13.2.14

Ambaxxaturi - Spejjeż fuq trasport ta’ oġġetti personali



*7477. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm spejjeż, marbuta ma’ trasport ta’ oġġetti personali ta’ ambaxxaturi u uffiċjali oħra addetti fl-ambaxxati tagħna f’pajjiżi barranin minn pajjiżna lejn pajjiżi oħra u viċe versa tul is-sena li għaddiet?
29/01/2014

ONOR. GEORGE VELLA: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ispiża fuq trasport ta' oġġetti personali matul l-2013 telgħet għal €206,226.01. Dan l-ammont ikopri l-ispejjeż involuti fiċ-ċaqlieq ta' 39 uffiċċjal (Ambaxxaturi u Staff).
Seduta Numru 119 12/02/2014

Forum for Security Cooperation - chairmanship


*7775. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra xi preparazzjonijiet u x'programmi se jiġu segwiti minn pajjiżna issa li għandna ċ-chairmanship tal-Forum for Security Cooperation fl-OSCE tul d-dekorrenza taghha?
07/02/2014


ONOR. GEORGE VELLA: Ninforma lill-Kamra li Malta ħadet iċ-Chairmanship tal-Forum for Security Cooperation tal-OSCE nhar l-1 ta’ Jannar 2014 għal perjodu ta’ erba’ xhur. Is-sessjoniji uffiċjali tal-ftuħ saret fl-24 ta’ Jannar meta bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin indirizzajt dan il-Forum. Fl-indirizz tiegħi, jiena għamilt referenza għall-prijoritajiet ta’ Malta matul dan iċ-Chairmanship bil-prijorita’ prinċipali tkun dik dwar is-sigurta’ fir-reġjun tal-Mediterran. Taħt dan il-qafas, il-lenti ser tkun ukoll fuq l-hekk imsejjaħ Code of Conduct on Politico-Military Aspects of Security tal-OSCE kif ukoll fuq il-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi. Ser ikun hemm b’kollox tmien djalogi mmexxija minn Malta, fejn esperti internazzjonali minn diversi pajjiżi membri ta’ din l-Organizzazzjoni jippreżentaw qasam ta’ interess dwar temi li għandhom x’jaqsmu mas-sigurta’ internazzjonali, speċjalment dik Ewropea. Wieħed minn dawn id-djalogi li sar fid-29 ta’ Jannar li għadda kien propju ppreżentat minn żewġ kelliema Maltin, l-Onor. Chris Fearne MP u l-Prof. Stephen Calleya, u ttratta s-suġġett tal-Kontroll demokratiku u l-Iskrutinju Parlamentari tal-Forzi Armati u tas-Sigurta’ li jaqa’ taħt il-Code li rreferejt għalih qabel.

Matul dan l-irwol ta’ Malta ser ikun hemm ukoll attenzjoni sabiex jitkompla x-xogħol taċ-Chair ta’ qabel, jiġifieri tal-Lussemburgu kif ukoll iż-żewġ deċiżjonijiet li ttieħdu fil-laqgħa Ministerjali tal-OSCE li saret f’Kiev f’ Diċembru li għadda. Diskussjonijiet oħra ser isiru fuq il-kontribuzzjoni li l-Forum jista’ jagħti lill-proċess Helsinki + 40. Għandha ssir wkoll laqgħa konġunta bejn il-Forum u l-Kunsill Permanenti tal-OSCE li, bi ftehim bejn Malta u l-Isvizzera bħala Chair-in-Office tal-OSCE, ser titratta s-suġġett tal-isfidi għas-sigurta’ fil-Mediterran.
Nixtieq insemmi wkoll li l-programm mfassal minn Malta għall-dan iċ-Chairmanship ġie milqugħ tajjeb ferm mill-pajjiżi l-oħra membri tal-OSCE kif ukoll mill-pajjiżi msieħba tal-Mediterran (Mediterranean Partners for Cooperation). Tant hu hekk li bħal qatt qabel, il-pajjiżi msieħba tal-Mediterran saru jkunu attivi u parteċipanti b’mod regolari fil-Forum for Security Cooperation taħt ic-Chairmanship ta’ Malta, u dan qed ikun innotat u apprezzat mill-pajjiżi parteċipanti l-oħra tal-OSCE. Ninnota wkoll li fi stqarrija maħruga, l-Unjoni Ewropea wkoll wriet qbil mal-għanijiet u l-programm taċ-Chairmanship ta’ Malta.
Seduta Numru 119 12/02/2014

Stitut tal-Ġustizzja - arranġamenti


*7776. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x’arranġamenti saru u x’ftehim ġie ffirmat mal-Istati Uniti tal-Amerika għat-twaqqif tal-Istitut tal-Ġustizzja f’pajjiżna?
07/02/2014

ONOR. GEORGE VELLA: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-taħdidiet dwar it-twaqqif tal-iStitut tal-Ġustizzja u l-iStat tad-Dritt jinsabu fi stadju avvanzat ħafna bl-aħħar żvilupp ikun iż-żjara ta' uffiċċjal mid-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan f'dawn l-aħħar ġranet sabiex jiġu diskussi aspetti loġistiċi u amministrattivi tal-proġett.

Dan wara li f'Novembru li għadda ltaqgħu f'Malta numru ta' pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jiġu diskussi fid-dettall, l-għanijiet tal-iStitut u l-kontributi ta' dawk kollha interessati.
Bħalissa għaddej ukoll xogħol konġunt mal-imsieħba l-oħra f'dan il-proġett sabiex jiġi maqbul u ffinalizzat Host Country Agreement li jirregola l-preżenza ta' dan l-iStitut f'Malta kif tipprovdi l-liġi.
Seduta Numru 119 12/02/2014

7.2.14

Deheb depositat fil-Monte di Pietà


*7467. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Finanzi: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm deheb depositat taħt l-iskema ta’ rahan f’idejn il-Gvern fil-Monte di Pietà u jistax jinforma lill-Kamra liema hu l-ixjeħ rahan li ngħata u li għadu veljanti u li ma nġabarax sal-aħħar tas-sena li għaddiet?
29/01/2014

ONOR. EDWARD SCICLUNA: Ngħarraf lill-Onorevoli nterpellant li sa l-aħħar tal-2013 kien hemm 3,463 depositu ta’ deheb taħt l-iskema ta’ rahan f’idejn il-Gvern fil-Monte di Pietaˋ u l-aktar depositu ta’ rahan li ngħata u li għadu veljanti u li ma nġabarx ilu minn 1981.
Seduta Numru 115 03/02/2014

Ambaxxata fil-Kuwajt – xiri ta’ photocopier


*7476. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’kien il-bżonn li fl-ambaxxata ta’ Malta ġewwa l-Kuwajt tinxtara photocopier tiswa €17,755 u din b’ordni diretta? Jista’ jiġi ppreżentat ritratt ta’ dan l-apparat?
29/01/2014

ONOR. GEORGE VELLA: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kirja tal-photocopier li kien hemm ġewwa l-Ambaxxata ta' Malta ġewwa l-Kuwait kienet waslet biex tiskadi u għalhekk kellu jiġi ffirmat kuntratt ġdid. Għal dan il-għan ġew mitluba 4 stimi għal servizz ta' kiri ta' photocopier. Il-kumpanija li ngħatatilha l-kuntratt kienet dik li tat l-aktar stima baxxa. Ir-rati li ngħataw fl-istimi ġew maħduma fuq perjodu ta' ħames snin, għal 900 kopja kull xahar black and white u 100 kopja bil-kulur kull xahar. Allura t-total ammonta għal €17,755 għal ħames snin għall-kirja u l-kopji magħmula b'din il-magna. Din ingħatat b'Awtorita' mingħand il-Ministeru tal-Finanzi peress li spiża bħal din suppost ġiet ipproċessata b' Departemental Tender li fil-kuntest ta' pajjiżi oħra dan mhux possibbli.
Seduta Numru 116 04/02/2014

6.2.14

Il-Gvern ta’ Muscat: comedy of errors



Inqas minn 48 siegħa wara li ppubblika l-Avviż Legali bit-tielet reviżjoni għall-iskema taċ-ċittadinanza, il-Gvern illum ikkonferma li se jerġa’ jbiddel l-Avviż Legali, din id-darba minħabba “żball” fil-perjodu ta’ żmien li l-applikant għaċ-ċittadinanza Maltija għandu jżomm f’ismu l-propjetà mixtrija jew mikrija. Din ser tkun ir-raba’ darba li l-Gvern se jkollu jirrevedi l-liġi li biha titħaddem din l-iskema.

Il-Partit Nazzjonalista jsaqsi x’kien jiġri kieku dan “l-iżball” ma ġiex innutat minnu f’dan l-istadju, speċjalment fid-dawl li “l-iżball” sar fil-verżjoni bil-Malti tal-Avviż Legali illi hija l-verżjoni li treġi fil-Qrati ta’ Malta. 

Din il-kummiedja tal-lum qiegħda tkompli ttappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, u tkompli toħroġ fil-beraħ l-inkompetenza tal-Gvern ta’ Joseph Muscat. Gvern li hu moħħu biss fix-xinxilli u li mhux kapaċi jiggverna.

Ħadd ħlief il-Prim Ministru Muscat ma huwa responsabbli għall-ħsara li diġà saret għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna permezz tal-iskema taċ-ċittadinanza. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

Spejjes Ambaxxata Maltija Washington.

7226. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar x'xogħlijiet u xi spejjeż saru tul is-sena li għaddiet fl-Ambaxxata Maltija f'Washington?

21/01/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  Matul is-sena 2013, ix-xogħolijiet  u l-ispejjeż li saru fl-Ambaxxata ta' Malta ġewwa Washington kienu dawk elenkati hawn taħt:

It-tibjid tal-ħitan tal-ewwel sular (bl-ammont ta' €379.51)
It-tibdil tas-serratura tal-bieb tal-kamra tal-viża (bl-ammont ta' €111.10)
It-tiswija ta' difett tal-elettriku fil-kċina (bl-ammont ta' €114.08)
L-inklużjoni ta' struzzjonijiet ċari mas-salvavita (bl-ammont ta' €266.00)
Ir-rikonfigurazzjoni tas-sistema tas-sigurta'  (bl-ammont ta' €244.74)
It-twettiq tal-proġett tiswija tas-saqaf (bl-ammont ta' €2,648.22)
It-tiswija tas-saqaf (bl-ammont ta' €26,486.15)

Seduta 117

05/02/2014

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...