraw b’interess, imma l-iktar b’ammirazzjoni, il-ħajjiet ta’ diversi martri tal-Knisja.  Dak li għaddew minnu, jinqara’ f’liema żmien jinqara’, jibqa’ ta’ ispirazzjoni mhux biss għall-Insara, imma wkoll għall-bnedmin kollha.  Il-bnedmin li jissagrifikaw ħajjithom għal dak li jemmnu fih iġibu l-attenzjoni fuqhom.  Dawk li jwettqu dan kollu għas-sewwa, għall-onestà, għall-valuri Nsara, jġibu ferm aktar.  Dan tifhmu u tirrealizzah aktar meta tara u tqis li fl-avversitajiet, fil-periklu għal ħajjithom, f’ebda mument ma jonqoshom il-kuraġġ li jaffrontawh.

2.      Biżżejjed wieħed ifakkar f’dak li għaddew minnu l-martri San Ignazju ta’ Antijokja u San Polikarpju biex napprezzaw dan.  Però, forsi f’dan ukoll, inħarsu lejn il-passat mingħajr ma nikkunsidraw l-atti li qegħdin isiru preżentement.  Għax il-Knisja, f’dan iż-żmien, ma tonqosx milli tiġi persegwitata.  Anqas li jkollha persuni li jinqatlu għax huma segwaċi kuraġġużi tagħha.  Eżempji ċari għal dawk li jridu jgħixu ħajjithom fuq it-triq it-tajba.

3.      Kif nagħrfu li kien San Tumas Beckett, l-Arċisqof tal-belt ta’ Canterbury fl-Ingilterra.  Bniedem li waqaf għall-prepotenza tar-Re Enriku II.  Żamm sod lilu nnifsu għad-difiża tal-Knisja Kattolika.  Ġie għalhekk akkużat inġustament.  Kellu jaħrab minn pajjiżu u jmur għall-protezzjoni tal-Papa Alessandu III u l-monasteru ta’ Pontigny.  Lura f’pajjiżu, fid-29 ta’ Diċembru 1170, erba’ kavallieri mibgħuta mill-istess Re qatluh proprju waqt iċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi.  Qaddis martri tal-Knisja, li għadu sallum imfakkar, maħbub u venerat.

4.      F’din is-soċjetà wkoll qegħdin naraw bnedmin li jiġu proċessati u persegwitati minħabba dak li jemmnu fih.  L-Insara qed jgħaddu minn proċessi pubbliċi li fihom jiġu mżebilħa, mċekkna u redikolati.  Ħafna drabi minn artikolisti jew ġurnalisti.  Is-sistema moderna hija dik li tikkonċentra sabiex sistematikament tattakka l-kredibilità, l-immaġini u d-dinjità tal-bniedem.  Attakki qawwija li jsiru fuq dawn il-bnedmin tajba biex iċekknu l-messaġġ.

5.      Qawwija iktar u iktar għax il-Knisja għandha l-iżvantaġġ li l-vuċi tagħha tinħonoq mill-mezzi l-oħra.  Fejn issib lilha nnifisha, f’ħafna mumenti, tiddependi fuq kif ħaddieħor jirrapporta dak li tkun qegħda tgħid.  Hemm tiġi skwotata u kliemha maħruġ barra mill-kuntest.  Sitwazzjoni xejn faċli, iktar u iktar meta nikkunsidraw kemm il-bnedmin, fis-soċjetà, qegħdin ibiddlu kompletament l-aġir tagħhom.  Bidla f’dak li huma importanti għalihom u f’dak li huma jridu jagħtu widen għalih.

6.      Proprju għalhekk li wieħed irid japprezza ferm iktar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-Knisja Kattolika li tibqa’, minkejja l-kurrenti, issemma’ l-vuċi tagħha u tagħmel ħilitha biex tibgħat il-messaġġ tagħha barra.  Għax nafu li f’dan ħidmietha hija mwarrba, u meta irrappurtata, wieħed irid ibati biex isibha fil-gazzetti.  Biss, xorta waħda tibqa’ tiġbed l-ammirazzjoni u l-attenzjoni sħiħa tagħna.

7.      Ngħid dan iktar fid-dawl ta’ dak li diġà qiegħed iseħħ f’dawn l-ewwel jiem tas-sena.  L-ewwel fir-Repubblika tal-Kongo, fejn minn Jannar, il-Knisja Kattolika qed tieħu sehem importanti fi protesti kontra dak li qed iseħħ fil-pajjiż.  Fil-31 ta’ Diċembru 2016, il-President attwali Joseph Kabila kien ftiehem u ntrabat li jsiru elezzjonijiet presidenzjali sal-aħħar tal-2017.  Dan l-appuntament baqa’ ma nżammx u għalhekk mija u ħamsin knisja f’dan il-pajjiż ingħaqdu mal-Oppożizzjoni sabiex jagħmlu pressjoni paċifika biex dawn l-elezzjonijiet jinżammu.

8.      Ingħaqdu bid-daqq tal-qniepen tal-knejjes u b’purċissjonijiet reliġjużi.  Qed tħallas prezz għal dan, għax nafu li nqatlu xi saċerdoti.  Mhux biss, imma fit-12 ta’ Jannar, waqt li l-Kardinal Laurent Monsengwo Pasinya kien qiegħed jiċċelebra l-quddies fil-Katidral ta’ Kinshasa fil-preżenza ta’ folol kbar, membri tal-forzi armati tal-Gvern sparaw fuq il-poplu.  Minkejja dan it-theddid u din il-pressjoni anti-demokratika, xorta ħidmet il-Knisja għadha għaddejja.

9.      Fl-istess jum, il-Knisja Kattolika sabet ruħha attakkata fiċ-Ċilè.  Tlett knejjes, waħda f’Santiago, oħra f’Recoleta u oħra ġewwa Penalolen sabu ruħhom vittmi ta’ tlett bombi li tqegħdu u ħadu.  Anki hawn il-Knisja Kattolika, kif nafu, qed twettaq missjoni ta’ kuraġġ, kif diversi f’pajjiżna jafu.  Attakki li ċertament qed isiru proprju għax f’dawn il-jiem, il-Papa Franġisku ser iżur partijiet oħra tal-Amerika Latina u kif nafu, bejn il-15 u t-22 ta’ Jannar ser ikun qiegħed fiċ-Ċilè u wara jżur il-Perù.

10.    Dawn huma sinjali oħra li juru li għalkemm hemm kontestazzjoni, xorta waħda l-Knisja tibqa’ twettaq ħidmietha.  Tibqa’ vuċi għas-sewwa, għall-paċi u għall-ġustizzja.  Hemm diversi saċerdoti u reliġjużi li, mingħajr biża’, jingħaqdu flimkien.  Il-proċess u l-missjoni tal-evanġelizzazzjoni tal-popli jiddependu fuq dan.  Jiddependu fuq bnedmin ordinarji li, għas-servizz tal-Knisja, isiru eroj straordinarji.  Għax, jingħad x’jingħad, il-Knisja tibqa’ kuraġġuża.







KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...