22.11.20

Il-futur tagħna fejn irriduh?

 

 

1.     Nisimgħu ħafna fis-soċjetà.  Diversi drabi jgħidulna kif m’għandniex inkunu.  Drabi oħra jsemmulna xi punt li xi ħadd jarah bħala eżempju tajjeb ġej minn xtut oħra.  Jgħidulna naġixxu u nwettqu dak li “suppost” ikun.  Iħajruna nimitaw, anke jekk ma nafux jekk dak huwiex sewwa jew le.  Anzi aħjar, jekk għax ikun hemm, wara huwa jkun fil-fatt kapaċi jwettaq il-frott u l-ġid fis-soċjetà tagħha.  Nisimgħu ħafna b’ideat varji mwielda minn direzzjonijiet differenti.  Ma tistax iġġibhom f’daqqa, għax ħafna drabi ma jaqblux.  Tieħu minnhom jew timxi ‘l quddiem fil-ħsieb u fil-proċess tal-għarbiel tiegħek tas-sewwa.

 

Ideat varji

 

2.     Hemm minn fostna dawk li tagħrafhom.  Ikunu jew mal-partit tal-proposti, jew ma’ dawk tat-tgergir.  Ċerti drabi, tat-tieni jkunu maqsuma bejn dawk li jmaqdru dak li ħaddieħor iwettaq, u dawk li biex iwettqu dan jipproponu dak li m’għandux isir.  Imma xorta, f’dan kollu, dmirna bħala bnedmin jibqa’ li għandna nħarsu ‘l quddiem f’dawl għall-futur.  Anzi, għalina li aħna fil-politika, il-piż tar-responsabbiltà huwa ikbar u differenti.  Għandna l-obbligu naturali, normali, li nfittxu proposti differenti.  Dawk li l-esperjenza umana ta’ oħrajn u tagħna stess jgħinuna biex nipproponu għad-diskussjoni.  Il-qari, id-dibattitu, l-għarfien tar-realtà partikolari ta’ dawn il-gżejjer twassal fit-triq tal-futur.

 

Il-kummerċ

 

3.     Il-politika mhix id-dinja tal-kummerċ.  Ideat maniġerjali jistgħu jgħinu fl-ordni u fil-ħsieb tas-soċjetà fin-negozju.  Biss, fil-ħajja ta’ partit politiku, il-pożizzjoni hija differenti ħafna.  Il-bnedmin iridu jiġu grad ferm ogħla ta’ rispett.  Mhux biss, imma l-motivazzjoni, ir-raġuni wara l-azzjoni mhix dik bażata fuq it-tkattir tal-qligħ monetarju.  Partit iġib bnedmin f’daqqa f’ideal li għandu jipprova jwettaq.  F’kunċett ta’ soċjetà li tħares lejn il-persuna umana u tħaddan il-ġustizzja soċjali fost il-klassijiet u l-komponenti tagħha kollha.  Nitqanqlu naħdmu f’din l-għalqa biex inwettqu l-ġid sħiħ, mhux biss dak materjali lill-bniedem.  Nibqgħu, jum wara jum, naħdmu u niddedikaw saħħitna u ħajjitna f’din il-linja.  Tħares iktar fit-tul u tibbilanċja iktar mhux biss l-interessi partikolari fis-soċjetà preżenti, imma dik fil-ġenerazzjonijiet futuri.

 

Spazju liberu

 

4.     Il-politika mhix kollox, anki għall-istess bnedmin li jkunu fiha.  Meta l-politiċi jagħmlu minna allaz foloz, jispiċċaw jaduraw fuq l-artali żbaljati.  Tieħu lilhom iktar ħin, iktar attenzjoni, imma mhux biex jibqgħu rilevanti, jridu jmissu l-ħajja ta’ kull ġurnata.  Mhux biss meta ma jiddedikawx dak li għandhom u kif għandhom, jispiċċaw jieqfu jaħsbu jew iwettqu fil-politika.  Jinxfu fl-ideat u fil-proposti.  Għandu jkollok widnejn miftuħa u trid aktar tassigura l-ispazju għal dak li llum naraw bħala s-soċjetà ċivili.  Biss, xorta l-politika mill-politiċi ssir.  Iktar u iktar fil-partit tagħna, li mhuwiex fundat biex jipproteġi interessi partikolari ta’ wħud.

 

Il-futur

 

5.     F’dan irridu nfasslu iktar l-ideat neċessarji lejn il-futur tas-soċjetà tagħna.  Kull min huwa fuq dawn il-gżejjer għandu d-dritt, u d-dmir, li jsemma’ leħnu għall-bidliet li huma neċessarji.  Il-politika t-tajba tiġi minn dan.  Tiġi minn għarfien li l-proġetti l-kbar jimxu u jikbru jekk warajhom ikun hemm dawk li huma iżgħar.  F’dan nisimgħu varjetà lkoll kemm aħna fis-soċjetà, imma dawk li huma politiċi, hija x’inhija l-età tagħhom, iridu jiġbruhom.  Il-Partit Nazzjonalista kien, u rnexxielu jkun muur ta’ bidla f’dan, għax mhux biss tkellem ġenerikament dwar il-futur, imma fassal programm ta’ ħidma fuq dan kollu.  Baqa’ rilevanti għax ġabar u fassal manifest li kien ambizzjuż, imma fil-maġġoranza tiegħu realistiku.

 

Proprju f’dan

 

6.     Għalhekk wieħed irid jistaqsi u jifhem il-proposti għall-futur tagħna fis-soċjetà.  Soċjetà li hija magħmula minn ħafna, u b’varjetà ta’ ideat.  Proprju f’dan il-Partit, ftit tas-snin ilu kellu manifest elettorali li ħa l-ħin tiegħu biex jinħema.  Mill-1981 ‘il quddiem bena u ssoda dak li ried u seta’ jwettaq.  Minħabba f’dan li baqa’, għal snin, rilevanti u strument ta’ bidla.  L-immaġini fil-politika fiha l-piż tagħha.  Tagħti l-kredibilità, imma l-iktar li għandha fil-kalatura huwa l-kontenut.  Il-proċess li jwassal sabiex il-poplu jafda li dak li qed tipproponi ser twettqu.  U dan fih iktar importanza fil-pożizzjoni preżenti, fejn il-Partit Laburista, l-ewwel: ma żammx ma’ kelmtu fuq ħafna; u t-tieni, fejn qiegħed ibiddel il-bnedmin imma għadu għaddej fuq ir-rankatura ta’ ideat tal-2013.

 

Inħarsu ‘l quddiem

 

7.     Il-politika t-tajba tiġi mill-ideat li jitbasktu fil-bniedem, frott il-ħsieb u l-esperjenza.  Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar wieħed jifhem dan u iktar ikun f’pożizzjoni jsarraf għar-realtà dak li ħafna jipproponu, imma m’għandhomx idea kif ser iwettqu.  F’dinja fejn hemm tamiet ġodda.  Fejn hemm kapitoli differenti.  Dawk li qed jinkitbu fil-mument.  Bħal dawk li ġejjin mal-President il-ġdid Joe Biden.  Dawk li ser naraw fl-Unjoni Ewropea.  Dawk li mhux dejjem nagħrfu li ġejjin miċ-Ċina ta’ Xi Jingping.  Ir-responsabbiltà tagħna tikber.  Tiżdied sabiex nibnu programm ta’ ħidma għas-snin li ġejjin.  Kapaċi, minkejja kollox, inwettquh ferm iktar, meta nistaqsu lilna nfusna: l-futur tagħna fejn irriduh?

 

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...