5.7.16

PERSUNI LI TILFU L-IMPJIEG TAGĦHOM





 
26366. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li f’din il-leġiżlatura tilfu l-impjieg tagħhom għax twaqqfu mix-xogħol jew għaliex l-entità li magħha kienu jaħdmu għalqet?

21/06/2016

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta mitluba ma tagħtix stampa ċara tas-sitwazzjoni tal-impjiegi f’pajjiżna. Filfatt infurmat li, għalkemm minn Marzu 2013 sal-lum in-numru ta’ persuni li l-impjieg tagħhom jew twaqqaf jew għaliex in-negozju li kienu jaħdmu miegħu għalaq huwa ta’ 11,941 persuna, sa Novembru 2015 meta mqabbel ma’ Diċembru 2013 kien hemm żieda ta’ 14,071 impjieg full-time u 3,533 impjieg part-time. Dan kif muri fl-istatistika li tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19515.

Seduta  412
04/07/2016

WIED IL-GĦAJN, IL-FGURA U Ż-ŻEJTUN – KAŻIJIET TA’ VJOLENZA DOMESTIKA



 
 
26365. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati  każijiet ta’ vjolenza domestika li seħħew fil-lokalitajiet ta’ Wied il-Għajn, il-Fgura u ż-Żejtun f’dawn l-aħħar tliet snin?

21/06/2016

 ONOR. CARMELO ABELA:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 25915.

Seduta  412
04/07/2016

SUĠĠETTI TAL-O’LEVELS – RESITS MATUL IS-SAJF.


 
26364. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid jekk din is-sena humiex se jerġgħu jiġu organizzati lezzjonijiet tal-privat b’xejn matul is-sajf, għar-resits fuq is-suġġetti ta’ O’Levels tal-Malti, l-Ingliż, il-Matematika u l-Fiżika?

21/06/2016

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sena se jerġgħu jiġu organizzati lezzjonijiet tal-privat b’xejn matul is-sajf, għar-resits fuq is-suġġetti ta’ O’Levels tal-Malti, l-Ingliż, il-Matematika u l-Fiżika.

Seduta  412
04/07/2016

REATI TA’ SERQ RAPPURTATI.


 
26363. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25865, jista’ l-Ministru jindika kemm minn dawn ir-reati huma rrapportati li twettqu fuq anzjani?

21/06/2016

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mill-każi ta’ serq msemmija 1, 595 każ ġew irreġistrati persuni b’età ta’ sittin sena jew aktar bħala vittma. Infurmat illi dan ma jfissirx li dawn il-persuni kienu kollha fil-mira diretta ta’ l-aggressur, peress li whud mir-rapporti rreġistrati kienu jinkludu aktar vittmi ta’ persuni b’etajiet diversi.

Seduta  412
04/07/2016

4.7.16

Fir-Renju jew fl-Unjoni.


 
1.       L-eventi ta’ dawn l-aħħar jiem ċaqilqu l-ilmijiet sew.  Ir-referendum uniku għall-ħruġ mill-Unjoni Ewropea tar-Renju Unit ġieb il-konsegwenzi tiegħu, li għalkemm ftit jistgħu jbassruhom bil-preċiż, però ġiebu l-inċertezza fuq quddiem.  X’ser joffri l-futur ma nafux.  Nistgħu nippruvaw nirraġunaw dwar x’ser iġib u dak li x’m’għandux inħallu jsir.  Żgur mhux forsi, il-prijorità tagħna għandha f’dan tkun dik li tassigura li l-Unjoni Ewropea tibqa’ taħdem u tibqa’ tissaħħaħ.  Il-qabżiet kbar li għamilna u għad nistgħu nwettqu f’diversi setturi, proprju għax aħna membri sħaħ, għandhom jikkonvinċuna fuq dan il-bżonn.  Għalhekk irridu ningħaqdu, iktar minn qatt qabel, mal-membri l-oħra biex nassiguraw li nibqgħu mexjin ‘il quddiem, nirfinaw, nissudaw u nkabbru dak li għandna u dak li aħna.

Nifhmu s-sitwazzjoni
2.       Għal ħafna, mhux ser tkun faċli li jifhmu u jaċċettaw Unjoni Ewropea nieqsa mir-Renju Unit.  L-ewwel: li jifhmu li d-deċiżjoni li ħa dan il-poplu li jaqta’ ruħu barra minnha trid tiġi rispettata, mhux injorata.  It-tieni, li fl-effetti tagħha aħna għandna d-dmir li nnaqqsu dawk negattivi f’kemm nistgħu.  Ser ikollna nbiddlu numru ta’ strateġiji u alleanzi fi ħdan l-istess Unjoni.  F’dan, f’ħafna sens ser nerġgħu mmorru lura għal dak li kien pajjiżna qabel ma waslu fih l-Ingliżi.  Ser inevitabilment jonqsu fid-dimensjonijiet tagħhom numru ta’ influwenzi u rabtiet soċjo-ekonomiċi mar-Renju; biss jissudaw iktar mal-Unjoni, bil-konsolazzjoni li pajjiżna ser jibqa’ jkollu vuċi fil-kapitolu fejn il-pajjiż li ddominah għal tant snin irrinunzja għalih.

Ħolm jew le
3.       Fid-dinja Ewropea tal-lum hija ħolma li taħseb li tista’ tkun poplu li tgħix billi ma tirrikonoxxix is-saħħa u l-potenzjal tal-Unjoni.  Hemm realtà li ħadd ma jista’ jaħrab.  Ir-Renju Unit, bid-deċiżjoni tiegħu mar lura għal dak li żewġ sekli ilu kien jiftaħar li kien fih: “In splendid isolation”.  Fl-1850 iċ-ċirkostanzi kienu differenti.  L-Unjoni kienet qegħda fl-aqwa tal-bini tal-Imperu u l-Ewropa ma kenitx żviluppata u magħquda kif inhija llum.  Dik il-politika żmienha spiċċa.  Ir-Renju, anke jekk irid imur iktar għal rasu jaf li ma jistax jgħix mingħajr ma jkollu xi forma ta’ ftehim mal-Unjoni.  Wieħed li, fiċ-ċirkostanzi, ħadd ma jista’ jippretendi li jkun l-istess bħal ma għandu issa.  Għalhekk, diversi qed iħossu li l-ħolma ta’ eżistenza mingħajr involviment f’ħidmet l-Unjoni ma tistax isseħħ.  Qed jissoġra li, fir-realtà jiġi dettat lilu direttament jew indirettament dak li ma jridx jew li ma jaqbillux.

Renju li m’għadux?
4.       Iċ-ċirkostanzi qed ikomplu jinbidlu ta’ taħt fuq.  Fit-18 ta’ Settembru 2014 kien sar referendum ġewwa l-Iskozja sabiex ikun hemm l-indipendenza mill-bqija tar-Renju.  Hemm, l-Unjoni wissiet li vot favur ikun ifisser il-ħruġ minnha.  Ir-riżultat kien li 55% kienu kontra u 44% favur, mentri f’dan ir-referendum l-Iskozja vvutat b’maġġoranza ta’ 62% favur li tibqa’ fl-Unjoni.  Għalhekk, il-biża’ li tinqata’ barra ma hemmx dubju li kienet il-lieva naħa u oħra.  Daqshekk ieħor fuq dan jidher li hemm sens li Nicola Surgeon, il-Prim Ministru tal-Parlament Skoċċiż bdiet ħidmietha f’direzzjoni li żżomm ‘l-Iskozja ġewwa waqt li l-Ingilterra toħroġ barra.  Kemm dan huwa possibbli niddubita: l-ewwel, għax hemm rabtiet storiċi, kulturali li mhux faċli wieħed jaqtagħhom u t-tieni, għax deċiżjoni simili tixħet iktar lura lir-Renju minn dak li m’għadux.

Qabża fid-dlam
5.       Iktar ma naqra, iktar ma nisma’, jidher dejjem iktar ċar kemm ħadd ma verament ikkalkula ġewwa dak il-poplu u fl-Unjoni x’ser ikunu l-effetti veri ta’ din is-separazzjoni.  Il-kummerċ, l-ekonomija, is-settur finanzjarju huma llum mibnija madwar u bil-premessa li huma parti mill-Unjoni.  Ma hemmx alternattiva għaliha.  Jistgħu, għada pitgħada, jippruvaw jaqtgħu kull rapport minnha, imma llum jidher ċar li bdew jirrealizzaw li kull ma jkunu qed jagħmlu huwa li jgħaddu fuq platt tal-fidda xogħol lil Stati oħra fi ħdan l-istess Unjoni.  Meta poplu jirrinunzja għal vantaġġ tiegħu, ma hemmx dubju li dan m’huwiex ser jibqa’ fuq l-ixkaffa imma ser jeħduh oħrajn.  Ma hemmx rispetti f’dan, hemm biss konsegwenzi.  It-tnaqqis fil-pożizzjoni strateġika li kellu ser iġib tnaqqis fid-dħul u miegħu ser jikbru l-problemi soċjali li dan il-poplu diġà qiegħed jiffaċċja.  F’dan hemm ir-riskju li huma bdew deħlin biċċa biċċa f’deżert li ma jwassalhomx neċessarjament lejn Ġerusalemm.

L-effetti fuq l-Unjoni
6.       Għal min ma jafx tajjeb l-Unjoni, dan ir-riżultat seta’ bagħat il-messaġġ li ser ikun il-bidu tat-tmiem tagħha.  Fir-realtà ser, minflok, iġibha iktar lejn konsolidament.  Il-pożizzjonijiet politiċi ġewwa l-Unjoni li kienu jittieħdu mir-Renju Unit issa ser jispiċċaw bla sostenitur.  Dan jiftaħ iktar il-bieb sabiex probabbilment ikomplu jiżdiedu l-membri f’direzzjonijiet oħra.  Għalhekk għandek pajjiżi fertili, bħal dawk fil-Balkani jew iktar ‘il bgħid fi ħdan il-komunità ikbar tal-Kunsill tal-Ewropa, li jersqu viċin.  Mhux biss, imma issa li l-istess Unjoni qegħda turi li għandha l-interess li timxi bil-pass tagħha mingħajr għaġġla fil-konfront tal-ħruġ tal-istess Renju, il-kumplikazzjonijiet ser jiżdiedu.  L-Unjoni ser, f’dan, finalment tassigura li ġġib lir-Renju fil-pożizzjoni li trid hija.  Ma ninsewx li diġà hemm esperjenza Ewropea ma’ żewġ Stati b’saħħithom ekonomikament li m’humiex membri imma li xorta għandhom bżonn qawwi tal-Unjoni: in-Norveġja u l-Iżvizzera.  Dan flimkien mal-fatt li l-pożizzjoni fin-negozjati m’huwiex bejn partijiet fuq l-istess livell imma fejn ir-Renju qiegħed fi żvantaġġ għax issa ġie jiddependi iktar minn qatt qabel fuq il-volontà tal-Unjoni.

Inħarsu fit-tul
7.       It-telliefa ta’ dan kollu, ma hemmx dubju, huma dawk li jgħixu fir-Renju Unit.  Pass pass, jum wara l-ieħor, l-effetti negattivi ser jinħassu għalihom u ħaddieħor m’għandux għaġġla jew raġuni li qabel kellu biex isalvahom.  Jiġi liema Prim Ministru ġdid fir-Renju Unit, għadu ma jafx għal dak li dieħel għalih.  Biss aħna, bħala membri sħaħ fl-Unjoni rridu nassiguraw il-politika tagħna fit-tul.  Il-konsegwenzi ma nistgħux inżommuhom.  Biss, nistgħu minn issa nibnu l-qafas sabiex ġenerazzjonijiet oħra jiġu f’sensihom u jidħlu lura fl-Unjoni.  Hemm f’dan quddiemna, fuq naħa l-fatt li meta tneħħi l-votanti Skoċċiżi u Irlandiżi, l-maġġoranza fl-Ingilterra hija ferm ikbar biex joħorġu.  Hemm fuq l-oħra l-ġenerazzjoni żagħżugħa li, fil-maġġoranza tagħha, trid tibqa’.  Bibien imbexxqa rridu nħallu.

Rabtiet ser jibqgħu
8.       Għal pajjiżna, rabtiet politiċi, soċjali u ekonomiċi ma hemmx dubju li ser jibqgħu.  Biss, l-intensità tagħhom u l-livell tal-koperazzjoni fihom ser jonqsu.  Dak li seta’ jsir b’ċertu faċilità u bil-vantaġġ ta’ suq kbir għad-dispożizzjoni, issa ser jinbidel.  Nafu nservu bħala l-post minn fejn tista’ tinnegozja ġewwa l-Unjoni, però nafu li huwa iktar faċli għax hemm inqas spejjeż taħdem ma’ dawk iktar viċin tagħhom.  Nistgħu wkoll ngħinu biex innaqqsu fl-effetti negattivi bil-pożizzjonijiet tagħna fl-Unjoni għalihom.  Biss, hemm hemm mument meta ser nifhmu li dan ma jistax isir jew li bih ser inbatu aħna wkoll.  Hu x’inhu, ma nistgħux inżommu lura l-arloġġ, anqas il-konsegwenzi tad-deċiżjoni li ġiet meħuda.  Nistgħu biss nagħrfu li aħna mifruda mir-Renju u magħquda fl-Unjoni.
   
           

           

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...