22.11.20

Identity Malta - Dixxendenti Maltin li jgħixu fit-Tuneżija, fl-Eġittu u fl-Alġerija

 16334. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 11645 u 14286, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru rċeviex ilmenti minn persuni li huma ta’ dixxendenza Maltija li ġejjin mit-Tuneżija, l-Alġerija u l-Eġittu? Saru diskussjonijiet ma’ Identity Malta sabiex is-sistema taħdem aħjar milli kienet, wara l-emendi li ġew approvati?

19/08/2020

 ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li l-Ministeru jista’ jikkonferma li ma rċeviex ilmenti minn persuni ta’ dixxendenza Maltija li jgħixu t-Tuneżija, l-Alġerija u l-Eġittu dwar applikazzjonijiet għal ċittadinanza Maltija, kif kien irrappurtat fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14286, il-Ministeru kien iddiskuta din il-materja mal-awtoritajiet kompetenti mill-Aġenzija Identity Malta, u filwaqt li dawn tal-aħħar fehmu d-diffikultajiet li applikanti ta’dixxedenza Maltija mit-tali pajjiżi jistgħu isibu biex jipprovdu ċertifikati tat-twelid oriġinali tal-iStat minħabba raġunijiet ta’ natura storika, għall-finijiet ta’ applikazzjonijiet ta’ ċittadinanza u wara ta’ passaport Maltin, issa dawn il-persuni jistgħu jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-magħmudija, flimkien ma’ kull dokumentazzjoni oħra wara li d-dixxendenza minn persuna mwielda f’Malta tkun ġiet stabbilita. Il-Ministeru huwa nfurmat mill-Aġenzija Identity Malta li każi ta’ dan it-tip qed jiġu trattati każ każ biex ikun aċċertat li d-dokumenti ppreżentati jkunu awtentiċi.

Fir-rigward tal-emendi fil-leġislazzjoni msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari, l-Aġenzija Identity Malta infurmat lill-Ministeru li fejn qabel kien possibbli biss għal persuni li twieldu barra minn Malta biex japplikaw għal ċittadinanza Maltija abbażi ta’ dixxendenza kif definit fil-proviżjonijiet tal-istess leġislazzjoni, issa din ġiet estiża ukoll għal persuni li twieldu Malta. F’dan l-istadju għalhekk, dawn l-emendi fil-leġislazzjoni ma japplikawx għal persuni li dwarhom saret din il-Mistoqsija Parlamentari

Seduta Numru 374
20/10/2020

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...