2.12.11

Il-kwistjoni tar-remissjoni

1.    Tul dan is-sajf li għadda qam dibattitu dwar l-għoti tar-remissjoni lill-persuni li jkunu qed jiskuntaw piena karċerarja.  Din mhix sistema legali ġdida, anqas ma hija waħda li ġibt fis-seħħ jien, imma ilha hemm għal dawn l-aħħar tmenin sena.  Ir-remissjoni hija mod ta’ kif il-leġislatur introduċa mekkaniżmu li jekk persuna ġġib ruħa tajjeb ġewwa l-ħabs allura, kif inhija llum, terz tal-piena tagħha tinħafrilha.  Dan l-istrument ġie introdott hawn f’pajjiżna wkoll wara li kien daħal f’diversi oħra fl-1931.  Anqas konna qegħdin nivvintaw ir-rota, imma segwejna l-esperjenzi ta’ Stati oħra meta konna għadna kolonja u mhux pajjiż indipendenti.

2.    Biss stranament, tul ix-xhur sħan ta’ Lulju, Awissu u Settembru diversi kitbu u tkellmu bħallikieku dan kien xi pass kompletament ġdid.  Xi wħud, forsi sforz ta’ ċirkostanzi iktar strambi, ippruvaw jgħidu li anzi huwa l-Ministru nnifsu li joqgħod jaħfer lil dak u lill-ieħor, skont kif jidhirlu hu.  Dawn il-vuċijiet ippruvaw iressqu argumenti li ma qatt ma jistgħu jagħmlu sens billi, appuntu, dan il-mekkaniżmu ilu jeżisti u jitħaddem għal għexieren ta’ snin.  Kull min jaf ftit is-sistema karċerarja jaf li sallum, appena xi ħadd jintbagħat il-ħabs, ikun infurmat mill-ewwel li jekk iġib ruħu sewwa, terz tas-sentenza tinħarfilu kważi kompletament b’mod awtomatiku.

3.    Kull min huwa Ġudikant fil-Qrati tagħna, kull min huwa avukat jew prokuratur legali jaf b’dan, u jaf is-sistema kif taħdem.  Kulħadd jaf li l-liġi ma tagħmilx distinzjoni bejn dak u l-ieħor u kull min jinstab ħati u jintbagħat il-ħabs, ikun x’ikun id-delitt li kkommetta, jibbenefika.  Dawn jafu wkoll li ftit tas-snin ilu saret kawża kostituzzjonali, li ntrebħet, fuq x’jiġri meta persuna fil-ħabs terġa’ tikkommetti, twettaq, tagħmel delitt ieħor.  Għal snin twal, l-awtoritajiet kienu jressqu lil dik il-persuna quddiem il-qorti akkużata bid-delitt “il-ġdid” li tkun wettqet u jitneħħilha mill-ewwel il-benefiċċju tar-remissjoni.  Din is-sentenza kostituzzjonali però biddlet kollox billi ddikjarat li b’dan il-mod qed jingħata lok li dak li jkun qed jingħata żewġ pieni għall-istess delitt u allura wieħed irid jagħżel – jew tressqu quddiem il-qorti, inkella tneħħilu r-remissjoni minħabba d-delitt.  Billi ħafna drabi r-reat sussegwenti li jkun twettaq ikun ta’ iktar gravità, allura ġustament l-awtoritajiet tal-ħabs jagħżlu li jipproċedu billi jressqu lil dik il-persuna quddiem il-qorti u għalhekk ir-remissjoni ma tkunx tista’ tintmiss.  Din hija s-sistema li għandna s’issa.

4.    Fil-ħidma lejn l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi, li issa waslet fl-aħħar qegħdin, wara tmenin sena, nistabbilixxu miżuri ġodda li jibdluha.  Li kien verament interessanti kien il-kuntrast ċar fil-midja bejn dak li kont, u issa finalment jidher li mxejna fuqu, u dak li żbaljatament kien qed jingħad li qed nippermetti li jsir.  Ngħid dan għax b’dan l-abbozz qed nieħdu miżuri li jibdlu s-sistema tar-remissjoni mill-qiegħ.  Qed nieħdu l-pass illi min jibbenefika mir-remissjoni jrid jaħdem għaliha billi jsegwi d-direzzjonijiet li jagħtih Bord apposta, l-Offender Assessment Board, biex jirriabilita ruħu.  Jekk jaħdem għaliha iva jibbenefika, imma jekk le allura r-remissjoni ma tingħatax.

5.    Mhux biss, imma għall-ewwel darba qegħdin indaħħlu fis-seħħ Bord ieħor fuq ir-remissjoni li qabel ma kienx jeżisti.  Dan ser ikollu numru ta’ funzjonijiet, però l-iktar importanti huwa li l-Bord ser ikun qed jara li l-pjan ta’ kura jiġi segwit u, jekk jaqbel, japprova r-remissjoni; u t-tieni, li l-Bord ser ikollu għall-ewwel darba d-dritt li jimponi kundizzjonijiet fuqha.  B’dawn il-passi nħoss li qed isir sforz dirett sabiex is-sistema tiġi ssudata u ma tibqax awtomatika.  Dan kien ċar fid-dibattitu parlamentari.  Tant kien ċar li Membru fuq in-naħa tal-Oppożizzjoni qajjem l-oġġezzjoni tiegħu u nsista li r-remissjoni tibqa’ waħda awtomatika.  Kien għalhekk kompletament żbaljat min allega li jew ma jiena qed nagħmel xejn jew inkella li ma rridx nikkontrolla s-sistema.

6.    Tant l-impressjoni li ngħatat kienet għal kollox dik li mhix li skantajt kif, anke proprju fil-jum tal-operazzjoni tiegħi (kif wara skoprejt) kien hemm min ħeġġiġni nieħu l-pożizzjoni li kont diġà ħadt sitt xhur qabel!  Ma hemmx dubju li dan it-tibdil ser ikun hemm reżistenza għalih, bħalma jiena ċert li jrid jieħu l-ħin tiegħu biex jindara.  Nittama però li ma jkollix min jinsisti miegħi li għandi mmur lura minn dan il-pass.  Jekk irridu li iktar persuni li jispiċċaw ikkundannati l-ħabs jagħmlu ħilithom sabiex jirriformaw ruħhom, m’għandniex inċedu għal dan.  Illum nafu li għalkemm hemm faċilitajiet ferm aqwa minn qabel, jekk ma jkollniex dawn il-mekkaniżmi ġodda, ser nibqgħu kif konna.

1.12.11

Ambaxxatur Franċiż

Il-ġimgħa li għaddiet kelli l-Ambaxxatur Franċiż Daniel Rondeau fl-uffiċċju tiegħi.  Il-ħatra tiegħu waslet fi tmiemha u fl-aħħar jum ta’ dan ix-xahar ser iħalli pajjiżna.  Tul dawn it-tlett snin kelli l-opportunità li narah fl-azzjoni.  Persuna mimlija kultura, kittieb ta’ diversi kotba mill-isbaħ li, bl-aħjar Franċiż tiegħi, ippruvajt naqra.

Ħadem ħafna u ta l-kontribut sħiħ tiegħu.  Permezz ta’ ħidmietu waslu hawn żewġ Ministri ħbieb tiegħi, Brice Hortefeux u Eric Besson.  It-tnejn raw li l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà jaħdem u Franza ħadet ħsieb tieħu madwar mitejn mill-immigranti irregolari f’pakkett ta’ integrazzjoni ġeneruż.  L-istess, għeni sabiex immur Pariġi għal numru ta’ laqgħat dwar il-Ġustizzja, l-Intern u l-Immigrazzjoni.  Sibtu mimli b’pariri, b’ħeġġa, ġenerożità u ppreparat.  Pajjiżna ttrasforma ruħu għaliha bħala t-tieni patrija.

Ma hemmx dubju li serva tajjeb ħafna u ser nitilfuh minn magħna.  Ċert però li ser jibqa’ jiftakarna u nibqgħu nibnu fuq dak li rnexxielu jwettaq magħna.

30.11.11

30 ta’ Novembru 1986 – 25 sena wara

1.    Hemm partijiet mill-memorja tiegħi li għamilt ħafna sforzi sabiex ninsa kompletament.  Nammetti li għalkemm jirnexxili fuq diversi, però hemm uħud li minn żmien għal żmien jerġgħu jiġu lura.  Jerġgħu jiġu lura bil-forza, bl-intensità, bid-dettalji u fid-dettalji ta’ dak li għaddejt minnu.  Is-snin mill-1981 sal-1987 huma mumenti li ffurmawni f’direzzjonijiet li jorbtu l-aġir tiegħi.  Jorbtuh mhux fit-triqat żbaljati – dawk li jriduk forsi twettaq aġir kundannabbli b’ieħor daqstant ieħor ħażin, imma l-kontra.  Dak li sar, il-ħidma anti-demokratika li għamlet tant ħsara lis-soċjetà Maltija, m’għandha qatt tirrepeti ruħha.

2.    Ħafna mumenti, fid-direzzjoni u x-xogħol li nkun qed nieħu u nagħmel, inżomm f’moħħi li għandi nara kif naħdem biex ma jkunx hemm ripetizzjoni.  Dawk is-snin kienu lezzjonijiet kbar.  Tagħlimiet li assiguraw f’ġenerazzjonijiet bħal tiegħi il-bżonn li l-istituzzjonijiet demokratiċi ma jonqsux u l-klima paċifika u stabbli tibqa’.  Ħadd ma jista’ jqabbel dak li ġara f’dawk il-jiem koroh ma’ dak li għandna llum.  Hemm baħar kbir jaqsam iż-żewġ naħat tal-istorja kostituzzjonali tagħna. 

3.    L-aġir anti-demokratiku, is-simpatiji lejn il-lemin estrem jistgħu jerġgħu jħajru u għalhekk wieħed irid jikkumbattihom bis-saħħa tal-liġi, bl-użu tal-kitba li turi l-iżbalji ta’ dak l-aġir, kif ukoll bil-konvinzjoni.  Dawk il-ġranet nisslu f’diversi proprju l-bżonn assolut li wieħed jaġixxi demokratikament għax hekk jista’ jżomm lura dan il-materjaliżmu.  Anke jekk jista’ jiġi ttantat, attakkat bi żlealtà, xorta waħda jrid iżomm lilu nnifsu f’din il-linja retta.  Dawk bħali li għaddew minn dak iċ-ċirku tan-nar jibqgħu mpenjati sabiex jaraw li ma jkunx hemm ripetizzjonijiet.  Kieku l-Partit Nazzjonalista waqa’ li jwieġeb bi vjolenza għall-vjolenza l-pajjiż, il-poplu kien jitwassal f’xifer li minnu kien ikun diffiċli li jmur lura.

4.    Kienu żminijiet vjolenti.  Kienu wkoll anti-demokratiċi u ma kienx hemm rispett għad-drittijiet fundamentali anzi, kien hemm tant il-kontra li l-ordni tal-ġurnata kienet proprju li taġixxi b’dan il-mod żbaljat.  Kont hemm f’diversi mumenti xejn sbieħ għalina lkoll.  It-30 ta’ Novembru 1986 kien wieħed minnhom.  Wieħed li wera lil kulħadd f’liema traġedja l-Partit Laburista kien ġieb lili nnifsu.  F’dak il-jum, il-Partit Nazzjonalista kien awtorizzat jorganizza meeting politiku.  Niftakarni nsegwi l-proċeduri legali u s-sentenzi tal-qrati tagħna.  Kienu jiem ta’ barra minn hawn.

5.    Niftakar li f’dak il-jum inġbart ma’ diversi oħrajn fi triqitna lejn iż-Żejtun.  Kien jum meta l-irġiel hemm iddistingwew ruħhom minn dawk li kienu kapaċi ħafna fid-diskors ta’ dak li għandna nagħmlu, imma mhux fil-fatti.  Tgħallimt niddistingwi bejn dawk li jafu fejn hi l-irġulija u dawk li baqgħu tfal, isabbtu saqajhom.  It-triq tal-Barrani kienet mill-iktar indikata.  Konna dak iż-żmien ikkunsidrati bħala “barranin” għal dak l-Istat li kien jara biss bħala ċittadini tiegħu lil dawk li jiddikjaraw li huma laburisti ferventi.  Tlajna t-triq u hemm rajt xeni li għadhom ċari u impressi fil-memorja.

6.    Bnedmin ta’ nuqqas ta’ rieda tajba tħalltu mal-Pulizija.  Ġew sparati tiri ta’ arma tan-nar b’ripetizzjoni lejn Eddie Fenech Adami.  Għad għandi t-tisfir tagħhom jidwi f’widnejja u magħhom id-diversi li bdew jgħajtu u jgħidulu jinżel.  I-rassa fuq bdiet tikber x’ħin, f’daqqa waħda, bdew niżlin bottijiet ta’ gass tad-dmugħ.  X’riħa kienet ...  Daħlet sew fil-pulmuni tiegħi u għadni sallum f’mumenti nerġa’ niftakar fl-effett ikrah tagħhom.  Is-sitwazzjoni kienet iddeġenerat f’daqqa u rajt xeni quddiemi li nippreferi jkomplu jgħaddu fil-passat.

7.    Ħamsa u għoxrin sena wara hemm bżonn li nibqgħu niftakru mingħajr ma nagħmlu l-iżball li nitqanqlu fid-direzzjoni l-ħażina.  Dik li flok tiżra’ fit-tajjeb, tassigura l-mibgħeda.  Min beka dak il-jum ra li ma kienx beka ta’ xejn.  Il-poplu tagħna baqa’ u għadu jagħraf li l-Partit Nazzjonalista kien u għadu l-partit li ddefenda ‘l-pajjiż, lill-poplu u lill-Istat demokratiku.  Jekk f’dawn l-aħħar elezzjonijiet baqa’ jagħżel lil dan il-partit, għamel dan għax jaf minn min huwa magħmul u x’inhuma l-prinċipji li jmexxuh.


24.11.11

Tibdil fi Spanja

Fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja, l-Intern u l-Immigrazzjoni ġewwa l-Unjoni Ewropea sibtni nsir naf persuni ta’ intelliġenza ġejjin mill-irkejjen kollha tas-27 Stat Membru.  Kienu diversi li magħhom bnejt rapport personali li għenni nifhem dak li kien għaddej u li ngħaddi aktar malajr kelmtejn fuq dak li kont nara jien.

Alfredo Perez Rubalcaba (xellug) illum huwa l-Kap tal-Oppożizzjoni fi Spanja
Wieħed minn dawn kien Alfredo Perez Rubalcaba, li għamel żmien twil Ministru tal-Intern ta’ Spanja.  Mertu tal-Ambaxxatriċi li kellna, Maria Isabel Vicandi, kont mort Madrid niltaqa’ miegħu.  Kellna laqgħa fl-aħħar tal-jum iffissata għal ftit iktar minn tletin minuta.  Bdejt bi żvantaġġ ta’ perċezzjoni li, fortunatament, ħallietni nibdilha f’waħda li spiċċat wara sagħtejn intensivi.  Minn dak il-mument kelli ħabib u allejat.  Mhux darba jew tnejn kellimtu permezz tat-telefon.  Qatt ma ninsa dik li għamiltlu jumejn qabel il-Milied tal-2009, qabel ma bdiet il-Presidenza Spanjola.  Stmat fil-pubbliku bħala persuna mill-iktar retta u onesta, okkupa l-kariga b’suċċess.

Ammirajtu li ssagrifika kollox sabiex imexxi l-partit soċjalista flok il-Prim Ministru Josè Luis Rodriguez Zapatero.  Il-fjask ta’ dik it-tmexxija daħal għalih hu biex jipprova jnaqqas mill-ħsara li kienu qed jaraw ġejja.

Nhar il-Ħadd 20 ta’ Novembru saru l-elezzjonijiet ġenerali.  Is-soċjalisti tilfu u magħhom spiċċali ħabib ieħor fil-Kunsill.  Tgħallimt ħafna mingħandu u nħoss li bnejt paġna ġdida fir-rapporti bejn Malta u Spanja.

23.11.11

Appell lill-poplu Malti

It-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija għandu jitfakkar.  Għandna verament niftakru f’dawk li tilfu ħajjithom f’konflitt mondjali li farrak l-Ewropa.  Miljuni mietu, daqshekk ieħor indifnu.  Iċ-ċimiterji mtlew, oħrajn twaqqfu.  Wara dawn is-snin, tajjeb nagħmlu li nieqfu u naraw x’lezzjonijiet għandna nieħdu.  Naraw dak li għandna naħarbu u ma nirrepetux.  Il-gwerra ma ssolvix problemi, imma tikkumplikahom.  Id-dinja tikber biss fil-paċi u fil-ġustizzja.

Wara u qabel tmiem dak il-konflitt, f’numru ta’ pajjiżi qamu movimenti sabiex jinbnew strutturi kostituzzjonali differenti.  Dawn il-gżejjer, forsi ispirati direttament minn sejħa li saċerdot Sqalli, Don Luigi Sturzo (ritratt) għamel għal persuni liberi u b’saħħithom, fit-23 ta’ Novembru 1918 patrijott Malti għamel sejħa ġdida.  Appell lill-poplu Malti biex tkun iffurmata “Assemblea Nazzjonali”.  Sir Filippo Sciberras, tabib fit-tmienja u sittin sena tiegħu, matur, ta’ karattru ffurmat, onest u magħruf għall-atti ta’ karità mal-fqar, mexxa u stieden rappreżentanti tas-soċjetà ċivili biex jinġabru f’din l-Assemblea Nazzjonali.  Kien proprju fit-tieni laqgħa tas-7 ta’ Ġunju 1919, taħt il-Presidenza tiegħu, li sab lilu nnifsu fiċ-ċentru ta’ mument storku li kull sena bqajna nfakkru – is-“Sette Giugno”.

Wirt Filippo Sciberras huwa kbir.  Illum, tlieta u disgħin sena wara għandna nibqgħu niftakru li d-demokrazija li ngawdu llum ġiet bis-sagrifiċċji ta’ diversi patrijotti intelliġenti, bil-għaqal u kapaċi.  Nassiguraw li ma nitilfuhiex imma nkomplu nżommuha u nissudawha.

22.11.11

Fejn aħna konservattivi

1.    Il-poplu tul din il-ġimgħa fehem li, minkejja s-sitwazzjoni ekonomikament diffiċli, l-Gvern Nazzjonalista xorta rnexxilu jibni programm ta’ ħidma għas-sena li ġejja li fih ma tilifx id-dimensjoni soċjali.  Ir-realtà tal-pożizzjonijiet finanzjarji ta’ diversi Stati fid-dinja ħadd ma jista’ jmeriha jew jiċħadha.  Kriżi li ġiet maħluqa minn nuqqasijiet fid-dinja tal-flus.  Waħda li twieldet u ssudat fid-duttrina li s-suq isuq, li f’kelma oħra s-suq jirregola hu lilu nnifsu fil-libertà li għandu u għalhekk ma għandux bżonn liġijiet.  Dan il-kunċett ta’ liberaliżmu ma qbilniex miegħu u f’dan il-pajjiż għamilna liġijiet biex jirregolawh.

2.    L-inġustizzja tas-sitwazzjoni hija li l-bqija tal-popli jridu f’dawn il-pajjiżi jħallsu l-kont ta’ l-irresponsabbiltà u l-immoralità ta’ min abbuża mill-libertà ekonomika tiegħu.  Mhux biss imma l-komplikazzjoni ulterjuri hi li l-Gvernijiet qed jiġu skrutinati u kkritikati bl-ikrah mill-operaturi finanzjarji l-oħra li ma kienux nvoluti.  Ix-xhur li għaddew rajna pajjiżi jiftaqru, popli jitkissru, gvernijiet jitwarrbu proprju għax kriżi ġiebet oħra u l-miżuri li ġew imressqa sabiex jikkumbattu dan ġew il-ħin kollu mċekkna u mkissra.

3.    F’dawn l-aħħar xhur rajna miżuri varji proposti mill-Unjoni Ewropeja li ġiebu magħhom komplikazzjonijiet kbar.  Nuqqasijiet fid-direzzjonijiet, fit-tmexxija politika u f’dik ekonomika.  Qisu ma hemmx formazzjoni vera ta’ kif wieħed għandu jaġixxi.  Fejn sparixxew il-valuri li jridu jmexxu ‘l-politika fl-ideat ta’ kuljum tiegħu.  Is-sitwazzjoni kienet b’mod ċar waħda fejn it-truf kienu qed jintilfu u s-sitwazzjoni bħall-pendlu - tmur minn waħda ta’ kontroll għal oħra ta’ konfużjoni totali.

4.    Il-prezz ta’ dan kollu f’diversi Stati fl-Ewropa u fid-dinja qed iħallsuh il-popli.  Il-prezz ta’ dawk li fdaw ruħhom f’duttrina ta’ liberaliżmu politiku żbaljat, ta’ dawk li ma kellhomx moħħhom ċar fuq dak li għandhom jagħmlu, ta’ dawk li ma ħaddnux il-valur tal-ġustizzja soċjali u ta’ dawk li tmexxija politika vera u mhux medjatika, hija proprju din.  F’kuntrast ċar, tul dawn is-snin il-Gvern baqa’ jiġi ggwidat mill-ġustizzja soċjali.  Baqa’ Gvern li jagħraf li jrid jiggarantixxi x-xogħol, id-drittijiet industrijali għall-ħaddiem Malti.  Ma lludiex ruħu fi proġetti bbażati fuq aspetti finanzjarji li ma kienux marbuta mal-ġenerazzjoni tax-xogħol.  Il-mira hemm kienet u biha żammejna t-tkabbir ekonomiku u t-tnaqqis tal-qgħad.

5.    Pajjiżi oħra li m’aħniex ‘il bogħod minnhom, bħar-Renju Unit, raw miżuri xejn faċli għall-poplu. Tnaqqis fil-postijiet tax-xogħol, tkeċċija ta’ ħaddiema minn mal-Gvern, tnaqqis fl-ispiża nazzjonali, żieda fit-taxxa u issa hemm proposta ta’ konsulent finanzjarju tal-Prim Ministru David Cameron li jismu Adrian Beecroft li fiha qed jingħad li l-ħaddiema jistgħu jitkeċċew mingħajr kawża ġusta (Britain should scrap the right of employees to claim unfair dismissal).  Il-kuntrast magħna huwa evidenti.  Il-ħaddiem jibqa’ għalina ċ-ċentru tal-ħidma tagħna.  Impenjati sabiex nipproteġuh fix-xenarju internazzjonali u Mediterranju daqshekk komplikat.

6.    Dan d-dokument finanzjarju huwa prova li m’abbandunajniex il-valuri demokristjani tagħna.  Ma dħalniex għal kunċetti ta’ liberaliżmu li jriduna nżarmaw l-Istat soċjali, li nnaqsu l-pakkett li jifforma s-servizzi soċjali tagħna anzi stajna mmorru l-kontra tal-oħrajn billi nżiduhom.  Kien hemm min qalilna li m’aħniex moderni jew progressisti għax ma tajjarniex dak li għandna għar-riħ, tal-avventuri u l-esperimenti bil-ħajjiet tan-nies, imma żammejna sod.  Il-ġustizzja soċjali ma warrabnihiex, id-dinjità u d-drittijiet tal-ħaddiema ma żarmajnihomx.  Bqajna l-istess fuq dan.  Iva, fuq dawn il-punti ma niddejjqux inkunu konservattivi.

21.11.11

Mhux Biss Politika

Fit-8 t’ Ottubru 1932 nannuwi Carmelo Mifsud Bonnici, magħruf bħala l-“Gross” dak iż-żmien Ministru tat-Teżor, kien għamel diskors biex fl-okkażjoni tal-kxif ta’ lapida jikkommemora ż-żjara ta’ awtur importanti.

Fil-fatt illum, 21 ta’ Novembru jaħbat il-mija u tmenin anniversarju minn meta Sir Walter Scott ġie f’pajjiżna. Fl-1831 dan il-kittieb mill-aqwa ġie jara kif dawn l-gżejjer ġew trasformati f’fortizza mill-Kavallieri ta’ San Ġwann. Ġie jmiss l-istorja, l-arti, l-kultura li snin twal ta’ din l-Ordni ħallewlna. Issa kien kollox għadda f’idejn ir-Renju Ingliż u għalhekk kien iktar faċili sabiex bnedmin bħalu jiġu hawn. Tiskanta x’lezzjonijiet tagħti l-istorja. Għandna wirt u patrimonju tant kbir li ftit minna jafu biħ, li però huwa magħruf ma’ oħrajn, ma’ dawk li jaqraw u jgħarfu li għandhom jiġu hawn.

Għal min iħobb il-letteratura Ingliża jaf li huwa magħruf għal numru ta’ novelli mill-iktar sbieħ. Waverley, Rob Roy u Ivanhoe huma wħud mill-iktar popolari. Skoċċiż imwieled fil-15 t’ Awwissu 1771 u li miet sena wara li ġie għandna fil-21 ta’ Settembru 1832 - t-tnejn dati marbuta mal-istorja tagħna. Żgur mhux forsi, is-swar ħallew l-marka tagħhom miegħu ukoll għax l-aħħar ħidma tiegħu kienet marbuta ma’ novella ambjentata fl-Assedju l-Kbir li baqa ma wassalx sal-aħħar.

Għex ġewwa dar mill-isbaħ, f’Abbotsford naturalment fl-Iskozja li tinsab ftit ‘l isfel mill-belt kapitali Edinburgh li kelli x-xorti nżur jien ukoll ftit snin ilu. Post mill-isbaħ milli bil-passat li mingħajr ma trid, tħossok qed terġa tarah għaddej minn kamra għall-oħra.

Kemm hija politika għaqlija li ma tinsiex il-passat u tieħu ħsieb tinvesti sabiex tippreserva dak li ħallew ta’ qabilna. Kulhadd jaf li dan qegħdin nagħmluh il-ħin kollu.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...